Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Knisja Samaritana

Knisja Samaritana


Il-Ħamis 15 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, fl-Ordinazzjoni Djakonali tas-Seminarist Joseph Hili. Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

Audio bil-kortesija ta’ Radju Marija

 

Meta jirrakkonta l-istorja tas-Samaritan it-tajjeb, Ġesù jagħmel kritika qawwija lill-istituzzjoni reliġjuża marida għax tinjora lill-umanità feruta. Għalkemm għaddew minn ħdejn ir-raġel misruq u aggredit, iż-żewġ persuni reliġjużi għażlu li jagħlqu għajnejhom u baqgħu għaddejjin; imbagħad għadda Samaritan, li bil-kriterji reliġjużi ta’ dak iż-żmien kien meqjus eretiku u pagan, u għamel dak l-għemil ta’ kompassjoni li xeraqlu t-tifħir ta’ Ġesù.

Naqsam magħkom rakkont li fil-fehma tiegħi huwa verżjoni moderna ta’ din il-parabbola. Fid-djarju dwar is-sehem tiegħu fil-Konċilju Vatikan II, nhar l-14 ta’ Novembru 1969 it-teologu Yves Congar kiteb li waqt li kien sejjer lura d-dar wara ċelebrazzjoni li saret fil-Kappella Sistina, hu sab ruħu f’wieħed mill-kwartieri popolari ta’ Ruma. Huwa u għaddej minn dawk it-toroq dojoq, ra ħwejjeġ minxura fit-twieqi, nies jaħdmu l-artiġġjanat fi ħwienet żgħar, u strixxun jistieden lin-nies biex jivvutaw lill-Partit Komunista. F’dawk iċ-ċirkustanzi, Congar osserva li hemm baħar jaqsam bejn il-Knisja li tiċċelebra f’San Pietru u l-ħajja ordinarja tan-nies! Ħafna drabi l-Knisja hija maqtugħa min-nies u għalhekk ma tintebaħx li fit-triq hemm persuni midruba!

Din l-istorja għandha tixprunana lkoll biex nagħmlu riflessjoni dwarna bħala Knisja. Bħalissa jien konvint li bħala Knisja lokali għandna bżonn nagħmlu eżami ta’ kuxjenza u naraw aħniex f’kuntatt mar-realtà ta’ madwarna – nistaqsu lilna nfusna jekk nafux in-nies!

Din mhix xi riflessjoni ġdida. Kważi mitt sena ilu, fl-1936, Teilhard de Chardin kien diġà qed jara l-urġenza li l-Knisja saflaħħar taċċetta mingħajr ma toqgħod tagħmel ċensura d-dimensjonijiet ġodda tad-dinja ta’ madwarna (dawk spazjali, temporali u psikoloġiċi). Dan it-teologu kien jgħid li ebda persuna jew struttura ma tista’ tikkonverti jekk qabel ma tkunx għamlet l-esperjenza tal-imħabba. Mhux ser inressqu n-nies għand Kristu bil-kundanni! Jekk il-Knisja ma jkollhiex simpatija sħiħa mas-soċjetà emerġenti, jekk il-Knisja ma jkollhiex l-istess tamiet u beżgħat tad-dinja moderna, qatt ma ser tara l-frott tal-fidwa li ġab Kristu. Hemm bżonn nogħdsu fid-dinja, anki jekk niċċappsu bit-tajn, biex imbagħad nogħlew ’il fuq. Altru li ma nistgħux nibqgħu Knisja li tibża’ ssib postha fit-tokk.

Fl-1952, Hans Urs von Balthasar ippubblika ktieb bl-isem Inwaqqgħu s-swar. Dakinhar dan it-teologu qal li kien wasal iż-żmien li l-Knisja toħroġ mis-swar u ma tibqax taħseb u taġixxi daqslikieku hija assedjata minn soċjetà ostili għaliha. Il-Knisja għandha ssib il-kuraġġ li toħroġ mis-sagristiji u tgħaddi mit-toroq li jgħaddu minnhom in-nies ħalli hemm tiltaqa’ mal-ħaddiem, mal-politiku, mal-pensjonant, ma’ min hu xettiku, u tant oħrajn.

Ftit qabel ma beda l-Konċilju Vatikan II, grupp ta’ kardinali, fosthom Frings, Dophner u Suenens, ippreżentaw Supplika lill-Papa fejn talbuh biex il-Knisja tħaddan lil kulħadd, anki ’l dawk li qegħdin fl-iżball jew jaċċettaw biss parti mill-verità. Fil-fehma ta’ dawn l-isqfijiet, il-Knisja għandu jkollha stima lejn il-valuri umani awtentiċi; għandha tkun miftuħa għal kull xorta ta’ verità, ġejja minn fejn hi ġejja; għandu jkollha attitudni ta’ simpatija, ftuħ u parteċipazzjoni fl-impenn ta’ kulħadd fit-tiftix tas-sewwa. Ħafna drabi jiġri li lil min għadu ma aċċettax il-Vanġelu kollu nitilquh waħdu u ma nintebħux li f’dik il-persuna jew f’dik l-esperjenza jista’ jkun hemm żerriegħa tal-verità.

Fid-diskors li għamel meta fetaħ il-Konċilju Vatikan II, il-Papa Ġwanni XXIII kien qal li l-għan tal-Konċilju ma kienx li jagħti formulazzjoni astratta u intellettwali tal-veritajiet tal-fidi, imma li jwassal din il-verità b’modalità ġdida – b’mod li tista’ tinftiehem mid-dinja tal-lum. Għal Ġwanni XXIII fil-Knisja ma kienx hemm lok għal “profeti tal-iżventura” li jaraw iż-żminijiet moderni bħala theddida għall-Knisja. Ħasra li minn dawn għandna fostna llum ukoll. Dawn huma dawk li meta jaraw il-Knisja tinfetaħ għall-bnedmin kollha u li l-Knisja hija bħal sptar fil-kamp tal-battalja, jaħsbu li b’daqshekk il-Knisja “mardet” jew “tilfet il-kredibbiltà tagħha”. Ftit ilu ltqajt ma’ teologu alto locato f’Ruma li fissirli t-tħassib tiegħu għax dan il-Papa (Franġisku) mhux qed jagħtina “maġisteru ta’ duttrina”. Jien weġibtu li ma naqbilx ma’ din l-analiżi għax Franġisku, li huwa wild il-Konċilju Vatikan II, mhux qed jagħtina duttrina għall-intellettwali, imma qed jagħtina maġisteru differenti li jgħinna nkunu Knisja Samaritana!

Fl-omelija li għamel fl-għeluq tal-Konċilju Vatikan II, il-Papa Pawlu VI stqarr li “l-istorja qadima tas-Samaritan kienet il-paradigma tal-ispiritwalità tal-Konċilju”. Quddiem id-dinja tal-lum, il-Konċilju ġarrab l-istess kompassjoni li s-Samaritan ħass għall-bniedem midrub. Il-Konċilju wera simpatija kbira mad-dinja u hekk ħa nota tal-ħtiġijiet tal-bnedmin. Il-Konċilju qaleb il-paġna antika u flok ma ta l-kundanni, ħaddem il-lingwaġġ tal-ħbiberija u d-djalogu”.

Dan hu li nixtieq mill-Knisja tagħna – nixtieqha taqleb il-paġna u tkun Knisja li tħaddan il-viżjoni tal-Konċilju Vatikan II! Ħasra li ċerti teologi u pastoralisti fil-Knisja għadhom jippreferu jaqraw il-paġna l-antika. Fi kliem it-teologu Gustavo Gutierrez, nixtieq li l-Knisja tagħna tkun Knisja Samaritana – Knisja li toħroġ fit-toroq biex tiltaqa’ mal-bniedem ferut u bil-miżerikordja divina tgħinu jerġa’ jieħu saħħtu.

Għażiż Djaknu ġdid, issa taf fejn tħabbat qalb l-Isqof tiegħek! Nitolbok tgħinna nikbru f’din l-attitudni li tiddistingwi lis-Samaritan. Dan ifisser li bħas-Samaritan irridu nkunu fit-toroq – mhux għax huwa imperattiv morali li aħna ngħinu lil min hu ferut, imma għax jista’ jkun li fil-bniedem midrub aħna nsibu preżenza ġdida ta’ Kristu. Is-Samaritan li poġġa jdejh fuq il-feriti tal-fqajjar kien qed imiss il-laħam ta’ Kristu; Knisja li toħroġ tiskopri preżenza mġedda ta’ Kristu fir-realtajiet temporali. Kristu huwa preżenti wkoll f’dawk ir-realtajiet li ma għandhomx it-tikketta “Kristjana”.

Knisja Samaritana timplika wkoll li tkun Knisja li tagħmel lilha nfisha proxxmu. Il-Knisja ma tistaqsix min hu l-proxxmu, imma hi stess issir proxxmu billi tagħmel lilha nfisha qrib kull esperjenza umana mingħajr ma teskludi lil ħadd, tkun xi tkun l-estrazzjoni tat-twemmin tiegħu jew tagħha.

Knisja Samaritana hija dik li dejjem lesta li tkisser il-vażun tal-alabastru biex tferra’ l-ħniena fuq kull xorta ta’ ġerħat. Sant’Antnin ta’ Padova kien jgħid li Alla għamel kollox bil-qies, bl-użin u bil-għadd. Alla ma għamel xejn bl-addoċċ. Ħaġa waħda hu għamel bla qies, użin u għadd: il-ħniena infinita tiegħu! U l-Knisja hija l-infermiera li tqassam din il-mediċina b’xejn, anki jekk meta tagħmel hekk jaf ikun hemm min jakkużaha b’azzjonijiet ta’ konsum popolari jew li qed tiġġustifika l-medjokrità!

Nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex mhux biss jagħti d-don tad-djakonat lil Joseph Hili, imma wkoll iżejjen lill-Knisja tagħna b’dan id-don ta’ qadi pastorali.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: