Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Nagħmlu bħal Don Milani, nieħdu ħsieb l-oħrajn mingħajr sentimentaliżmi żejda

Nagħmlu bħal Don Milani, nieħdu ħsieb l-oħrajn mingħajr sentimentaliżmi żejda


Il-Ħamis 22 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Ir-ragħaj għandu jkollu passjoni, u jkun jaf jiddixxerni, u jrid ukoll ikollu ħila jikkundanna dak li hu ħażin. Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta waqt riflessjoni dwar l-Appostlu Pawlu b’riferimenti għal Don Milani, kappillan ta’ Barbiana li kien jieħu ħsieb ħafna tal-proxxmu mingħajr ħafna sentimentaliżmi żejda.

 

Il-Papa tnebbaħ mill-ewwel qari meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin biex jispjega liema huma l-karatteristiċi tajbin tar-ragħaj tajjeb. San Pawl, qal il-Papa, kien ragħaj tajjeb li qatt ma abbanduna n-nagħaġ tiegħu, mhux kif jagħmel il-merċenarju.

L-ewwel kwalità għalhekk hi li r-ragħaj ikollu l-ħerqa. Ikun appassjonat sal-punt li lil niesu jgħidilhom: jien inħoss għalikom xorta ta’ għira divina. San Pawl hu għajjur divinament, ikkummenta l-Papa.

Hi ħerqa li ssir kważi ‘ġenn’, ‘bluha’ għall-poplu tiegħu. Din hi l-karatteristika li aħna nsejħulha ‘żelu appostoliku’. Ma nistgħux inkunu rgħajja mingħajr dan in-nar jikbes ġewwa fina.

Karatteristika oħra hi li r-ragħaj ikun bniedem li jaf jiddixxerni. Jaf li fil-ħajja hemm x’jiġbdek, is-seduzzjoni. Missier il-gideb isaħħar. Ir-ragħaj le. Ir-ragħaj iħobb, filwaqt li s-serpent, missier il-gideb, hu għajjur u seduttur li jipprova jbiegħed lil dak li jkun mill-fidi u l-fedeltà.  Għax dik l-għira divina ta’ Pawlu kienet immirata biex iressaq lill-poplu lejn l-uniku għarus u biex lill-poplu jżommu fidil lejn l-għarus tiegħu.

Fl-istorja tas-salvazzjoni, issokta Franġisku, fl-Iskrittura nsibu li bosta drabi l-poplu tbiegħed minn Alla, kien infidil lejn il-Mulej, waqa’ fl-idolatrija bħal meta jkun hemm l-infedeltà fiż-żwieġ.

Allura l-ewwel karatteristika tar-ragħaj hi li jkollu ħerqa kbira, ikun mimli żelu.  It-tieni hi li jagħraf jiddixxerni fejn jinsab il-periklu u fejn jinsabu l-grazzji. Dan ifisser li jakkumpanja lin-nagħaġ dejjem – fil-waqtiet sbieħ u f’dawk koroh – bil-paċenzja, biex iwassalhom lejn il-maqjel.

It-tielet karatteristika hi li r-ragħaj għandu jkollu ħila jikkundanna. Jagħraf jgħid ‘le, dan mhux tajjeb,’ kif jagħmlu l-ġenituri ma’ wliedhom.
Ir-ragħaj it-tajjeb, kompla jgħid il-Papa, jaf jikkundanna bl-isem u l-kunjom kif kien jagħmel San Pawl.

Hawnhekk il-Papa tkellem dwar iż-żjara li għamel ilbieraħ f’Bozzolo u Barbiana, fil-postijiet fejn kienu għexu żewġ rgħajja bravi, Taljani. U meta tkellem dwar Don Milani semma li l-motto tiegħu kien li jgħallem liż-żgħar: I care, jien nagħti każ.

Kien jgħallem li l-affarijiet trid toħodhom bis-serjetà, kontra l-moda ta’ żmienu li kienet dik ta’ ‘ma jimpurtani minn xejn’. U għalhekk kien jgħallem liż-żgħar biex jieħdu ħsieb il-ħajja u kien jaf jgħidilhom: ‘Din le.’

Ħafna drabi, kompla jgħid Franġisku, aħna nitilfu l-ħila li nikkundannaw dak li jmur kontra ħajjitna stess, u nkunu rridu mmexxu l-merħla ‘l quddiem bil-kompromessi u l-inġenwità, biex niġbdu l-ammirazzjoni, u lill-fidili nħalluhom jagħmlu fattihom.

Pawlu l-Appostlu kien mimli żelu, appassjonat, mimli żelu appostoliku – l-ewwel karatteristika; it-tieni, id-dixxerniment biex wieħed jagħraf fejn tinsab is-seduzzjoni tax-xitan. U r-ragħaj irid ikun bniedem li jaf jikkundanna, fejn hemm bżonn, dak li jagħmel ħsara lill-merħla tiegħu.

Il-Papa temm l-omelija b’talba għar-rgħajja kollha tal-Knisja sabiex San Pawl jinterċedi għalihom quddiem il-Mulej ħalli kollha jkollhom dawn it-tliet karatteristiċi biex jaqdu lill-Mulej.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: