Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Fik jien nistkenn!

Fik jien nistkenn!


Jiena persuna misħtija. Mhux soltu tiegħi nitħaddet. U, wisq anqas, li nitħaddet fuq l-affarijiet personali tiegħi. Madankollu ma stajtx ma nirrakkuntax il-ġrajja tiegħi. Xejn xejn ikun hawn min jieħu xi spunt minnha u jagħmel kuraġġ! Ħa jħares lil hinn mix-xefaq tat-tbatija u tan-niket li l-ħajja taf toffrilna.

Tlajt f’familja mimlija mħabba. Dik l-imħabba li ħabbittni l-għaliex fetħitni għall-valuri sbieħ tal-ħajja. U, fuq kollox, għall-valuri li ma jgħaddu qatt tal-fidi Nisranija. Sewwa jgħidu: “L-imħabba għamja”. Hekk ġrali jien fl-istorja ta’ mħabbti. Ta’ żgħażugħa li kont tfajt għajnejja fuq żgħażugħ. Ma nafx kif daħal f’qalbi. Ippruvajt nirreżiżtieha din l-imħabba. Iżda jista’ wieħed jirreżiżti lin-nifs tiegħu? Daqshekk ieħor ma stajtx nirreżiżti l-imħabba li ħassejt lejn dan iż-żgħażugħ.

Warajh tlift għaqli. Ħallejt kollox, dak kollu li kien għażiż għalija. Inkluż il-familja tiegħi. U mort ngħix miegħu. Għall-ewwel kollox kien ward u żahar. Sakemm il-problemi bdew jikbru. Jiena ħsibt li kien se jinbidel. Ħsibt li kien sar iħobbni. Iżda, aktar ma għadda ż-żmien, aktar beda jingħalaq fih innifsu u fid-dinja tiegħu. Dinja mibnija fuq ix-xorb u fl-abbandun tal-Mulej.

It-tbissima li kellu fuq wiċċu meta rajtu l-ewwel darba biż-żmien inbidlet f’ħarsa biċċiera. Mà kemm hi kerha r-rabja! U x’waħx hi s-suppervja! Speċjalment dik li ma tammetti qatt. Dik is-suppervja li, minflok li twasslek għall-mejda tat-taħdiet twasslek biex tkun vjolenti ma’ min ikun tak jew tkun tatek, qalbu u qalbha.

Aktar mas-snin bdew għaddejjin minn fuqi aktar bdejt nintebaħ kemm tqarraqt f’din ir-relazzjoni. Kemm-il darba tlabtu biex niżżewġu bil-Knisa. Imma qatt ma ried. Għalih dan kien ħela ta’ ħin. U daħk fil-wiċċ. Għalih il-Mulej ma jeżiżtix. M’għandux f’post f’ħajtu. Barrra minhekk bdew ġejjin it-tfal fid-dinja. X’mument tassew sabiħ u ta’ kuraġġ kien dan għalija! “Ejja,” bdejt ngħid. “Forsi issa jinfetaħ naqra u jibda’ joħroġ ftit minnu nnifsu”. Jekk tkellem lill-ħajt jifhmek? Daqshekk fehem hu! Jgħassed kien u jgħassed baqa’. Għoġbu x-xogħol li jgħix il-ħajja antika tiegħu.

Aktar ma beda għaddej iż-żmien aktar bdejt nintebaħ li konna sejrin għall-ġolħajt.com. Allura ħsibt biex nieħu lill-uliedi u nitilqu. Il-pass ippruvajt nagħmlu. Imma, ħaġa tal-għeġubijiet, aktar ma ridt nitilqu aktar kien hemm affarijiet “strambi” li kull darba bdew jimpeduni milli nagħmel il-pass li tant kont inħoss li kelli nagħmel. Ma ridtx għerf biex nifhem li kien hemm “id moħbija” li kienet qed tmexxi din l-istorja tal-films li kont qed ngħix.

Din il-ħajja bdiet letteralment toħoqni. Ma flaħtx aktar. Għalhekk, darba minnhom, imkissra kif kont, ħriġt mid-dar u tlaqt nimxi għal għonq it-triq. Fettilli nsib Kappella miftuħa u dħalt fiha. Fuq wieħed mis-siġġijiet sibt karta li, fuq naħa waħda tagħha, kien hemm miktub b’ittri kbar, Fik jien Nistkenn! Filwaqt li fuq in-naħa l-oħra sibt miktub fiha Salm 91. Bqajt niftakar bl-amment xi partijiet minnu.

Int li tgħix għall-kenn ta’ l-Għoli, li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox, għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.” Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt. Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek. Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek… La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu. Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu; u b’għomor twil nimlieh, nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Imdamdma kif kont bdejt naqrah. U, aktar ma bdejt nitolbu aktar il-paċi tal-Mulej bdiet taħkimni. Għalhekk qtajtha li nibda’ u nispiċċa l-ġurnata tiegħi bih. U l-mirakli bdew ġejjin. Għall-ewwel darba, wara ħafna snin, qerrejt. U ersaqt lejn it-tqarbin. Ma rridx ngħid li b’daqshekk ħajjet il-familja tiegħi saret ġenna. Il-problemi hemm għadhom. Imma għalija s-sieħeb tiegħi m’għadux dak ta’ taħt San Mikiel. Imma hu raġel dgħajjef li għandu bżonn it-talb u l-imħabba tiegħi.

Din l-esperjenza wasslittni nistqarr mas-salmista: “Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn!” (S 16:1).

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: