Katekeżi Tama Nisranija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Qaddisin, xhieda u sieħba tat-Tama


27. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 21 ta’ Ġunju 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Nhar il-Magħmudija tagħna dwiet għalina l-invokazzjoni tal-qaddisin. Ħafna minna dakinhar kienu trabi, f’ħoġor il-ġenituri tagħna. Ftit qabel ma għamlilna d-dilka biż-Żejt tal-katekumeni, simbolu tal-qawwa ta’ Alla fit-taqbida kontra l-ħażen, is-saċerdot stieden lill-miġemgħa kollha biex titlob għal dawk li kienu waslu biex jirċievu l-Magħmudija, bl-invokazzjoni lill-qaddisin.

Dik kienet l-ewwel darba f’ħajjitna li ġejna rregalati b’din il-kumpanija ta’ aħwa l-“kbar”, irġiel u nisa – il-qaddisin – li għaddew mill-istess triq tagħna, li ħabbtu wiċċhom mal-istess taħbit tagħna u issa qed jgħixu għal dejjem fi ħdan Alla. L-Ittra lil-Lhud din il-kumpanija li għandna madwarna ssejħilha bl-espressjoni “sħaba kbira ta’ xhieda” (12:1). Dak li huma l-qaddisin: sħaba kbira ta’ xhieda.

L-Insara, fit-taqbida tagħhom kontra l-ħażen, ma jaqtgħux qalbhom. Il-Kristjaneżmu jxettel fih fiduċja inkurabbli: ma jemminx li l-qawwiet negattivi u tal-firda jistgħu qatt jirbħu. L-aħħar kelma fuq l-istorja tal-bniedem mhix il-mibegħda, mhix il-mewt, mhix il-gwerra. F’kull waqt tal-ħajja hemm jgħinna d-driegħ ta’ Alla, u anki l-preżenza diskreta ta’ dawk kollha li jemmnu u li “telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi” (Kanoni Ruman). L-eżistenza tagħhom qed tgħidilna qabelxejn li l-ħajja Nisranija mhix xi ideal li ma jistax jintlaħaq. U flimkien ifarrġuna: m’aħniex waħidna, il-Knisja hi magħmula minn għadd bla qies ta’ aħwa, spiss anonimi, li marru qabilna u li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu huma parti mill-ħajja ta’ min għadu jgħix hawn isfel.

Dik tal-Magħmudija mhijiex l-unika invokazzjoni lill-qaddisin li timmarka l-mixja tal-ħajja Nisranija. Meta żewġ għarajjes jikkonsagraw imħabbithom fis-sagrament taż-Żwieġ, tiġi msejħa mill-ġdid fuqhom – din id-darba bħala koppja – l-interċessjoni tal-qaddisin. U din l-invokazzjoni hi għajn ta’ fiduċja għaż-żewġ żgħażagħ li jkunu se jitilqu għall-“vjaġġ” tal-ħajja konjugali. Min iħobb tassew għandu x-xewqa u l-kuraġġ li jgħid “għal dejjem” – “għal dejjem” – imma jaf li għandu bżonn il-grazzja ta’ Kristu u l-għajnuna tal-qaddisin biex jista’ jgħix il-ħajja miżżewġa għal dejjem. Mhux kif jgħidu xi wħud: “sakemm iddum l-imħabba”. Le: għal dejjem! Inkella aħjar wieħed ma jiżżewweġ xejn. Jew għal dejjem jew xejn. Għalhekk fil-liturġija taż-żwieġ nitolbu l-preżenza tal-qaddisin. U fil-mumenti diffiċli jrid ikollok il-kuraġġ tgħolli ħarstek lejn is-sema, taħseb f’tant Insara li għaddew mit-tiġrib u żammew bojod l-ilbies tal-magħmudija tagħhom, għax ħasluhom fid-demm tal-Ħaruf (ara Apok 7:14): hekk jgħid il-Ktieb tal-Apokalissi. Alla ma jitlaqna qatt: kull darba li niġu bżonn, jiġi anġlu tiegħu jerfagħna u jimliena bil-faraġ. “Anġli” xi drabi b’wiċċ u qalb ta’ bnedmin, għax il-qaddisin ta’ Alla huma dejjem hawn, moħbija f’nofsna. Din iebsa nifhmuha jew imqar nistħajluha, imma l-qaddisin huma preżenti f’ħajjitna. U meta xi ħadd jitlob lil xi qaddis jew qaddisa, dan sewwasew għax hu qrib tagħna.

Anki s-saċerdoti jgħożżu t-tifkira ta’ invokazzjoni lill-qaddisin imlissna fuqhom. Hu wieħed mill-iktar mumenti qawwija tal-liturġija tal-Ordinazzjoni. Il-kandidati jinxteħtu għal tulhom fl-art, b’wiċċhom mal-art. U l-ġemgħa kollha, immexxija mill-Isqof, titlob l-interċessjoni tal-qaddisin. Wieħed kapaċi jibqa’ mgħaffeġ taħt it-toqol tal-missjoni fdata lilu, imma meta jħoss li l-Ġenna kollha qiegħda wara spallejh, li l-grazzja ta’ Alla mhix sa tonqos għax Ġesù jibqa’ dejjem fidil, allura jista’ jibda l-mixja tiegħu b’serenità u ħeġġa. M’aħniex waħidna.

U x’aħna aħna? Aħna trab li jaspira lejn is-Sema. Il-forzi tagħna dgħajfin, imma b’saħħtu l-misteru tal-grazzja li hu preżenti fil-ħajja tal-Insara. Aħna fidili lejn din l-art, li Ġesù ħabb f’kull mument ta’ ħajtu, imma nafu u rridu nittamaw fit-trasfigurazzjoni tad-dinja, fil-milja definittiva tagħha fejn saflaħħar ma jkunx hemm iżjed dmugħ, ħażen u tbatija.

Il-Mulej jagħti lilna lkoll it-tama li nsiru qaddisin. Imma xi ħadd forsi jistaqsini: “Dun, tista’ ssir qaddis fil-ħajja ta’ kuljum?”. Iva, tista’. “Imma dan ifisser li rridu noqogħdu nitolbu l-jum kollu?”. Le, ifisser li int trid tagħmel dmirek il-jum kollu: titlob, tmur għax-xogħol, tieħu ħsieb ta’ wliedek. Imma trid tagħmel kollox b’qalb miftuħa għal Alla, hekk li x-xogħol, anki fil-mard u fit-tbatija, anki fid-diffikultajiet, ikun miftuħ għal Alla. U hekk nistgħu nsiru qaddisin. Ħa jagħtina l-Mulej it-tama li nsiru qaddisin. Ma naħsbux li hi xi ħaġa diffiċli, li iktar faċli tkun delinkwent milli qaddis! Le. Nistgħu nkunu qaddisin għax jgħinna l-Mulej; Hu li jgħinna.

Dan hu l-ikbar rigal li kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti lid-dinja. Ħa jagħtina l-Mulej il-grazzja li nemmnu b’tant qawwa fih li nsiru xbieha ta’ Kristu għal din id-dinja. L-istorja tagħna għandha bżonn ta’ “mistiċi”: ta’ persuni li jirrifjutaw kull ħakma, li jaspiraw għall-imħabba u għall-fraternità. Irġiel u nisa li jgħixu billi jilqgħu f’ħajjithom imqar biċċa żgħira ta’ tbatija, għax jitgħabbew bl-uġigħ u t-taħbit tal-oħrajn. Imma mingħajr dawn l-irġiel u nisa, id-dinja tibqa’ bla tama. Għalhekk nawgura lilkom kollha – u dan nawgurah lili wkoll – li l-Mulej jagħtina t-tama li nsiru qaddisin.

Grazzi!

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s