Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-faraġ m’għandux ikun ‘falz’ għax il-veru faraġ jingħatalna u aħna nagħtuh lill-oħrajn

Il-faraġ m’għandux ikun ‘falz’ għax il-veru faraġ jingħatalna u aħna nagħtuh lill-oħrajn


It-Tnejn 12 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-faraġ hu rigal ta’ Alla għas-servizz tal-oħrajn. Ħadd ma jista’ jfarraġ lilu nnifsu awtonomament għax inkella jkun qiegħed iħares lejn il-mera. Dan kien il-messaġġ tal-Papa Franġisku fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

 

Il-Papa beda r-riflessjoni tiegħu mill-ewwel qari, li fih 19-il vers, u li jitkellem tmien darbiet dwar il-faraġ. Il-Papa ħa l-okkażjoni biex jitkellem dwar il-faraġ li jsemmi San Pawl.

L-ewwel karatteristika tal-faraġ hi li dan mhux ‘awtonomu’. L-esperjenza tal-faraġ hija esperjenza spiritwali, għalhekk qatt ħadd ma jista’ jfarraġ lilu nnifsu. U min ifittex li jagħmel hekk jispiċċa jħares lejn il-mera, qal il-Papa, qisu qed jagħmel il-‘make-up’ biex jidher isbaħ. Ikun qiegħed ifittex affarijiet magħluqin li ma jħalluhx jikber u jkun qed jieħu biss in-nifs ta’ bniedem li jammira lilu nnifsu.

Fil-Vanġelu, kompla jgħid Franġisku, insibu ħafna nies bħal dawn, per eżempju d-dutturi tal-liġi, mimlijin bihom infushom; Epulun, l-għani li jgħix jagħmel l-ikliet għax jaħseb li dawk huma ta’ konsolazzjoni għalih. Imma l-aktar eżempju ċar hu t-talba tal-Fariżew quddiem l-artal meta jgħid: ‘Inroddlok ħajr, Mulej, għax jien m’iniex bħall-oħrajn.’

Dan kien wieħed li jħares biss lejn il-mera, innota l-Papa; kien iħares lejn l-ispirtu falz mimli ideoloġija filwaqt li kien qed jirringrazzja lill-Mulej. Għalhekk Ġesù juri li n-nies li għandhom dawn l-atteġġjamenti qatt ma jistgħu jaslu għall-milja imma jaslu biss biex jintefħu bihom infushom, jiġifieri għall-vanaglorja.

Għaldaqstant, biex il-faraġ ikun veru għandu bżonn lil ħaddieħor. Qabel xejn bniedem jirċevih għax huwa Alla li jfarraġ, għax dan hu rigal. Imbagħad il-veru faraġ jimmatura biex ikun jista’ jingħata lil ħaddieħor.

Il-veru faraġ għandu dawn iż-żewġ aspetti: hu rigal u servizz. Għalhekk jekk jien inħalli l-faraġ t’Alla jidħol fija bħala rigal ikun ifisser li jien neħtieġ il-faraġ. Jien ninsab fil-bżonn: biex inkun imfarraġ jeħtieġli nifhem li għandi bżonn il-faraġ.

B’hekk biss il-Mulej jiġi, ifarraġna u jtina l-missjoni li nfarrġu lill-oħrajn.
Mhux faċli li qlubna jkunu miftuħin biex jirċievu r-rigal u jagħtuh bħala servizz. Ifisser li jeħtieġ li qalbna tkun miftuħa u biex tkun miftuħa trid tkun qalb hienja. U proprju l-Vanġelu tal-lum, dak tal-Beatitudnijiet, jgħidilna li min hu hieni, hu beatu.

Il-faqar: il-qalb tinfetaħ b’atteġġjament ta’ faqar, tal-faqar fl-ispirtu: dawk li jafu jibku; il-mansweti; min hu bil-għatx għall-ġustizzja; min jitqabad għall-ġustizzja; min hu ħanin, ħanin mal-oħrajn; is-safja f’qalbhom; min iġib il-paċi; u dawk li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja, għax iħobbu l-ġustizzja….

Huwa b’hekk li qlubna jinfetħu għall-Mulej.

Iżda dawk li jħossuhom ‘għonja fl-ispirtu’, huma magħluqin, m’għandhomx bżonn jibku għax iħossu li huma ġusti. Il-vjolenti li ma jafux x’inhi l-manswetudni, l-inġusti li jagħmlu l-inġustizzji, dawk li m’għandhomx ħniena, dawk li m’għandhomx bżonn jaħfru għax ma jħossux il-bżonn li jkunu maħfura huma, min għandu qalbu maħmuġa, dawk li jkesksu l-gwerer, u dawk li qatt ma jkunu kkritikati jew ippersegwitati għax ma jimpurtahomx mill-inġustizzji li jsiru mal-oħrajn, dawn kollha għandhom qlubhom magħluqin; m’humiex hienja għax fihom ma jistax jidħol ir-rigal tal-faraġ biex ikunu jistgħu jtuh lill-oħrajn.

Fi tmiem l-omelija l-Papa stedinna nistaqsu lilna nfusna jekk qalbna hiex miftuħa biex titlob ir-rigal tal-faraġ ħalli tkun tista’ tgħaddih lil ħaddieħor bħala rigal mingħand il-Mulej.

Hemm bżonn naħsbu dwar dan matul il-ġurnata u nirringrazzjaw lill-Mulej li dejjem lest li jfarraġna. Biss biex jagħmel dan, jitlobna li nżommu qalbna miftuħa, imqar ftit, ħalli Hu jkun jista’ jara kif jagħmel biex jidħol fiha.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: