Bi kmiemu mxammrin!


Pajjiżna għadu kemm għalaq kapitlu ieħor fil-ħajja politika tiegħu. Għandna kemm għaddejna minn elezzjoni ġenerali oħra fl-istorja ta’ pajjiżna.

Qalb l-għajjat u l-istorbju fuq il-midja, il-mezzi tal-komunikazzjonijiet soċjali u barra t-triq, jiena sibt in-niċċa tiegħi, għall-kwiet. Fil-kamra tal-kunvent. Fil-kamra tal-Patri. U hemm, għas-sliem tal-Mulej, qgħadt induq l-intimità ma’ Alla, “Missierna!” (Kol 1:1). Kemm ħadt gost nqatta’ ħin miegħu! Mhux għax jien xi qaddis tafux. Inkella bil-ġwienaħ. Jew għax inħabbat fuq sidri. Lanqas l-għaliex nagħmilha tar-raġel sewwa ħa jgħolluni fuq l-ispallejn. Imma għax ma’ Missieri nħossni tajjeb! Inħossni cool! Għax Dak Missieri! Bħalma hu Missierek! U li qalbu, għalija u għalik, tnixxi d-demm! Daqskemm iħobbna!

Mela f’moħħi u f’qalbi l-Missier tani xbieha tal-ġenn! Hawn araha hi! Ix-xbieha ta’ Ibnu Ġesù fil-film kolossali ta’ Ben Hur. Din l-imbierka pop-up baqgħet tiela’, tiela’ u tiela’ f’moħħi. Heqq! Kienet il-pop-up li Missieri tellagħli waqt li kont qed nkellmu. Jew aħjar waqt li kont qed nisimgħu ikellimni. Din il-pop up aqta’ kemm għoġbitni! L-għaliex, mal-ewwel darba li rajtha, ħassejt paċi kbira nħares lejha. Kienet pop-up ta’ min jissejvjaha!

Fiha rajt lilu, lil Ġesù. Bil-kmiem tal-libsa tiegħu mxammrin. Quddiemu għandu lil Ben Hur. Raġel Lhudi, li qabel kien prinċep. Imma issa spiċċa ilsir. Mela spiċċa maħqur. Bil-għatx. Ara xufftejh miskin kif inqasmulu bis-sħana qalila tad-deżert! U ħarsu tbikkik! Veru? X’qed jitlob Ben Hur? Li jixrob. Għandu għatx klubi miskin! Mintix tisimgħu kemm qed jibki? Kemm qed jokrob bit-tbatija kbira li qed iħoss? Hekk sewwa! Mela taw jixorbu lir-Rumani. Imbagħad taw jixorbu liż-żwiemel tagħhom. Sqew naqra lill-ilsiera. U lilu ħadd ma ta kasu. Alla tiegħi! Għinni! kienet il-karba tiegħu.

Ġesù, “Bin Alla” (Mk 15:39), “Bin il-Bniedem” (Mt 16:13), “Bin il-mastrudaxxa” (Mt 13:55), ħaddiem u bin il-ħaddiema, “wasal ħdejh, rah u tħassru” (Lq 10: 33). U x’taħsbu li għamel? Mar jimla’ l-iskutella bl-ilma frisk mill-bir u beda jisqieh. Mhux biss. Issa dan agħmel hekk b’idu x-xellugija. L-għaliex, b’idu l-leminija, agħmel xi ħaġa oħra! Xi ħaġa li min hu qaddis ma jagħmilx. Beda jmelles ir-ras ta’ Ben Hur.

Sabiħ li wieħed jaqdi lill-batut. Sabiħ li wieħed jgħin. Imma, u fuq kollox, dak li jkun għinu jħoss it-tmellis tiegħek li qed tilqgħu. It-tmellis li int għandek ħin għalih u għaliha. It-tmellis li int qed tisma’ lill-persuna muġugħa. It-tmellis li qed tħoss l-uġiegħ, it-toqol u l-iskomfort ta’ min ġie jkellmek. Għax jafdak. U mhux ġejt biex inkellmek, u, biex teħles minni, tgħidli “iva, iva.” Imbagħad teħles minni bil-pulit. Offrejtli naqra kafè jew tè meta ġejt inkellmek? Tfejt il-mobile ħa tagħtini l-attenzjoni li għandi bżonn? Sammart il-ħarsa tiegħek f’tiegħi ħa tħoss is-sitwazzjoni tiegħi? Jew moħħok kien f’elf ħaġa oħra għajr li tismagħni?

Ħbieb, dan id-diskors jgħodd għalina ilkoll. Aħna min aħna fis-soċjetà, fil-Knisja, fil-postijiet tax-xogħol u f’dawk tad-divertiment, fil-kunventi, fil-parroċċi u fl-għaqdiet u fil-movimenti. Insomma … kullimkien! Il-bniedem meta jħoss min imellsu l-għaliex jifhmu, jagħdru u jgħinu jqum fuq saqajh ħa jerġa’ isib saqajh mill-ġdid ħa jimxi, hemmhekk jagħmel esperjenza ġenwina tal-imħabba vera.

U issa, bl-akbar imħabba, rispett, għożża u b’qalb miftuħa, ħa ndur lejkom, għeżież ħuti politiċi. Intom ta’ liema kulur u twemmin politiku intom! L-ewwel nett jien, li ma jien xejn għajr sempliċi Patri, kuljum nitlob għalikom u napprezza x-xogħol dedikat tagħkom. U, dawk minnkom li jagħmluh minn qalbhom u b’imħabba lejn il-batut kunu afu li intom tiddu bil-glorja tal-Mulej fuqkom! Tkunu tidhru x’intom! Issa, u ħa ngħidilkom din il-ħaġa ta’ ħabib tagħkom, aqbdu din l-istampa tal-Ben Hur, agħmlu kopja tagħha, agħmluha fi frame u itfugħha fuq l-iskrivanija tagħkom. Ħarsu lejha kuljum. U f’ħafna ħin mill-ġurnata tagħkom. Għażiż ħija, għażiża oħti politiku, meta timmedita sewwa din l-istampa l-ħajja politika tiegħek tinbidel fil-kwantità u, fuq kollox, fil-kwalità. Din l-istampa tgħinek tagħmel qabża aktar fil-fond ħa tgħin lil Ġesù fil-Maltin u l-Għawdxin li qed ibatulek biebek kuljum. Dawk il-Maltin u l-Għawdin li qed ibatu fis-skiet!

Jalla meta l-Ispirtu s-Santu jibgħatli sms jew iċempilli biex niġi nkellmek ħa tgħin lil xi wieħed jew waħda minnhom jkolli l-ferħ u l-faraġ li nara dan ir-ritratt sabiħ fuq l-iskrivanija tiegħek. Għax ix-xewqa tal-Mulej għalik hija waħda: li fik Ibnu Ġesù ikompli jagħmel xebgħa ġid! U ħa ngħidlek: din hija t-talba tiegħi għalik f’kull ġurnata mqaddsa, ibda’ minn dik tallum!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.