Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-qalb tal-missier

Il-qalb tal-missier


Lili tgħiduli Father. U sewwa tgħiduli! Għax jien missier. Ta’ ħafna ulied. Li ma ġibthomx jien fid-dinja. Qas li kont incredible hulk ma kien iseħħli nġib daqshekk ulied! Imma l-imħabba tal-Mulej kbira. U tagħti l-ħajja. Tagħti l-ħajja lil kull qalb li tkun muġugħa, għajjiena u mitlufa fit-telfa li jġib miegħu d-diżappunt. Intant …

Il-Missier! Kemm nara missirijiet! Jiena kelli wieħed. U illum qiegħed fis-sema. Jitlob għalija, l-ewwel wieħed. Biex b’talbu nħalli iva lill-Mulej jagħmilni missier. Li tkun missier m’hijiex faċli. Żgur li m’hix ħafifa daqskemm iġġib it-tfal fid-dinja. Meta hi ħafifa. Il-ħajja għandha l-kumplessitajiet tagħha.

Il-Missier irid iqatta’ bi snienu. L-ewwel sfida li għandu hi dik li jżomm il-familja tiegħu. Quddiemu jitfaċċa x-xogħol. B’dak kollu li jitlob. Ix-xogħol jaf tabilħaqq ikun diffiċli. Jaf ikun tbatija kbira. Ix-xogħol, bit-tajjeb tiegħu, jaf ikun bħall-ħalliel li jidħol jisraq l-aqwa deheb u rikezza li jista’ jkollha l-familja: il-ħin ta’ flimkien. Kemm missirijiet jilmentaw li jiġu ġranet fejn, biex ma jħallux lill-mara toħroġ taħdem u tibqa’ d-dar ħa tieħu ħsieb l-ulied, huma jissallbu għal wieħed, tnejn u tlett xogħlijiet. “L-għaliex”, jirraġunaw, “il-familja trid”.

Iva! Veru! Il-familja trid! U, aktar ma ttieha aktar trid! Imma xi ħaġa waħda trid il-familja. U, tagħtihielha kemm tagħtihielha, bir-raġun kollu, tistenna li jkollha bil-bosta hekk: ħin kwalitativ għal xulxin. “Pà, ejja ilgħab miegħi!” Din hija l-għajta tal-ulied. Iva. Jista’ ikollha l-aqwa ipad, ikollu l-aħjar komputer jew play station. Imma min qatt jista’ jissostitwixxi l-imħabba li jaf jagħti l-missier? Anki jekk imfarrak bix-xogħol tal-ġlekk jew tal-ingravata inkella mimli terra bit-trab tat-trinek, imħabbet dak il-missier hija insostitwibbli! Għalhekk intom, għeżież tfal, tagħmlu sewwa li ġġebbdu l-komma ta’ missirijietkom sabiex jilgħabu magħkom! L-għaliex ħadd daqs imħabbet missirijietkom ma tagħtikom ferħ, kuraġġ u sigurtà f’ħajjitkom!

Imbagħad, waqt li qiegħed fuq it-tastiera u nħares fil-bogħod, qiegħed bħal donni nilmaħ lil dak il-missier anzjan. Dak li ħalla saħħtu fuq il-bank tax-xogħol. Tal-ġebel, tat-tarznari, tas-sengħa, kollu żejt jew mimli għabra tal-injam. Insomma… Dak il-missier li llum dahru juġgħu l-għaliex qed ipatti bil-qares tal-piżijiet li refa’ fuq spallejh meta kien jaħdem. Imbagħad hemm dak il-missier li, l-għaliex xogħlu kien jitfgħu fis-safar, bħal donnu qed jibki waħdu, fis-skiet, dawk is-snin li lil uliedu ma setax igawdihom. Ma setax le jarawhom jikbru kif suppost għandu jgawdihom missier. Imma, u hawn ma nistax ma nieqafx ftit mill-kitba ħa ngħaddilu imqar sarvetta tal-karti, hemm fejn qiegħed, u nitlob talba ta’ komfort għalih, ma nistax ma nsemmiex lil dak il-missier li qed jibki l-għaliex uliedu abbandunawh. Veru! Fil-ħajja kulħadd jiżbalja. Veru! Ċertu żbalji huma tabilħaqq ħoxnin. M’għandhomx ikunu. Imma, u din ngħidhielek l-għaliex tassew inħobbok u nirrispettak fil-Mulej Ġesù, int qatt ma tiżbalja? Taf xi tfisser il-qalb ta’ missier li tkun trid tgħannaq lil bintu u lil bintha magħha? Għandek garanzija li int mhux ħa tagħmel l-istess żbalji? Jew, abbli, l-għaliex dgħajjef u dgħajfa, bħali, taf tagħmel agħar?

Fl-aħħar nett nixtieq insemmi lil tip ta’ missirijiet oħra li ma tantx insemmuhom. Huma dawk l-irġiel li qalbhom mimlija, anzi, imfawra bl-imħabba! Imma x’ġara? Kemm ilhom jippruvaw, b’kull mezz possibbli, inkluż bl-għajnuna tal-mediċina, biex ikollhom l-ulied! U dawn l-ulied, għal xi raġuni jew oħra, ma jistgħux jiġu qatt. Qalbi toħroġ għal dawn il-missirijiet. Missirijiet li mhux l-ewwel darba li niltaqa’ magħhom fl-Isptar Mater Dei. Qiegħdin hemm, lesti biex jagħmlu kull sagrifiċċju u jħallsu kull prezz biex ikollhom l-ulied. Ħalli jeżerċitaw b’imħabba l-paternità li biha żejjinhom il-Mulej.

Għażiż missier nawguralek minn qalbi li qalbek tissokta tikber fil-kompassjoni li tibqa’ hemm għal martek u għal min tħobb. Li tibqa’ tikber fir-rieda soda li tibqa’ fit-tajjeb. Li tkompli tkun umli, dejjem lest biex twettaq kull sagrifiċċju għal dawk li qalbek tħobb. Li tibqa’ tkun affabbli għalkemm, f’ċertu mumenti, għall-ġid tal-familja, ikollok twettaq id-deċiżjonijiet tiegħek. Anki jekk dan twettqu bit-tixrib tad-dmugħ f’għajnejk.

Pà, il-Missier tas-Sema jħaddnek ma’ qalbu! Grazzi Pà! Inħobbok Pà!

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: