Il-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Fil-mumenti l-aktar koroh tan-niket u t-tbatija, saħansitra quddiem l-insulti, dejjem għandna nagħżlu t-triq tat-talb, tal-paċenzja u tat-tama f’Alla, mingħajr ma naqgħu fl-ingann tal-vanità. Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Ma rridux inħallu s-‘sbuħija rtukkata’ tal-vanità tqarraq bina, imma fi qlubna għandna nħallu jidħol il-ferħ li ġej minn Alla, u niżżuħajr lill-Mulej għas-salvazzjoni li tana.
Il-Papa Franġisku kien qed jirrifletti fuq l-ewwel qari meħud mill-Ktieb ta’ Tobit u ta l-ħsibijiet tiegħu dwar l-istorja ‘normali’ ta’ mara u l-kunjatu tagħha: Tobit, missier Tobija, kien għama – u Sara, mart Tobija, fil-passat kienet ġiet mixlija bil-mewt ta’ xi rġiel.
Pass, qal il-Papa, li jgħinna nifhmu kif il-Mulej imexxi l-istorja u l-ħajja tal-persuni, tagħna wkoll. Infatti, issokta jgħid, Tobit u Sara kienu għaddew minn mumenti koroh u waqtiet oħrajn ta’ ferħ, bħalma jiġri fil-ħajja kollha.
Tobit kien ippersegwitat, mgħoddi biż-żmien, insultat minn martu stess minkejja li din ma kinitx mara ħażina. Kienet taħdem biex tmexxi d-dar waħedha għax hu kien għama.
Sara wkoll qalgħet l-insulti u batiet ħafna. Għalihom it-tnejn dawk kienu mumenti ta’ dlam u ħasbu li aħjar il-mewt.
Ilkoll kemm aħna ngħaddu minn waqtiet koroh, qawwija, u anqas qawwija, bħal dawn, u nafu xi nħossu fil-waqtiet tad-dlam, tan-niket, tad-diffikultà. U Sara taħseb bejnha u bejn ruħha: ‘Jekk nitgħallaq inħalli fl-għali lill-ġenituri tiegħi’.… u tibda titlob.
Tobit jgħid: ‘Imma din hi ħajti, nibqa’ miexi u nibqa’ nitlob ħafna.’
Dan hu l-atteġġjament li jeħlisna waqt il-mumenti koroh: it-talb. U l-paċenzja: għax it-tnejn li huma ħadu paċenzja bihom infushom waqt in-niket. It-tama tagħna hi li Alla jismagħna u l-mumenti koroh jgħaddu. Fil-waqtiet tan-niket, kbir jew żgħir, fil-waqtiet mudlama: it-talb, il-paċenzja u t-tama. Tinsewx dan, wissa l-Papa.
Imma fl-istorja ta’ Tobit u Sara kien hemm waqtiet sbieħ ukoll. Imma dawn ma kinux xi tmiem tar-rumanzi ‘and they lived happily ever after.’
Wara li għaddew mill-prova, il-Mulej resaq lejhom u salvahom. Dawn huma mumenti sbieħ, awtentiċi, mhux bħal dawk li fihom ikun hemm is-sbuħija bil-‘make up’, fejn kollox hu artifiċjali, nar tat-tiben….. din mhix sbuħija tar-ruħ.
Allura x’jagħmlu t-tnejn li huma fil-waqtiet sbieħ? Jirringrazzjaw lil Alla, jiftħu qlubhom bit-talb u bir-radd il-ħajr.
Għalhekk il-Papa stedinna nistaqsu lilna nfusna jekk fl-episodji differenti ta’ ħajjitna għandniex ħila niddixxernu dak li jkun qed jiġri fi qlubna, u nifhmu li l-waqtiet koroh huma s-‘slaleb’ meħtieġa biex nitolbu, nieħdu paċenzja u nnibbtu fina mqar ftit tat-tama.
Irridu nevitaw li naqgħu fil-vanità, għax il-Mulej hu dejjem qribna meta nduru lejH bit-talb u nirringrazzjawH għall-ferħ li jkun tana.
Bid-dixxerniment tagħha, Sara fehmet li ma kellhiex għalfejn titgħallaq. Tobit fehem li kellu jistenna, fit-talb u fi stennija mimlija tama, is-salvazzjoni tal-Mulej.
Għalhekk il-Papa għamel stedina biex nerġgħu naqraw dawn is-siltiet tal-Bibbja u, waqt li nkunu qed naqrawhom, nitolbu l-grazzja li nagħrfu niddixxernu xi jkun qed jiġri fil-waqtiet koroh tal-ħajja tagħna biex ma nħallux il-vanità tqarraq bina.
Ħajr lil Joe Huber
Bil-Malti ma nafx li hemm kotba stampati bl-omeliji tal-Papa. Pero’ tista’ ssibhom f’din il-pagna tal-Laikos … http://www.laikos.org/Papa_Frangisku.htm
Jiena — niehu pjacir hafna li naqra specjalment l-Omeliji tal-Papa. Ilni hafna biex nikteb u nistaqsi jekk ghandkomx kotba bl-Omeliji tal Papaghax jiena ukoll nghaddi kulltant li naqta qalbi u ghalkemm nitlob jista jkun li nitlob maa nafx hazin? Nixtieq jekk ghandkom dawn il-kotba bl-Omeliji nixtrihom ftit ftit. ghax ghalija dawn huma meditazzjoni ghalija . Nixtieq li tirrisponduni u tghiduli jekk ghandkom dawn l-Omeliji minn fejn nixtriehom. Grazzi Il-Paci tal-Mulej Maghkom