Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-qawwa t’Alla ssalvana mid-dgħufijiet u minn dnubietna

Il-qawwa t’Alla ssalvana mid-dgħufijiet u minn dnubietna


Il-Ġimgħa 16 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Insiru konxji li aħna dgħajfa, vulnerabbli u midinbin. Hi biss il-qawwa t’Alla li ssalvana u tfejjaqna. Din l-eżortazzjoni għamilha l-Papa Franġisku dalgħodu, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

 

Ħadd minna ma jista’ jsalva lilu nnifsu, neħtieġu l-qawwa t’Alla biex insalvaw. Il-Papa Franġisku kien qed jirrifletti fuq it-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, li fiha l-Appostlu jitkellem dwar il-misteru ta’ Kristu u jgħid li aħna għandna teżor fil-ġarar tal-fuħħar, filwaqt li jħeġġeġ lil kulħadd biex jagħraf li hu ‘fuħħar’ dgħajjef, midneb.

Mingħajr il-qawwa t’Alla, fakkar il-Papa, ma nistgħux nimxu ‘l quddiem. Dan it-teżor ta’ Kristu huwa tagħna fil-fraġilità tagħna għax aħna fuħħar. Hi l-qawwa u s-setgħa ta’ Alla li ssalva, li tfejjaq, li tqajjimna fuq saqajna. Din hi r-realtà tad-dgħufija tagħna.

Aħna lkoll dgħajfa, vulnerabbli u neħtieġu l-fejqan. U Pawlu jgħidu dan: ‘Aħna mħabbtin, mifxulin, ippersegwitati, milqutin, biex fina tidher id-dgħufija tagħna’ – id-dgħufija ta’ Pawlu, li fih jidher il-fuħħar.

Din hi d-dgħufija tagħna. U waħda mill-aktar affarijiet diffiċli fil-ħajja tagħna hi li nagħrfu din id-dgħufija. Kultant nippruvaw naħbuha, biex ma tidhirx, jew nuru ħaġa b’oħra biex ħaddieħor ma jarahiex.

Pawlu stess, fil-bidu ta’ dal-kapitlu jgħid: ‘Meta waqajt fil-ħabi u l-għajb.’ Il-qerq hu għajb, dejjem. Il-qerq hu dejjem għajb – hu ipokrisija.

Minbarra l-ipokrisija lejn l-oħrajn, kompla Franġisku, hemm ukoll dik li tqegħedna quddiemna nfusna, jiġifieri meta aħna naħsbu li aħna xi ħaġa oħra u naħsbu li m’għandniex bżonn fejqan u sapport. Meta ngħidu: jien m’iniex tal-fuħħar, għandi t-teżor tiegħi.

Din hi t-triq li teħodna lejn il-vanità, is-suppervja, li niddependu biss minna nfusna, u nibdew infittxu s-salvazzjoni u l-milja fil-ħiliet tagħna biss.

Imma hi l-qawwa t’Alla li ssalvana għax id-dgħufija tagħna Pawlu jagħrafha u jgħid li aħna magħfusin imma mhux mgħattnin. Mhux mgħattnin għax il-qawwa t’Alla ssalvana.

Aħna mħassbin imma mhux qalbna maqtugħa: hemm xi ħaġa ta’ Alla li ttina t-tama. Aħna ppersegwitati iżda mhux abbandunati, mixħutin mal-art imma m’aħniex meqrudin.

Dejjem hemm dir-relazzjoni bejn il-fuħħar u l-qawwa, issokta l-Papa, il-fuħħar u t-teżor. Aħna għandna teżor f’ġarar tal-fuħħar, imma t-tentazzjoni hi dejjem l-istess: li ngħattu, nilagħbuha tal-boloh, ma nemmnux li aħna tal-fuħħar. Hi ipokrisija li nħaddmu magħna nfusna.

Bil-mod kif jaħseb, kompla Franġisku, bil-mod kif jirraġuna, kif jipprietka l-Kelma t’Alla, l-Appostlu Pawlu jqegħedna quddiem djalogu bejn it-teżor u l-fuħħar. Djalogu li rridu nagħmluh il-ħin kollu jekk irridu nkunu onesti.

Franġisku ġab l-eżempju tal-qrar meta aħna nistqarru dnubietna qieshom lista tax-xiri mis-suq, bil-fehma li nbajdu xi ftit il-fuħħar ħalli nissaħħu. Minflok għandna naċċettaw id-dgħufija tagħna anke jekk ikun diffiċli għalina. U hawn tidħol fin-nofs il-mistħija.

Hi l-mistħija li twessgħalna qalbna biex fiha tidħol il-qawwa ta’ Alla, is-setgħa ta’ Alla.  Il-mistħija li aħna fuħħar u mhux xi vażun tad-deheb jew tal-fidda. U jekk aħna naslu għal dan, inkunu hienja, hienja ħafna.

Id-djalogu bejn is-setgħa ta’ Alla u l-fuħħar: naħsbu ftit dwar il-ħasil tar-riġlejn, meta Ġesù jersaq lejn Pietru u dan jgħidlu: ‘Mhux lili, Mulej! X’int tagħmel?’

Pietru ma kienx fehem li kien fuħħar, li kien jeħtieġ il-qawwa ta’ Alla biex isalva.

Biex nagħrfu li aħna vulnerabbli, fraġli, dgħajfa, midinbin, jeħtieġ li nkunu ġenerużi. Hu biss meta aħna nammettu li aħna fuħħar, temm jgħid il-Papa, li s-setgħa bla qies ta’ Alla tasal għandna u ttina l-milja, is-salvazzjoni, l-hena, il-ferħ li nkunu salvati, aħna u nirċievu t-teżor li jtina l-Mulej.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: