Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > M’hemmx bżonn ta’ oroskopju jew ta’ min jaqra x-xorti, nimxu lejn is-sorpriżi t’Alla

M’hemmx bżonn ta’ oroskopju jew ta’ min jaqra x-xorti, nimxu lejn is-sorpriżi t’Alla


It-Tnejn 26 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

M’għandniex bżonn oroskopji jew qarrejja tal-futur: in-Nisrani veru mhux dak li jitfa’ l-ankri u jibqa’ wieqaf imma dak li jafda f’Alla u jħallih imexxih f’mixja miftuħa lejn is-sorpriżi tal-Mulej.  Dan affermah il-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

It-Tnejn, 26 ta’ Ġunju 2017

 

In-Nisrani li jibqa’ wieqaf mhux Nisrani veru.  Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex ma jibqgħux statiċi imma jafdaw f’Alla u jimxu warajh.

Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari tal-ġurnata meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi biex jirrifletti dwar Abraham li fih hemm l-istil tal-ħajja Nisranija – l-istil tagħna bħala poplu – mibni fuq tliet dimensjonijiet: ir-rinunzja, il-wegħda, il-barka.  Il-Mulej, fakkar il-Papa, iħeġġeġ lil Abraham biex jitlaq minn pajjiżu, mill-patrija, minn dar missieru.

Li tkun Nisrani jfisser dejjem li jkollok din id-dimensjoni tar-rinunzja li ssib il-milja tagħha fiċ-ċaħda li għamel Ġesù fuq is-salib.  Mur, itlaq, dejjem jinsabu fil-bidu, fl-ewwel pass: Ħalli kollox u itlaq minn pajjiżek, minn qrabatek, minn dar missierek.

Jekk niftakru ftit naraw li fil-Vanġeli l-vokazzjoni tad-dixxipli hi ‘itlaq’ u ‘ejja’.  Fil-Profeti wkoll insibu dan – mhux veru? – ‘ħalli kollox.’  Naħsbu f’Eliżew li kien qed jaħdem l-art: ‘itlaq kollox u ejja.’  ‘Imma ħallini nsellem lill-ġenituri tiegħi!’ – ‘Imma mur u ejja.  Itlaq kollox u ejja.’

L-Insara, issokta l-Papa, għandhom ikollhom il-ħila li jitneżżgħu, inkella mhumiex Insara awtentiċi, kif mhumiex awtentiċi dawk li ma jħallux lil min ineżżagħhom u jsallabhom ma’ Ġesù.

Abraham obda minħabba l-fidi, u telaq lejn art li kien se jirċievi b’wirt, imma mingħajr ma kien jaf fejn sejjer.

In-Nisrani m’għandux oroskopju biex jara l-futur: ma jmurx għand min jaqra x-xorti bil-boċċa tal-kristall biex jaqralu idu. Le u le.  Ma jafx fejn sejjer.  Imur bil-gwida.  U din qisha l-ewwel dimensjoni tal-ħajja Nisranija tagħna: iċ-ċaħda.

Imma ċ-ċaħda għaliex?, staqsa l-Papa.  Biex nibqgħu mwaħħlin fl-iżolament?  Le u le.  Imma biex immorru lejn wegħda.  U din hi t-tieni waħda.  Aħna rġiel u nisa mexjin lejn wegħda, lejn laqgħa, lejn xi ħaġa – art, jgħid Abraham – li se nirċevuha b’wirt.

Madankollu Abraham ma jibnix dar, saħaq Franġisku, imma jarma tinda biex juri li hu f’mixja u li jafda f’Alla, u mbagħad jibni artal biex iqim lill-Mulej.  U wara jkompli jimxi, u jibqa’ miexi dejjem.

Il-mixja tibda kuljum, kull filgħodu: il-mixja li nintelqu f’idejn il-Mulej, il-mixja lejn is-sorpriżi tal-Mulej, li ħafna drabi ma jkunux sbieħ, drabi oħra koroh – naħsbu f’xi marda, f’xi mewt – imma li tkun miftuħa għax naf li Int se twassalni lejn post żgur, art li ħejjejt għalija: jiġifieri l-bniedem li jimxi, il-bniedem li jgħix f’tinda, tinda spiritwali.

Meta ruħna tibqa’ statika żżejjed, titlef din id-dimensjoni li timxi lejn il-wegħda u minflok timxi lejn il-wegħda, tiksibha għaliha u tagħmilha tagħha.   U dan mhux sew, mhux eżattament attitudni Nisranija.

F’diż-żerriegħa tal-bidu tal-familja Nisranija tagħna, osserva l-Papa, tispikka karatteristika oħra, dik tal-barka: jiġifieri li n-Nisrani hu bniedem li jbierek, jew aħjar li jitkellem tajjeb dwar Alla u dwar l-oħrajn u li jħalli lil Alla u lill-oħrajn iberkuh, biex jimxi ‘l quddiem.

Dan hu l-mudell tal-ħajja Nisranija tagħna, għaliex ilkoll, il-lajċi wkoll, għandna nbierku lill-oħrajn, nitkellmu tajjeb dwarhom u nitkellmu tajjeb dwar l-oħrajn ma’ Alla.

Spiss, issokta l-Papa, aħna nħossuna mbuttati biex ma ngħidux it-tajjeb dwar l-oħrajn, dwar il-proxxmu, meta lsienna jiċċaqlaq iżżejjed u kif irid hu, minflok jimxi fuq il-kmandament li Alla ta lil missierna Abraham bħala mudell tal-ħajja, jiġifieri li nimxu u nħallu lill-Mulej ineżżagħna għax nafdaw fih ħalli ma jkun hemm ebda ħtija fina.

Fl-aħħar mill-aħħar, temm il-Papa, il-ħajja Nisranija hi tant sempliċi.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: