Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Kristu jimla l-vojt ta’ ħajjitna

Kristu jimla l-vojt ta’ ħajjitna


Il-Ħamis 22 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Quddiesa Pontifikali tal-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu, fis-Santwarju tagħha f’Għawdex.

Audio bil-kortesija ta’ Radju Marija

Meta nkunu rridu nikkritikaw jew niskreditaw lil xi ħadd, ngħidu li huwa persuna vojta. B’kumment bħal dan inkunu nfissru li dik il-persuna ma tiswa xejn u għal xejn. Min hu vojt huwa għar-rimi! Xi drabi jekk ma tkunx vojt, in-nies għandha ħila tiżvojtak mill-qiegħ – kapaċi tbattlek mill-istess dinjità tiegħek. Meta l-vojt jimlielna ħajjitna, ikollna ħajja tassew miskina!

Huma diversi dawk iċ-ċirkustanzi fejn il-bniedem jagħmel esperjenza tal-vojt. Xi drabi hemm min iħossu vojt mill-imħabba. Ġieli tkun tixtieq tħobb, imma ma jirnexxilekx għax l-imħabba vera hija esiġenti wisq. Imbagħad ġieli tkun tħobb, imma ħabta u sabta ssib lil xi ħadd joħloqlok vojt tal-imħabba. Tiġini f’moħħi l-esperjenza ta’ tnejn miżżewġa għax iħobbu lil xulxin, imbagħad jisbaħ jum u parti minnhom titlaq ’il barra – hekk parti minnhom issib ruħha żvojtata mill-imħabba. Niftakar f’dawk il-ġenituri li jkunu għexu għal uliedhom. L-ulied jikbru u għal xi raġuni jgħibu mill-orizzont ta’ ħajjithom. Hekk fil-ħajja tal-ġenituri jinħoloq vojt kbir. Din hija tbatija kbira.

Hu possibbli li aħna nġarrbu l-vojt fil-ħajja għax ikollna ċerti tamiet jew aspirazzjonijiet, imma għal xi raġuni jew oħra dawn it-tamiet jibqgħu mhux mitmuma. Hawn min hu kapaċi jaċċetta din ir-realtà, imma hawn min jibqa’ jħoss dan il-vojt għal ħajtu kollha.

Hemm min għandu vojt kbir għax jixtieq li ħajtu jkollha aktar tifsira – ikun jixtieq jagħti sens lil ħajtu, imma bħal donnu jibqa’ dejjem jagħqad fil-vojt. Kemm huwa tqil dan il-baħħ!

Imbagħad hemm min iħoss il-vojt ta’ ħajja moralment tajba. Wieħed ikun jaspira li jilħaq ċertu standard ta’ mġiba li tkun moralment aċċettabbli, imma ma jirnexxilux għax id-dgħufija tiegħu ma tkunx żgħira.

Hemm imbagħad dawk li jħossu l-vojt ta’ Alla. Dawn ikollhom xewqa espliċita jew impliċita biex f’ħajjithom jagħmlu esperjenza ta’ Alla, imma din tibqa’ biss nostalġija għax Alla jibqa’ xi ħaġa li ma jistgħux jilħqu u għalhekk iħossuhom spiritwalment battala.

Għażiż, jekk inti ġarra vojta bħal dawk il-ġarar vojta li kien hemm f’Kana, taqtax qalbek, għax meta l-ħarsa ta’ Kristu strieħet fuqhom, dawn minn vojta saru mimlija sax-xifer. Alla ma jaqtax qalbu mill-vojt tal-bniedem. Għalhekk, jekk fil-vokazzjoni tiegħek tħossok vojt, jekk il-mard tarah qed jiżvojtalek saħħtek, jekk il-familja tiegħek iżżarmat, jekk saħansitra s-soċjetà għandha vojt ta’ valuri, agħmel il-qalb, għax Kristu jimla kull vojt. Kristu jaf saħansitra l-kejl tal-vojt tiegħek u lest li jgħinek tirbħu.

Ta' Pinu

Biex illum naraw iseħħ fostna l-miraklu li Ġesù għamel f’Kana, għandna bżonn ġarar vojta – għandna bżonn nagħmlu l-esperjenza tal-vojt. Inħallu lil Kristu jidħol fl-istorja tagħna. Kif jikteb it-teologu Ortodoss Clement Olivier, “il-vojt huwa okkażjoni biex jidher il-misteru tal-imħabba ta’ Alla”. Hu biss jista’ jimla l-vojt tagħna. Anzi, biex jimla l-vojt, Ġesù nnifsu jitbattal. Biex mela l-baħħ tagħna, kif jgħid San Pawl fl-Ittra tiegħu lil l-Filippin, Ġesù żvojta lilu nnifsu: “Għad li kellu n-natura ta’ Alla… xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir” (2:6). Hu tbattal biex aħna nimtlew.

Imma biex nibdew dan il-proċess ħalli l-vojt tagħna jimtela, ma rridux nistħu nammettu li aħna bnedmin vojta. Min jaħseb li hu mimli, ma għandux spazju biex jimtela aktar; imma min b’umiltà u sinċerità jammetti d-dgħufija tiegħu, hemmhekk tibda taħdem il-grazzja. Kien biss wara li ntebaħ u ammetta li ħajtu kienet vojta, li l-iben il-ħali tal-parabbola beda t-triq lura għal għand il-Missier li mlieh b’kull ġid (Lq 15). F’passaġġ ieħor, Ġesù jfaħħar lil dik l-armla li fl-offerta tagħha tefgħet kulma kellha – battlet lilha nfisha!

Bħall-iben il-ħali u l-armla fqira, aħna nixbhu lill-ġarar vojta ta’ Kana. Ma aħniex maħluqin biex nibqgħu vojta. Għal Alla ma hemm ħadd li huwa vojt. Alla ma huwa sejjer jiżvojta lil ħadd. Ħadd ma hu għar-rimi. Għall-kuntrarju, Alla lest li jfawwarna bl-imħabba li tagħti sens lil ħajjitna.

F’Kana Marija kienet dik li ġibdet l-attenzjoni ta’ Ġesù li l-għarajjes kien spiċċalhom l-inbid; kienet Marija li wasslet lil Ġesù biex jieħu l-inizjattiva u jimla l-ġarar vojta. Għalhekk bir-raġun aħna llum ġejna bi ħġarna f’dan is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu għax nemmnu li dak li Marija għamlet f’Kana, hi trid tagħmlu magħna. Anki jekk aħna ġarar vojta għalkollox, niġu f’ħoġor Marija biex tressaqna għand Ġesù li tbattal biex aħna nimtlew. Ħa jkun Ġesù li jserraħ ħarstu fuq is-sitwazzjonijiet vojta tal-eżistenza tagħna u jimlihom bil-preżenza tiegħu.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: