Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Għall-Korsa ħi!

Għall-Korsa ħi!


Meta nkun bil-frank mill-Isptar, il-Ħadd wara nofsinnhar, huwa l-għors tiegħi li ninżel naqra sal-Korsa taż-żwiemel fil-Marsa. Biex nara t-tiġrijiet. Daqqa ninżel. U daqqa oħra iniżżluni. Insomma: L-aqwa li ninżel! Mhux hekk?

U ninżel dejjem biċ-ċoqqa ta’ Franġiskan Kapuċċin. Għax, ħut San Franġisk t’Assisi, ħutna ż-żwiemel, ikunu jridu jarawni. Bħalma jkunu jridu jarawni wkoll sidienhom. Kemm huma ħelwin ħutna ż-żwiemel! Jiġru! Ilebbtu! Fost tant entużjażmu tad-dilettanti li jimlew is-seats fejn joqgħod bilqiegħda l-pubbliku. Forsi hawn min jistaqsi: Imma xi jmur jagħmel il-Patri kull nhar ta’ Ħadd preċett fil-Korsa tal-Marsa?

L-istorja hija tabilħaqq antika. Għalkemm għandha wkoll, kif iħobb jgħid Patri, il-full stops, il-commas l-fresh line. Minn meta kont żgħir jiena kelli l-kbira grazzja li niġi imrawwem f’dan l-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Kemm, Alla jaħfirlu, missieri, iż-żiju Ċensu u z-ziju Ġużi, li għadu ħaj u mimli bil-għomor, kienu joħduni nara t-tiġrijiet taż-żwiemel il-Marsa. Għadni niftakar il-Korsa l-antika. Għadni narani, żgħir żgħir, meta konna naqsmu biex immorru noqgħodu fuq il-borġ ħamrija u tajn tan-naħa l-oħra tal-Korsa. U, minhemm, konna nitpaxxew naraw dieħel, bil-glorja kollha tiegħu, lil Alcyon, Urbanel, Dicav, Espoir du Marè u l-bqija qabel jirfsu l-ġister finali.

Imbagħad, meta inbniet il-Korsa preżenti, ma nistax ma nsemmix lill-leġġendarju Isard Du Pont. X’tiġrijiet kbar kien jagħtina flimkien ma’ Joter De Claux, Jalium, Jollus, Irmack u tant żwiemel oħrajn. U, l-għajjat tan-nies, fid-dritta finali, hekk kif kien jitfaċċa ż-żgħir li kien il-kbir, jiġifieri l-Isard Du Pont, u jwettaq rebħa isbaħ minn oħra, għandni nisimgħu f’widnejja. Tafu li għadni jqabbadni l-bard?

Is-sabiħa hi li meta l-Mulej sejjaħli biex nidħol mal-Patrijiet Kapuċċini ġo fija n-namra għat-tiġrijiet taż-żwiemel baqgħet tixgħel! Għalhekk, meta fl-2012, b’miraklu tal-mirakli bqajt ħaj wara attakk tal-qalb mortali, il-Mulej uża t-tiġrijiet ta’ Isard Du Pont u tal-magħruf Général du Pommeau, li kien rebaħ it-tiġrija prestiġjuża tal-Prix D’Amerique fis-sena 2000, biex jagħtini kuraġġ ħalli nissokta negħleb l-effetti tal-attakk tal-qalb li ġarrabt. Biex ma ntawwalx il-Patri, bil-għajnuna tal-grazzja t’Alla, reġa’ ġie fuq saqajh mill-ġdid. U sprintja fid-dritta finali bħalma kien sprintja Général du Pommeau li kien ħasad lill-leġendarju żiemel Taljan Varenne.

Imbagħad, meta d-diriġenti tal-Korsa ta’ dak iż-żmien, kienu raw l-artiklu li l-Mulej kien tani biex nikteb fuq il-ġurnal tal-infermieri, Self-care through an equine metaphor, kienu stiednuni biex ninżel il-Korsa mill-ġdid. Dakinnhar kienu ħaduni dawra mal-Korsa biż-żiemel Noble d’Ete.

Minn dakinnhar ‘l hawn bqajt ninżel il-Korsa tal-Marsa. Kemm inħobb noqgħod nara ż-żwiemel man-nies! Inżur l-istallel! Inqassam is-santi tal-Kurunella tal-Ħniena Divina, domni u, fuq kollox, il-palċmini ż-żgħar tal-Kelma t’Alla! Ġieli kien hemm min talabni nqarru wkoll F’xi drabi saret ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. U, ma jistax jonqos, inbierek xi żiemel jew xi remissa. Għalhekk l-asperġes dejjem mimli bl-ilma mbierek. F’dawn l-aħħar tlett snin ġiet introdotta wkoll is-Shield ta’ San Franġisk riservata għall-klassi Bronze. Din issir għall-ħabta ta’ Mejju.

Insomma ħbieb, kollox bis-sempliċità u iddettat mill-Ispirtu s-Santu. L-aqwa li, bħalma jgħidilna l-Papa Franġisku fl-Evangelii Gaudium, “noħorġu mill-kumditajiet tagħna u jkollna l-kuraġġ li nilħqu l-periferiji kollha li għandhom bżonn id-dawl tal-Vanġelu” (nru. 20). Inkluża l-Korsa taż-żwiemel fil-Marsa. In-nies taż-żwiemel jgħallmuni ħafna. U, tant kemm jgħallmuni, li meta ninżel il-Mulej jagħtini grazzja li fuq il-Facebook tiegħi nagħmel il-clip bl-isem Mill-Korsa taż-żwiemel. Fid-dinja s-sempliċi jgħallmek ħafna u ħafna ħbieb!

Għalhekk inħobb ninżel il-Korsa taż-żwiemel kull nhar ta’ Ħadd jien fil-Marsa. L-għaliex, dawn l-aħwa, bil-mod sempliċi tagħhom aqta’ kemm iġibuni saqajja mal-art! Wara kollox mhux “tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, id-dinja u kull ma jgħix fiha” (Salm 24:1)?

Mela, għall-Korsa ħi!

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: