It-Tama, qawwa tal-martri


28. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 28 ta’ Ġunju 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nirriflettu fuq it-tama Nisranija bħala qawwa tal-martri. Meta, fil-Vanġelu, Ġesù jibgħat lid-dixxipli f’missjoni, ma joqgħodx jimlielhom moħħhom b’kastelli fl-arja ta’ suċċess faċli; bil-maqlub, iwisshom ċar li t-tħabbira tas-Saltna ta’ Alla dejjem sa jkun hemm min hu kontriha.

U juża anki espressjoni qawwija: “U lilkom kulħadd isir jobgħodkom – jobgħodkom – minħabba f’ismi” (Mt 10:22). L-Insara jħobbu, imma mhux dejjem huma maħbuba. Ġesù mill-ewwel ipoġġina quddiem din ir-realtà: xi ftit jew wisq, l-istqarrija tal-fidi tiġi fi klima ta’ ostilità.

Għalhekk l-Insara huma rġiel u nisa “kontra l-kurrent”. Dan normali: ladarba d-dinja hi mċappsa mid-dnub, li jidher f’bosta xejriet ta’ egoiżmu u ta’ inġustizzja, min jimxi wara Kristu miexi f’direzzjoni kuntrarja. Mhux bi spirtu ta’ polemika, imma b’fedeltà għal-loġika tas-Saltna ta’ Alla, li hi loġika ta’ tama, u tissarraf fl-istil ta’ ħajja msejjes fuq dak li jurina Ġesù.

U l-ewwel indikazzjoni hi l-faqar. Meta Ġesù jibgħat lil tiegħu f’missjoni, donnu iktar moħħu kif ħa “jneżżagħhom” milli kif ħa “jlibbishom”! Fil-fatt, Nisrani li mhuwiex umli u fqir, maqtugħ mill-għana u mill-poter u fuq kollox maqtugħ minnu nnifsu, ma jixbahx lil Ġesù. In-Nisrani jimxi fit-triq tiegħu f’din id-dinja b’dak li hu essenzjali għall-mixja, imma b’qalbu mimlija mħabba. Il-vera telfa għalih jew għaliha hu meta jaqa’ fit-tentazzjoni tal-vendetta u tal-vjolenza, li jwieġeb għall-ħażen b’ħażen. Ġesù jgħidilna: “Qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” (Mt 10:16). Jiġifieri bla snien, bla munizzjon, bla armi. In-Nisrani pjuttost għandu jkun prudenti, xi drabi anki moħħu jilħaqlu: dawn huma virtujiet aċċettati mil-loġika tal-Vanġelu. Imma l-vjolenza qatt. Biex negħlbu l-ħażen, ma nistgħux ninqdew bl-istess metodi tal-ħażen.

L-unika qawwa tan-Nisrani hi l-Vanġelu. Fiż-żminijiet ta’ diffikultà, irridu nemmnu li Ġesù jinsab quddiemna, u ma jiqafx jimxi mad-dixxipli tiegħu. Il-persekuzzjoni mhix kontradizzjoni għall-Vanġelu, imma tagħmel parti minnu: jekk ippersegwitaw lill-Imgħallem tagħna, kif nistgħu nittamaw li aħna nevitaw it-taqbida? Imma, qalb it-tiġrib kollu, in-Nisrani m’għandux jitlef it-tama tiegħu, jew jaħseb li ġie abbandunat. Ġesù jiżgura lid-dixxipli tiegħu billi jgħidilhom: “Sa x-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud” (Mt 10:30). Biex qisu jgħid li l-ebda tbatija tal-bniedem, l-anqas l-iċken waħda u l-aktar moħbija, ma hi inviżibbli f’għajnejn Alla. Alla jara, u żgur jipproteġi; u se jagħti l-fidwa tiegħu. Fil-fatt fostna hemm Xi Ħadd li hu aqwa mill-ħażen, iktar b’saħħtu mill-mafja, mill-komplotti mudlama, minn min jaqlagħha tajjeb minn fuq dahar dawk ta’ qalbhom maqtugħa, minn min jgħaffeġ lill-oħrajn bi prepotenza… Xi ħadd li minn dejjem sema’ l-vuċi ta’ demm Abel li qed tgħajjat mill-art.

Għalhekk l-Insara għandhom ikunu dejjem fuq “in-naħa l-oħra” tad-dinja, dik magħżula minn Alla: mhux persekuturi, imma ppresegwitati; mhux arroganti, imma umli; mhux bejjiegħa tad-duħħan, imma sottomessi għall-verità; mhux imposturi, imma onesti.

Din il-fedeltà fl-istil ta’ Ġesù – li hu stil ta’ tama – sal-mewt, l-ewwel Insara sejħulha b’isem sabiħ ħafna: “martirju”, li jfisser “xhieda”. Kien hemm ħafna possibbiltajiet oħra, li joffri l-vokabularju: setgħet tissejjaħ eroiżmu, ċaħda tal-jien, sagrifiċċju tagħhom infushom. Imma l-Insara tal-ewwel siegħa sejħulha b’isem li jfewwaħ bid-dixxipulat. Il-martri ma jgħixux għalihom infushom, ma jitqabdux biex jaffermaw l-ideat tagħhom, u jaċċettaw il-mewt biss b’fedeltà għall-Vanġelu. Il-martirju lanqas mhu l-ogħla ideal tal-ħajja Nisranija, għax ’il fuq minnu hemm il-karità, jiġifieri l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Dan jgħidu tajjeb ħafna l-Appostlu Pawlu fl-innu lill-imħabba: “U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid” (1 Kor 13:3). Hi diżgustanti għall-Insara l-idea li dawk li jagħmlu l-attentati suwiċida jistgħu b’xi mod jissejħu “martri”: m’hemm xejn fl-iskopijiet tagħhom li jista’ mqar joqrob lejn l-atteġġjament ta’ wlied Alla.

Xi drabi, aħna u naqraw l-istejjer ta’ tant martri tal-bieraħ u tal-lum – li huma ħafna iktar fl-għadd mill-martri tal-ewwel żminijiet –, nibqgħu mistagħġbin quddiem il-qawwa li biha affrontaw il-prova. Din il-qawwa hi sinjal tat-tama kbira li kienet tmexxihom: it-tama żgura li xejn u ħadd ma seta’ qatt jifridhom mill-imħabba ta’ Alla mogħtija lilna f’Ġesù Kristu (ara Rum 8:38-39).

Ħa jagħtina Alla dejjem il-qawwa li nkunu xhieda tiegħu. Jagħtina li ngħixu t-tama Nisranija fuq kollox fil-martirju moħbi li nwettqu tajjeb u bi mħabba d-dmirijiet tagħna ta’ kuljum. Grazzi.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.