Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Etty Hillesum: dawl mistiku għal żminijietna

Etty Hillesum: dawl mistiku għal żminijietna


Il-meditazzjonijiet tal-Via Crucis ta’ din is-sena, li Papa Franġisku mexxa fil-Kolossew f’Ruma, nhar il-Ġimgħa l-Kbira tal-14 ta’ April, inkitbu mit-teologa Franċiża u omm ta’ tlett itfal, Anne-Marie Pelletier. Fis-seba’ meditazzjoni ta’ dawn il-meditazzjonijiet, jiġifieri dik dwar Ġesù u n-Nisa ta’ Ġerusalemm, spikkat bil-kbir il-figura ta’ Etty Hillesum.

Anne-Marie Pelletier kitbet hekk fuq Etty: “Anki Etty Hillesum, Olandiża b’karattru sod, li baqgħet wieqfa fit-tempesta tal-persekuzzjoni Nażista, li ddefendiet sal-aħħar is-sbuħija tal-ħajja, issefsfilna f’widnejna dan is-sigriet li hi skopriet lejn l-aħħar tal-mixja tagħha: fuq wiċċ Alla nnifsu hemm dmugħ li għandu bżonn il-faraġ, meta dan jibki għall-miżerja li fiha jinsabu wliedu. Filwaqt li l-infern joħnoq id-dinja, hi tasal titlob lil Alla u tgħidlu, ‘Nipprova ngħinek.’ Kuraġġ tant femminili daqskemm hu divin!”

Fil-ktieb Etty Hillesum: Essential Writings, Etty titħaddet dwar is-sitwazzjonijiet diffiċli li int u jien ikollna nħabbtu wiċċna magħhom. Hi turina t-triq ‘il quddiem. Fil-kitbiet tagħha tgħallimna mhux sempliċiment ngħixu magħhom imma kif minnhom nikbru, napprofondixxu, inħobbu u naqdu.

Etty Hillesum kienet mara żgħażugħa Olandiża li kienet taħdem f’Amsterdam matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Hija żammet għadd ta’ djarji u fihom kitbet il-qawmien spiritwali tagħha. Hija rat il-ħajja f’dawl ġdid. U bdiet taqdi lir-refuġjati Lhud f’kamp ta’ tranżizzjoni Nażista. Fl-aħħar hi u l-familja tagħha sabu ruħhom mitfugħa fi traġedja kbira. Il-ferrovija tal-mewt ittrasportathom għall-Polonja. U f’Auschwitz, nhar it-30 ta’ Novembru tal-1943, fl-età ta’ 29 sena, Etty mietet.

Ħbiebha żammew id-djarji għal deċenni sħaħ. Iżda qatt ma seħħilhom jippubblikawhom. Madankollu fl-aħħar, fl-1981, irnexxielhom. Id-djarji ġew ippubblikati bl-Olandiż. Sentejn wara ġew ippubblikati wkoll bl-Ingliż. L-isem ta’ din il-verżjoni kien An Interrupted Life. Meta wieħed jaqra l-istorja tagħha, il-ġlidiet, it-talb u l-awareness dejjem tikber tagħha tal-Mulej, il-paċi li bdiet titkattar f’qalbha u mewtha, tassew li l-qarrej jibda’ jissaħħar wara Etty. Il-proża tagħha hija mimlija ħajja u dawl. Hija taqbad mill-famuż vers li jiftaħ kitbietha: “Hawn isseħħ, imbagħad”.

Din il-verżjoni ġdida Etty Hillesum: Essential Writings, li ġiet stampata fl-2009, għandha biċċiet mid-djarji bejn l-1941 sal-1943. Magħha hemm korrispondenza li ġiet skoperta aktar reċenti. L-introduzzjoni li għamlet l-editriċi Anne Marie Kidder hija miżgħuda b’riflessjonijiet profondi. Hija tikteb li “Etty hija mistika li, minkejja l-orruri tal-gwerra, setgħet tafferma t-tjubija u s-sbuħija tal-ħajja. Hija għallmet lilha innifisha, bħalma għallmet lill-oħrajn, jesploraw il-pajsaġġ u t-tfittxija tar-ruħ għall-verità u għall-Mulej”.

Fi kliemha stess li jqajmek fuq ix-xwiek, Etty saret “il-qalb ħassieba tal-kwartieri”. B’għaqal liema bħalu Kidder seħħilha tiġbor il-ħafna temi li jinsabu fid-djarji tagħha. Dawn huma: it-tfittxija għat-tagħrif tar-ruħ tal-persuna, l-esperjenza sħiħa tal-mument preżenti, it-talb bħala l-prattika li biha titnaddaf il-mogħdija għar-ruħ li fiha l-Mulej jgħix u li miegħu r-ruħ titħaddet, il-kultivazzjoni tas-solitudni u s-skiet bħala forom li wieħed jinqata’ mill-istimuli esterni u mid-dipendenzi biex isib l-għajn tal-ferħ ġewwa fih, il-ħajja ta’ ġuvni/xebba bħala opportunità li wieħed jaqsam imħabbtu/imħabbitha ma’ ħafna, id-dixxiplina fuq il-post tax-xogħol, is-sempliċità fit-taħdit u fil-mod ta’ ħajja, l-umiltà f’li wieħed jagħraf u jammetti d-dgħjufijiet tiegħu u li jistqarr l-fehma limitata tiegħu innifsu u tal-oħrajn, il-valur tan-niket u tat-tbatija bħala skola ta’ sabar fil-proċess li wieħed isir aktar konxju, l-etika tal-imħabba li tmexxi r-relazzjoni tal-persuna magħha innifsha u mal-oħrajn imsejsa fuq l-għarfien tagħha innifisha, is-sottomissjoni għaċ-ċirkustanzi tal-persuna u l-aċċettazzjoni tal-mewt u l-mewt tal-ego jew tal-ego falz bħala mod ta’ kif il-persuna twessa’ u tarrikixxi ħajjitha u, fl-aħħar nett, l-għaqda kożmika tal-ħwejjeġ kollha fin-natura fejn il-ħwejjeġ u l-ħlejjaq jinħtieġu ilkoll, u b’mod ekwilibrat, l-attenzjoni u l-imħabba.

Kidder tosserva li l-vjaġġ ta’ trasformazzjoni ta’ Etty huwa textbook sħiħ. Kidder tikteb: “Fis-sbuħija tal-inqas ċagħka, fil-petali tal-fjura, fil-weraq tas-siġra, hi setgħet tagħraf il-kożmu kollu. U din l-iskoperta ġagħlitha tgħajjat b’għajta qawwija li l-ħajja kienet sabiħa u li Alla kien tajjeb. Meta Etty iddeċidiet li taħdem b’mod volontarju fil-kamp Nażista ta’ tranżizzjoni u insistiet li tibqa’ hemm kontra kull insistenza minn ħbiebha … dan kollu kien ġej mill-konvinzjoni li kienet se ġġorr il-paċi u l-imħabba tagħha fid-dinja biex tibdel id-dinja, almenu fi grad żgħir”.

Fl-1941 Etty kitbet hekk: “Jekk trid tgħallem lill-oħrajn kif jgħixu int l-ewwel għandek tieħu f’idejk lilek innifsek. Int se jkollok teżamina l-ħin kollu lilek innifsek”. B’daqshekk Etty ma kinitx xi Pelaġjana. Anzi! Kienet lesta tissottometti lilha innifisha għall-misteru u l-grazzja. “Xi minn daqqiet inħoss li qiegħdha f’xi purgatorju jħeġġeġ u li jien qed niġi msawra f’xi ħaġa oħra”.

Il-bidla tagħha titwessa’ ruħha. Etty tikteb fil-ħruġ bil-mod ta’ libertà interjuri formidabbli. Il-bidla mill-mibegħda għall-imħabba, mill-qtugħ għall-impenn, mill-vjolenza għan-nonvjolenza, mir-riżentiment għall-maħfra, mis-sentimenti ta’ fjask għat-tama. Etty ma setgħetx “tgħix bil-mod ta’ mibegħda li ħafna nies, illum il-ġurnata, jinfurzaw fuqhom infushom kontra n-natura tajba tagħhom”. B’dawn ir-riżorsi ġodda ġewwiena Etty titgħallem li tieħu magħha “l-kamra s-siekta” tagħha tkun fejn tkun. Anki fil-kwartieri. Saħansitra sa mewtha. Hija tikteb li seħħilha tikseb “stat ta’ ekwilibriju sħiħ”. Anki fl-aktar mument ta’ orrur waqt l-okkupazzjoni Nażista. Għalhekk tikteb:

“Issa nisma’, il-jum kollu, dak li qiegħed fija. U nista’ nieħu l-qawwa mill-għejjun l-aktar moħbija fija nnifsi. Nissokta nisma’ il-leħen ġewwieni tiegħi anki fil-konfużjoni … Ħalli nwettaq elf ħaġa ta’ kuljum bi mħabba. Imma ħalli kull waħda minnhom toħroġ minn qalba aktar ċentrali ta’ impenn u mħabba”.

U, permezz tal-impenn u l-imħabba, Etty tiskopri d-distakk. Tikteb: “Naf dak li jaf hemm lest għalina. Jien diġà mitt elf mewt f’elf kampijiet ta’ konċentrament. Naf dwar kollox u minix aktar imbeżża’ mill-aħħar rapporti. B’mod jew b’ieħor nafha kollha. Madankollu insib il-ħajja sabiħa u li għandha tifsira. Minn minuta għall-oħra”.

Il-ħajja fl-orrur tal-kamp Nażista issir “waħda kbira, li ma tfissirhiex, avventura ġewwiena kontinwa”. Tikteb Etty: “Qatt m’hu se naħrab mit-tempesti li l-ħajja għandha għalija…. Inwiegħed li ngħix ħajti hemm barra b’mod sħiħ”. Etty m’hijiex nieqsa mill-qawwa. Tikteb: “Dak kollu li ninħtieġu qiegħed fina. Imma jeħtieġilna nkunu nafu liema motivi jispiraw il-ġlieda tagħna. U aħna irridu nibdew minna infusna, kull jum mill-ġdid”.

Fil-vjaġġ ġewwieni mimli tbatija u transformattiv ta’ Etty lejn il-Mulej kienu l-imħabba u l-paċi li mexxewha biex tilqa’ it-tbatija f’ħajjitha. L-istess tbatija għenitha tidentifika ruħha ma’ dawk kollha li qiegħdin ibatu. Huwiex dan ukoll ix-xogħol kruċjali tan-Nisrani u ta’ kull min tassew qed ifittex l-ispiritwalità ġenwina f’ħajtu u f’ħajjitha? Hijiex din l-attitudni ta’ Ġesù mhux vjolenti fuq is-salib fejn isir ħaġa waħda ma’ dawk li soffrew fl-istorja? Meta sar ħaġa waħda mar-razza umana kollha? Meta wieħed jidentifika ruħu ma’ dawk li qed ibatu t-tbatija ssir mezz ta’ mħabba esplosiva, li żżarma lill-vjolenti u issaltan b’mod universali. Mhux ta’ b’xejn mela li l-aħħar kelmiet li kitbet Etty fuq postcard u li ġew mwaddba mill-ferrovija fi triqitha lejn Auschwitz kienu: “Ħallejna l-kamp inkantaw …”

Huwiex dan il-vjaġġ li jinsab quddiemi u quddiemek?

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: