Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Ix-xhieda Nisranija hi melħ u dawl;  niċħdu ċ-ċertezzi artifiċjali

Ix-xhieda Nisranija hi melħ u dawl;  niċħdu ċ-ċertezzi artifiċjali


It-Tlieta 13 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-‘iva’, il-‘melħ’, u d-‘dawl’ huma t-tliet kelmiet evanġeliċi qawwija li l-Papa immedita dwarhom waqt l-omelija li għamel fil-quddiesa ta’ dalgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-Qdusija Tiegħu afferma li x-xandir tal-Vanġelu hu ħaġa deċiżiva: fih m’hemmx sfumaturi bejn l-‘iva’ u l-‘le’ li fl-aħħar mill-aħħar iwassluk biex tibda tfittex ċertezzi artifiċjali.

Dawn it-tliet kelmiet li jtina l-qari mit-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin – osserva l-Papa – juru l-qawwa tal-Vanġelu li jwassalna għax-xhieda u biex nigglorifikaw lil Alla.

F’din l-‘iva’, għalhekk, insibu dak kollu li qal Ġesù, kull wegħda li għamel Alla. F’Ġesù jilħaq il-milja tiegħu dak kollu li kien imwiegħed u għalhekk Ġesù hu kollox.

F’Ġesù m’hemm ebda ‘le’; hemm dejjem ‘iva’ għall-glorja tal-Missier. Imma aħna wkoll nieħdu sehem minn din l-‘iva’ ta’ Ġesù, issokta l-Papa, għax Hu tana d-dilka, ittimbrana bis-siġill u tana l-kapparra tal-Ispirtu s-Santu.

Aħna nieħdu sehem minn din l-‘iva’ għax għandna d-dilka u għandna ċ-ċertezza tal-kapparra tal-Ispirtu s-Santu li jwassalna għall-‘iva’ definittiva u għall-milja tagħna. U l-istess Spirtu jgħinna nsiru dawl u melħ, jiġifieri l-Ispirtu jgħinna biex nagħtu xhieda Nisranija.

Kollox hu pożittiv, kompla Franġisku. Ix-xhieda Nisranija hi melħ u dawl:   dawl biex idawwal.  U kull min dan id-dawl jaħbih, jagħti xhieda bil-maqlub għax jilgħab bejn l-‘iva’ u l-‘le’. Bniedem bħal dan għandu d-dawl imma ma jtihx, ma jurihx, ma jigglorifikax lill-Missier li jinsab fis-smewwiet. U għandu wkoll il-melħ imma jżommu għalih u ma jaqsmu ma’ ħadd biex jevita li jkun hemm il-korruzzjoni.

Iva, iva, le, le: huma kliem deċiżiv kif għallimna l-Mulej għaliex, fakkarna Franġisku, dak li hu superfiċjali, ġej mill-malinn.

Hu proprju dan l-atteġġjament ta’ ċertezza u xhieda li l-Mulej ħalla f’idejn il-Knisja u f’idejna lkoll li aħna mgħammdin.

Ċertezza fil-milja tal-wegħdiet fi Kristu: fi Kristu jintemm kollox. Xhieda għall-oħrajn: rigal mogħti lilna minn Alla fi Kristu, Alla li tana d-dilka tal-Ispirtu biex inkunu xhieda.

Dan hu n-Nisrani: dak li jdawwal, li jgħin biex il-messaġġ u l-bnedmin ma jisfawx korrotti, kif jiġri lill-melħ. Imma jekk in-Nisrani jaħbi d-dawl, il-melħ jitlef it-togħma, jiddgħajjef, u x-xhieda tkun bla ħeġġa.

Dan jiġri meta jien ma naċċettax id-dilka, ma naċċettax is-siġill, ma naċċettax il-kapparra tal-Ispirtu li hemm fija. U dan iseħħ meta jien ma naċċettax l-‘iva’ f’Ġesù Kristu.

Il-proposta Nisranija hi sempliċi ħafna, kompla jgħid il-Papa, imma hi deċiżiva u sabiħa ħafna, ittina ħafna tama. Allura nistaqsi lili nnifsi: Jien dawl għal ħaddieħor? Jien melħ għal ħaddieħor, biex nagħti togħma lill-ħajja u niddefendiha mill-korruzzjoni? Jiena ggranfat ma’ Ġesù Kristu, li hu l-‘iva’? Inħossni midluk, issiġillat? Nagħraf li għandi din iċ-ċertezza li ssib il-milja tagħha fis-Sema, imma li għalissa l-kapparra tagħha hi l-Ispirtu?

In-Nisrani huwa xemx meta b’ħajtu jigglorifika lil Alla. Fil-ħajja ta’ kuljum, osserva Franġisku, meta persuna tkun mimlija dawl ngħidu li hi ‘solari’. Dan jgħinna nifhmu li n-Nisrani bix-xhieda tiegħu huwa aktar minn xemx; huwa mera tal-Missier f’Ġesù li fih ġew imwettqa l-wegħdiet kollha.

Dan hu r-rifless tad-dilka tal-Ispirtu li għandna aħna lkoll. U għaliex irċevejnieha? Jgħiduhulna ż-żewġ siltiet tal-liturġija tal-lum. Pawlu jgħid: ‘U għalhekk, permezz ta’ Kristu, jitla’ lejn Alla l-‘ammen’ tagħna għall-glorja tiegħu, biex jigglorifika lil Alla.’

U Ġesù jgħid lid-dixxipli: ‘B’hekk jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex huma jaraw l-opri tajba tagħkom u jagħtu ġieħ lill-Missier.’ Dan kollu biex nigglorifikaw lil Alla: dik hi l-ħajja tan-Nisrani.

Nitolbu l-grazzja, temm il-Papa, biex nibqgħu ggranfati, b’għeruqna, fil-milja tal-wegħdiet fi Kristu Ġesù li hu ‘iva’, hu kollu kemm hu ‘iva’, biex inwasslu din il-milja bil-melħ u d-dawl tax-xhieda tagħna quddiem l-oħrajn, biex nagħtu glorja lill-Missier li hu fis-smewwiet.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: