Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Se nqum mill-ġdid!

Se nqum mill-ġdid!


“Il-mewt mhix bħal meta titfi d-dawl u jiġi d-dlam imma bħal meta twarrab il-musbieħ l-għaliex tkun telgħet ix-xemx”.

Dawn kienu l-kelmiet mill-isbaħ li bihom Patri Marcellino Micallef OFM beda l-quddiesa tal-funeral ta’ Sabina Pace, mart Jonathan u omm il-kantanta magħrufa Maxine u Ella. L-istorja ta’ Sabina jiena ma nafhiex. Ma kontx nafha qabel daħlet l-Isptar. Kienu xi nies li jafuha sewwa u li ġew għandi, bid-dmugħ f’għajnejhom, biex, meta nkun nista,’ immur nittawlilha. Fid-dmugħ tagħhom jiena rajt l-imħabba kbira li kellhom għaliha, u, fuq kollox, rajt it-tbatija kbira li l-mard jaf iġib fil-familjari għeżież tal-persuna konċernata. Għalhekk il-Mulej, fil-grazzja tiegħu, tani l-grazzja li nżurha ta’ spiss. U hekk, b’riħet dawn iż-żjarat imqaddsa misjuqa mill-Ħniena Divina ta’ Ġesù, kelli l-privileġġ insir midħla tagħha u kif ukoll tal-għeżież familjari tagħha.

Il-kattidral tal-Imdina, li kien ippakkjat sewwa f’jum il-funeral tagħha, nhar it-Tnejn 1 ta’ Mejju 2017, u bil-preżenza tal-Eċċellenza tagħha l-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, fakkarni fl-episodji li ma ninsiehom qatt tul iż-żmien tagħha fl-Isptar. Dawn il-fjuri sbieħ li kien hemm imqiegħdha kważi mad-dawra tal-ambone, f’jum mill-isbaħ ta’ xemx kważi tiżreġ li taf tagħti l-qalba tar-rebbiegħa Maltija, fakkruni fl-għemejjel kbar ta’ karità li wettqet Sabina f’ħajjitha.

Fi kliem żewġha Jonathan, Sabina kienet il-mara li jkellimna fuqha tant tajjeb il-ktieb tal-Proverbji, kapitlu 31. Mhux ta’ b’xejn li minn dan il-kapitlu ittieħdet ukoll is-silta tal-ewwel qari tal-quddiesa tal-funeral tagħha.

“Mara ta’ ħila min isibha? Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar. Fuqha tistrieħ qalb żewġha, u dan żgur ikunlu ta’ ġid. Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin, il-jiem kollha ta’ ħajjitha. Tfittex suf u ħjut tal-qoton, u taħdmu bil-qalb b’idejha. Bħal ġifen tal-merkanti, hi ġġib mill-bogħod ikilha. Tqum ikun għadu billejl, tħejji l-ikel għan-nies ta’ darha, u x-xogħol lix-xebbiet tagħha. Titfa’ għajnejha fuq għalqa, u tixtriha; bil-qligħ ta’ idejha tħawwilha dwieli. Tħażżem ġenbejha bil-qawwa, u ssaħħaħ għax-xogħol dirgħajha. Tara r-riżq tax-xogħol tagħha; lanqas billejl ma titfi l-musbieħ tagħha. Tmidd idejha għall-magħżel, jaqbdu d-dussies idejha. Tiftaħ mal-fqir idejha, tmidd idejha lejn l-imsejken. Ma tibżax mis-silġ għan-nies ta’ darha, għax kollha għandhom żewġt ilbiesi.

Ħwejjiġha hi tagħmilhom; għażel fin u porpra lbiesha. Żewġha magħruf f’bieb il-belt, meta joqgħod mal-kbarat tal-pajjiż. Tinseġ drapp ta’ l-għażel u tbigħu; u tagħti trieħi lill-merkanti. Tilbes bil-ġieħ u l-qawwa, tħares daħkana lejn il-ġejjieni. Kliem l-għerf għandha fuq fommha, kliem it-tjieba fuq ilsienha. Ħsiebha fit-tmexxija ta’ darha, minn ħobż l-għażż ma tiekol qatt. Uliedha jqumu u hienja jsejjħulha; u żewġha wkoll ifaħħarha u jgħidilha: ‘Ħafna nisa wrew ħila kbira imma inti lkoll għaddejthom.’ Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha. Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha. Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha” (Prov 31:10-31).

Kif qal tajjeb Patri Marcellino, fl-omelija tassew ippreparata u mirquma li għamel fil-funeral tagħha, Sabina kienet il-mara li għexet b’qalb u b’fidi kbira dak li jgħidilna Ġesù fil-kapitlu 25 ta’ San Mattew:

“Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’” (Mt 25:34-40).

Dan il-kumment sabiħ ta’ Patri Marcellino fakkarni fil-wegħda li jagħmel Ġesù lil dawk kollha li jħennu minn qalbhom għall-proxxmu tagħhom, bħalma ħennet oħtna Sabina f’ħajjitha. “Ħenjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5:7). Tgħid Sabina sabet ħniena fil-mumenti iebsa tal-mard li ġarrbet? Patri Marcellino irrakkonta kif tlett ijiem qabel Sabina daħlet l-Isptar ħasset il-bżonn li tagħmel qrara. Sabina qatlu hekk: “Father, nixtieq nitkellmu fuq il-mewt. Nixtieq nersaq lejn is-Sagrament tal-Qrar”.

Il-karità kbira li wettqet f’ħajjitha, tant li idha x-xellugija ma kinitx taf x’kienet qed tagħmel idha l-leminija, tat il-frott tal-barka tal-maħfra permezz tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Barra minnhekk anki meta kienet l-Isptar kemm din oħtna gadwiet mill-qawwa tal-assoluzzjoni mqaddsa u anki mit-talba għażiża u qawwija tal-Kurunella tal-Ħniena Divina.

F’dan il-mument diffiċli tal-mard il-familja tgħaddi minn test iebes u diffiċli. Għalkemm it-telfa tagħha hija tabilħaqq kbira, speċjalment għal żewġha Jonathan u għaż-żewġ uliedha Maxine u Ella, madankollu din l-esperjenza qarsa serviet biex il-familja, li diġà kienet maqgħuda, issuktat tissaħħaħ aktar u aktar minn qabel. Dan kont inħossu jien stess kull meta kelli l-grazzja li nżurha. Ibda’ minn meta kont nidħol ħdejha fil-kamra. Anki jekk kienet mitlufa l-paċi tal-Mulej Ġesù f’dik il-kamra tassew li kienet tinħass. Qatt ma ninsa’ l-mumenti sbieħ li konna nqattgħu madwarha meta konna nitolbu flimkien. Kien x’kien il-ħin. B’dik il-Kuruna għażiża konna nsejħu lil Ġesù, il-Ħniena Divina tal-Missier, biex iħenn għal Sabina, għalina u għad-dinja kollha.

Mument ieħor ta’ fejqan kien meta, minn ħin għall-ieħor, konna immoru sal-pantry nieħdu naqra tè jew kafè. Inkella noħorġu barra fuq il-bank nħarsu lejn il-bypass ta’ fejn Mater Dei. Dawk kienu waqtiet tassew qaddisa fejn fihom, il-Mulej tal-Ħniena, kien jagħtina l-grazzja li nsabbru lil xulxin bi kliem ta’ fidi. U anki b’ġesti li tant kienu jagħmlulna ġid. Bħalma kien il-ġest meta l-familjari tagħha kienu joffruli dak il-kafè jew it-tè, aktar u aktar wara lejl iebes ta’ ħidma f’Mater Dei. Kemm kont inħoss il-qawwa tal-barka Mulej nieżla fuqi u tħaddanni magħha f’dak il-ħin! Ġieli, bid-dmugħ f’għajnejja, kont indur lejhom u ngħidilhom mill-qalb: “Grazzi ta’ kemm ilqajtuni!”

Dawn l-għemejjel ta’ mħabba li rċevejt mingħand il-familjari tal-mara ġeneruża, “li fetħet idejha beraħ mal-fqir”, kif ifakkarna l-Ktieb tal-Proverbji, urewni kemm fil-ħajja, anki fit-tbatija, nistgħu nieħdu ħsieb xulxin. Anki fit-tbatijiet nistgħu infejqu lil xulxin.

Fil-poeżija Waħdi Dun Karm kiteb hekk: “Omm! … xi ħlewwa, xi tjieba ta’ isem! Omm, il-kelma tal-faraġ fil-hemm, Omm, il-kelma tal-ħniena fil-ħtija, Omm, il-kelma li trażżan id-demm”. Sabina, omm imfawra bl-imħabba lejn żewġha, uliedha u tant nies fil-bżonn. Sabina, li tant resqittna lejn Ġesù bħala familja. Sabina, li għaqdet daqshekk nies flimkien u għallmittna biex il-ħajja narawha bħala opportunità kbira fejn inħobbu lil xulxin kif iridna Ġesù. Sabina, li bl-istorja tagħha għenet lili u lil Patri Marcellino niċċelebraw ir-rejaltà mill-isbaħ li aħna aħwa Franġiskani. Grazzi Patri Marcellino ta’ kemm għamilt magħha u mal-familja tagħha. U grazzi kemm apprezzajt pubblikament ix-xogħol li nagħmlu aħna, il-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini fl-Isptar. Sabina ġabitna aktar aħwa!

Sabina, int imqajma mill-ġdid għall-ħajja ta’ dejjem. Itlob għal Jonathan, Maxine, Ella, għalina u, jekk jogħġbok dejjem, għalija wkoll! Nitolbu għalik u nħobbuk!

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: