Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Kif naqbad infissrek?

Kif naqbad infissrek?


Smajtha għal ma nafx kemm-il darba. Ippurvajt infittixha. Imma ġrali eżatt bħalma ġralha l-għarusa fl-Għanja tal-Għanjiet li, fi spazju ta’ żewġt ivrus, hija tirrepeti, b’qalba maqsuma, bħalma irrepetejt b’qalbi maqsuma jien: “Fittxu; ma sibtux!” (Għan 3:1-2).

Imma fl-aħħar, u veru fl-aħħar, kważi kważi meta kont qtajt qalb li nsibha, din il-kanzunetta, jew aħjar biċċa strumentali tal-ġenn, ġiet waħedha. Ġiet, mingħajr ħadd ma qabbadha, bħal donnha biex tgħidli: “Apprezzajt it-tifxtix tiegħek! Apprezzajt imħabbtek kbira u tbaqbaq għalija! Hawn jien! Quddiemek! Ismagħni! Iggustani! Ħallini nissokta nidħol sal-profond, sal-qalba tal-qalb tiegħek! Sal-qalba ta’ dak li int!”

U ġiet is-sinjorina kanzunetta. Ġiet f’okkażjoni li ma kontx qed nistennieha li tiġi fiha. L-għaliex, dejjem jekk il-memorja tiegħi qed taħdem sewwa, l-aħħar darba li smajtha kien fuq stazzjon tat-televiżjoni f’riklam tal-akoħol. Ujj! Ma rridx le nagħti l-impressjoni li jiena nixrob l-alkoħol! Li ma jmurx ikun hemm xi ħadd u jfittillu jaħseb, imqar għal waqt wieħed, li nħobb ix-xorb. Ix-xorb tal-ispirti ma jogħġobniex. Għalkemm l-Ispirtu, sintendi dak tal-Mulej, niġġennen għalih! Nixtieq inħallieh jintossikani l-ħin kollu! Xhieda ta’ dan hija t-talba li jagħtini nikteb ta’ kuljum fuq l-istatus ta’ Facebook tiegħi. Talba li hija iddedikata għalih, għall-Ispirtu s-Santu.

U kien fil-fatt dan l-Ispirtu li ġagħlni niftaħ par widnejn daqshiex ħa nisma’ sewwa din il-mużika sabiħa. Kont fl-okkażjoni lil hinn minn dak li hu romantiku. Anzi, kont f’sitwazzjoni kiesħa u li tweġġa’ l-qalb fil-laħam il-ħaj. Kont f’funeral. Bit-tebut tal-persuna mejta, għal din id-dinja, quddiemi. Madankollu, kelli ġewwa fija lil DAK LI HU l-VERU ĦAJ. Bit-tqarbina mqaddsa kelli jgħix fija lil Dak li hu l-Awtur ta’ kull ħajja. Kelli lil Ġesù! Hekk kif tqarbint u qarbint il-ġemgħa l-bravu organista fettillu jdoqq din il-kanzunetta bħala background. Kanzunetta li fetħitli beraħ kull tieqa ta’ qalbi li kienet, sa dak il-ħin, imbexxqa. Jew anki magħluqa bil-firroll għall-biża’ li xi ħadd ried jidħol f’qalbi biex jiġġudikaha u mhux biex iħobbha. Bħalma għandha bżonn qalbek u qalbkom u qalbna li jiġu maħbuba.

Insomma … Beda jdoqq. U f’moħħi dehret ix-xena sabiħa tas-sajf. Ħdejn il-baħar. Li fih naraw il-glorja u l-qawwa tal-Mulej. U dik id-daqqa strumentali ridtha tibqa’ miegħi. Rajtha bħal dik it-tifla ħelwa, id f’id ma’ missierha. Li takkumpanjah. U ma tħallieh qatt waħdu. Rajtha bħal dak il-ħabib jew dik il-ħabiba li jitħaddtu miegħi, minn qalbhom, għall-qalbi. Inkella ħassejtha bħal dik iż-żiffa friska li daħlitli f’għadmi. U, bil-freskezza tagħha, reżħittni biex ma nibqax le immut fis-sħana li toqtol u mingħajr ħniena tas-sħana tas-sajf.

Xi ġmiel! Din il-biċċa mużika qabditli idejja. U qaltli: “Imxi Patri! Imxi! Ħa nieħdok passiġġata. ‘Il bogħod mill-għajnejn isqra tan-nies. Lil hinn minn dawk il-widnejn ippuntati li huma ħafna agħar minn ta’ Spock ta’ Star Trek. Dawk il-widnejn li, għalkemm jidhru żgħar żgħar, iridu jidħlu fin fin ħa jitkixxfu. Ħa jakkużaw. Ħa jitfgħu t-tajn. Imxi! Tibqax taħli ħin f’dinja li hija mħassra bil-ġudizzju u l-kundanni!”

U jien, bħal dan it-tifel iż-żgħir, li dejjem lest li jmur jistrieħ ‘il bogħod mill-bojja ta’ min irid iħaqqaqha u jikkontrolla lill-oħrajn minflok ma juri mħabba bl-insigurtà kbira u tinten li għandu ġewwa fih, mort iva mas-sinjorina kanzunetta. Tlajt magħha għoljiet. Inżilt niżliet. Għaddejt minn widien. Qsamt ix-xmajjar. Ġrejt ma’ kull rokna li hawn fid-dinja. Mhux sempliċiment b’fantasija. F’dik id-dinja fejn il-poeta, mifluġ minn dak li jara madwaru, jrid jara fejn ħa jmur jistaħba. Lanqas fl-arja ta’ min qed jimmedita fuq ix-xejn. Iżda, u għal kuntrarju, niżżlittni fl-abbiss veru. Mhux dak tal-ħażen. Lanqas tal-kastig. Iżda fl-abbiss tat-tbatija tal-bniedem. Li dejjem jitlob u jittama li jinħeles minn din id-dinja, bi tbatijietha kollha, li għad trid tgħaddi.

U hekk kif, mas-sinjorina kanzunetta, inżilt hemm isfel, fejn il-qalb, imxewka mit-tbatija tal-ħajja, tfittex il-mistrieħ, stajt iva narah ġej. Proprju hemm isfel! Fuq is-sħab! Niżel hemm isfel, fil-qalba tad-dagħbien mudlam, biex jagħti idu lili u lil min hu bħali. Jiġifieri lil dawk il-ħafna nies li l-karba tagħhom ma tasalx aktar minn erba’ madumiet. Jew, biex inkun aktar ġeneruż, sal-bieb ta’ barra ta’ kamrithom, li tkennen is-sodda tal-mard tagħhom.

Il-kanzunetta għenitni nibki għalihom dawn in-nies. L-għaliex fihom, u bihom, nara wkoll l-uġiegħ sieket tiegħi. Quddiem l-inġustizzja tal-ħajja. Quddiem min jimponi ruħu fuq l-oħrajn. U dan l-għaliex dejjem dara hekk. U qatt, s’issa, għadu ħadd ma sab rimedju tiegħu. Għalkemm, nerġa’ ngħid, kull min jarah jgħidlu “ħelu”, inkella, jekk inhi hi, “ħelwa”. Imma s-salmista iwiġibna malajr. Għax ħajtu u ħajjitha altru għejxiex. U għexitiex: “Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem?” (Salm 64:7).

Hekk hu! Sewwa qed tgħid! Min jifhem moħħ il-bniedem? Il-moħħ li issa jgħid mod imbagħad, kważi fl-istess nifs, isimgħu jibdel il-verżjoni. Inkella l-qalb li, għax għatxana għall-imħabba, anki l-aktar qalb li tidher stretta strettissima, abbli taf tkun l-aktar waħda li tkun qed titkarrab għall-imħabba u l-attenzjoni! Il-bniedem! X’misteru! Xi profondità! Li mhux dejjem hija ċara. Li, xi minn daqqiet, tasal li tiddubita anki lilha innifsha.

Imma s-sinjorina kanzunetta baqgħet għaddejja. Baqgħet tofroq dan il-mewġ kbir u li ma jidhirx ta’ influwenzi tad-dinja t’hawn isfel. L-influwenzi tal-opinjoni pubblika li aktar iddaħħal fil-ħajt milli fil-qalb. U reġgħet il-kanzunetta fakkrittni. Din id-darba imma mhux bil-melodija daqshekk sabiħa u, fl-istess ħin, mimlija toqol. “Il-ħajja m’hijiex kollox”. Kif? Għaliex qed tirraġuna hekk? Il-ħajja, int Patri, kif ma tiddefendihiex?

Le ħabib! Tikkundannanix! Jiena l-ħajja niddefendieha. U niddefendieha bl-għeruq u x-xniexel f’kull stadju tagħha. Li ma niddefendix hu l-attitudni li wieħed ma jarax l-istampa kollha. Hemm hi, is-sinjorina kanzunetta, li l-awtur tagħha għamlitu famuż. Magħruf. Imlietlu bwietu bil-miljuni. Dawrietu, tista’ tgħid, mal-erbat irjieħ tad-dinja. U, iva, daħħlietu f’ma nafx kemm il-kappella u prayer meeting! Il-kanzunetta tfakkar il-mewta ta’ żgħażugħ ta’ sbatax-il sena. Mewta li kienet inċident traġiku. Li ħallietu mejjet. Tal-post. Imma l-arja tal-mewt, liema arja tiġri ħafna magħna, u, fil-każ tiegħi, ġieli tkun ħa teqlibni fl-Isptar daqs kif tgħaddi minn fuqi, straxxnata, marret tiġri kemm tiflaħ fuq l-awtur, Elton John. Sabitu kif kien, mhux imħejji. Kienet se tifgah. L-għaliex tqila. U toħnoq. Imma l-ħanqa tagħha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jaħdem fl-arti ta’ dan il-kantant magħruf, ġiet maħtufa mill-kapaċità kbira ta’ dan il-ġenju mużikali. U minn ħanqa saret iva esperjenza ħallieqa. Ta’ tifkira fejn il-ħajja, anki jekk warajha għandha l-isfond tal-mewt, baqgħet tgħix. U d-dehra tagħha baqgħet ma ċċajpret qatt!

Bħalma qatt m’hu ħa tiċċajpar minn moħħi u qalbi d-dehra tal-persuna li, għal xahrejn sħaħ, kelli l-grazzja nakkumpanja tul il-vjaġġ tagħha minn dan il-wied tad-dmugħ lejn Ġerusalemm tas-Sema. Liema vjaġġ intemm bl-exultet tas-sema!

It-telfiet li nġarrbu fil-ħajja jgħinuna napprezzawha. U napprezzawha bil-kbir! Meta jkollok ċans idħol iva fuq YOU TUBE u sib il-kanzunetta mill-isbaħ, li hija għal kollox strumentali. Li ħarġet mill-qalb u l-moħħ ta’ Elton John, Song for Guy. Ismagħha. Ħallieha tinżel sewwa f’għadmek. Ħallieha toqgħod sal-inqas rokna ta’ dak li int. U, jekk toħroġlok demgħa l-għaliex tfakkrek f’xi ħaġa li lilek tnikkitlek qalbek, ftakar f’din is-sentenza: “Il-ħajja m’hijiex kollox. U proprju l-għaliex m’hijiex kollox li hija kollox. Il-ħajja, fil-fatt, hija tant kollox li quddiem il-mewt nibqgħu iva nfittxuha. U tant kemm nibqgħu nfittxuha li ninfetħu għar-RELAZZJONI!”

 

Oh Song for Guy! Kif naqbad infissrek?

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: