Niċċekknu biex inkunu nistgħu nisimgħu leħen il-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jeħtieġ li niċċekknu biex inkunu nistgħu nisimgħu leħen il-Mulej, qal il-Papa Franġisku dalgħodu fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Illum hi l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù.

 

Il-Mulej għażilna u sar wieħed minna biex jimxi magħna fil-ħajja, u ta lil Ibnu, il-ħajja ta’ Ibnu, għall-imħabba tagħna.

Il-Papa kien qed jirrifletti dwar l-ewwel qari tal-quddiesa meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju li fih naraw lil Mosè jgħid li Alla għażilna biex inkunu l-poplu tiegħu fost il-popli kollha tad-dinja. Franġisku spjega kif għandna nfaħħru ‘l Alla għax fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesù jagħtina l-grazzja li niċċelebraw bil-ferħ il-misteri l-kbar tas-salvazzjoni tagħna, tal-imħabba tiegħu għalina, jiġifieri hi ċelebrazzjoni tal-fidi tagħna.

Il-Papa tkellem partikolarment dwar żewġ kelmiet li nsibu fit-test tal-qari: ‘għażla’ u ‘ċokon’.

Ma konniex aħna li għażilna lilU imma kien Alla li sar ilsir tagħna. Intrabat ma’ ħajjitna biex ma jinfired qatt iżjed. U Hu jibqa’ fidil f’dan l-atteġġjament tiegħu. Aħna ġejna magħżulin għall-imħabba u din hi l-identità tagħna.

Tgħid, issokta l-Papa, jien għażilt din ir-reliġjon?  Le, int m’għażilt xejn. Huwa Hu li għażel lilek, sejjaħlek u ntrabat miegħek. U din hi l-fidi tagħna. Jekk dan ma nemmnuhx ma nkunux fhimna x’inhu l-messaġġ ta’ Kristu, ma nkunux fhimna l-Vanġelu.

Dwar it-tieni kelma: iċ-ċokon, il-Papa fakkar kif Mosè għamilha ċara li Alla kien għażel il-poplu ta’ Iżrael, għax kien l-iċken fost il-popli.

Alla, issokta l-Papa, innamra miċ-ċokon tagħna u għalhekk għażilna. Hu jagħżel liż-żgħar, mhux lill-imkabbrin, lill-kbar. Hu juri ruħu liċ-ċkejknin: Ħeba dawn il-ħwejjeġ lil min hu għaref u wriehom liċ-ċkejknin.

Jekk int trid tifhem xi ħaġa mill-misteru ta’ Ġesù, iċċekken. Agħraf ix-xejn tiegħek għax Alla mhux biss jagħżel u juri ruħu liċ-ċkejknin imma jsejħilhom: ‘Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħassbin u mtaqqlin u jiena nfarraġkom.’ Intom li intom ċkejknin – minħabba t-tbatija, minħabba l-għeja….

Allura lill-kbar ma jsejħilhomx?, staqsa l-Papa. Qalbu miftuħa imma l-imkabbrin ma jirnexxilhomx jisimgħu leħen il-Mulej għax huma mimlijin bihom infushom.

Hu biss meta niċċekknu li naslu għall-misteru tal-Qalb ta’ Ġesù, li mhix xi santa għad-devoti. Il-Qalb ta’ Ġesù hija l-qalb tar-rivelazzjoni, il-qalb tal-fidi tagħna, għax Hu ċċekken u għażel din il-ħajja. Għażel li jumilja ruħu u jixxejjen sal-mewt fuq is-Salib, saħaq il-Papa Franġisku.

Kienet għażla li biha Alla deher fil-glorja tiegħu. Mill-kustat minfud ħarġu demm u ilma, qal il-Papa: dan hu l-misteru ta’ Kristu fiċ-ċelebrazzjoni tal-lum. Hi ċelebrazzjoni ta’ qalb li tħobb, li tagħżel, li hi fidila u li tintrabat magħna, li turi ruħha liċ-ċkejknin, issejħilhom u tiċċekken hi stess.

Aħna nemmnu f’Alla, f’Ġesù. Ġesù huwa Alla. Iva! Imma l-misteru hu proprju dan. Din hi t-turija, din hi l-glorja ta’ Alla: fedeltà fl-għażla, fir-rabta u ċ-ċokon, ix-xejn. Il-problema tal-fidi hi l-qofol tal-ħajja tagħna: nistgħu nkunu twajba ħafna imma ma jkollniex fidi jew tkun nieqsa.

Minn hawn irridu nibdew, mill-misteru ta’ Ġesù Kristu li salvana bil-fedeltà tiegħu, qal il-Papa, li temm b’talba biex il-Mulej itina l-grazzja li fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesù aħna niċċelebraw il-ġesti l-kbar, l-opri l-kbar tas-salvazzjoni, l-opri l-kbar tar-redenzjoni.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: