Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija fil-festa tal-Verġni Mqaddsa tas-Sokkors

Omelija fil-festa tal-Verġni Mqaddsa tas-Sokkors


Il-Ħadd 9 ta’ Lulju 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, fl-okkażjoni tal-festa tal-Verġni Mqaddsa tas-Sokkors, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kerċem.

Awdjo bil-kortesija ta’ Radju Sokkors.

Inħollu l-għoqod tal-ħajja

Il-ħajja tal-bniedem hija sabiħa; imma tibqa’ hekk sakemm ma jibdewx jitfaċċaw l-għoqod! Dawn il-problemi jtellfuna l-gost; anzi, xi drabi, meta nippruvaw inħolluhom, jiġrilna li ngħaqqduhom u nħabbluhom aktar, u l-ħajja ssir itqal. Min minna ma għandux xi għoqda fl-istonku tiegħu? Il-mistoqsija li nagħmlu mhix kif jinħolqu l-għoqiedi, imma kif ser jirnexxilna nħolluhom. Insemmi ftit eżempji.

Hawn min għandu għoqda minħabba l-karattru diffiċli tiegħu stess. Hemm min mhux kuntent bih innifsu għax konxju mill-fatt li hu supperv, suspettuż, ġellied, aggressiv, paċpaċi, pikuż… u għalkemm jixtieq jikkoreġi, ma jirnexxilux. Din l-għoqda tikber meta minħabba din ix-xorta ta’ karattru, wieħed ikollu problemi mal-oħrajn.

Hemm dawk li għandhom għoqda għaliex ikunu fallew fir-relazzjonijiet tagħhom. Kemm għandna familji miżgħuda b’dawn it-tip ta’ għoqiedi: ġenituri miksura ma’ wliedhom, aħwa ma jitkellmux ma’ xulxin, zijiet bil-geddum man-neputijiet, u tista’ tibqa’ sejjer! Illum anki għoqda żgħira kapaċi tħarbat ir-relazzjoni bejn il-miżżewġin!

Hemm dawk li għandhom għoqda kbira għax f’ħajjithom ikunu għamlu xi fjask. Dawn ma jkunux kapaċi jaħfru lilhom infushom u għal snin sħaħ jibqgħu jbatu minn sens ta’ ħtija.

Ħaġa li tinkwetani hija l-għoqod tal-kuxjenza. Dan spiss jiġri meta bniedem b’kuxjenza mdawla jħoss li ma jkunx jista’ jaqbel mal-fehma dominanti – meta wieħed bil-kuxjenza jħoss li ma jistax “jobdi” ċerti liġijiet. Il-kuxjenza tant hija sagra li saħansitra tista’ tiġġustifika li wieħed ma jimxix mal-liġi pożittiva ta’ Alla u din id-diżubbidjenza ma ġġib ebda responsabbiltà morali. Id-diskors dwar il-kuxjenza huwa wieħed serju ħafna. Nikkumpatixxi lil min qed ibati għax għandu din l-għoqda. Kif jgħallimna l-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Il-ferħ tal-imħabba, hija l-kuxjenza ffurmata li għandha tiggwida lil dawk il-miżżewġin li jinsabu fit-tieni relazzjoni fir-rigward taċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti. Ninkwieta meta min suppost jifhem, għadu ma fehemx din il-linja tal-Knisja. Anki fid-dinja ċivili, id-dritt tal-libertà tal-kuxjenza huwa rikonoxxut bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u jitkellmu wkoll fuq il-conscientious objector.

Imbagħad hemm l-għoqod li jista’ jkollna fir-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla. Hawn min għandu dubji dwar Alla; hemm min għandu diffikultà biex jaċċetta l-Vanġelu ta’ Kristu kollu kemm hu. Imbagħad hemm min għandu għoqda fir-relazzjoni tiegħu mal-Knisja u n-nies tal-Knisja, inkluż l-Isqof. Bħala ragħaj spiritwali dawn is-sitwazzjonijiet jinkwetawni sew. Qed nitkellem bil-biża’ u t-tregħid. Għal min għandu l-fidi, il-ministeru tal-Knisja u tal-Isqof huma xi ħaġa serja ħafna; imma għal min ma għandux din il-viżjoni ta’ fidi, il-Knisja hija NGO u l-Isqof CEO. Jien konxju li fid-dgħufija tagħna nistgħu nkunu kawża ta’ għoqod fl-oħrajn; imma konxju wkoll li ħafna drabi l-għoqod jinħolqu minħabba t-tagħlim li nagħtu, u għalhekk hemm min isib diffikultà biex jaċċetta t-tagħlim tal-Isqof (li hu f’rabta mal-Papa).

Issa fost it-titli mogħtija lill-Omm tagħna tas-Sema hemm dak tal-“Madonna li tħoll l-għoqiedi”. Din id-devozzjoni bdiet fis-seklu sbatax f’Augsburg, il-Ġermanja. Il-koppja Wolfgang Langenmentel u Sophia Imhoff iżżewġu fl-1612. Ma kinux għaddew ħafna snin meta din il-koppja għaddiet minn kriżi u kienu ser jiddivorzjaw. Wolfgang fittex l-għajnuna ta’ patri Ġiżwita, Jakob Rem. Dan il-patri beda jitlob lill-Madonna. Dik il-ħabta kienet drawwa li l-għarajjes jagħtu kurdun lil xulxin biex dakinhar tat-tieġ jintrabtu bih u hekk b’mod simboliku jfissru r-rabta tagħhom flimkien. Ġara li waqt li dan il-patri kien qed jitlob quddiem xbieha tal-Madonna, huwa lemaħha b’dan il-kurdun f’idejha, tħoll l-għoqiedi li kien hemm fih. Il-Madonna kienet qed tħoll l-għoqod li kellha l-koppja u dawn baqgħu flimkien. Għaddew is-snin u t-tifel ta’ din il-koppja għamel pittura tal-Madonna qed tħoll l-għoqod – Maria Krotenloserin.

Il-Papa Franġisku huwa devot kbir tal-Madonna li tħoll l-għoqod. Meta fl-1980 kien qed jistudja l-Ġermanja, huwa kellu xi ftit problemi. Waħda mara ssuġġerietlu jitlob lill-Madonna taħt dan it-titlu. Minn dakinhar ’il quddiem, Bergoglio baqa’ jgħożż din id-devozzjoni Marjana u meta kien Isqof f’Buenos Aires huwa kkonsolida dan il-kult. Jien konvint li llum Franġisku sar jitlob aktar bil-qalb lill-Madonna, għax minn meta laħaq Papa l-għoqod tkattru sew. Dawk li qegħdin joħolqulu dawn l-għoqod ma humiex in-nies “ta’ barra” imma “ta’ ġewwa”! Il-Papa jgħid li ma hemm ebda għoqda li l-Madonna ma tistax tħollilna. Din hija l-fiduċja li l-Papa għandu fis-sokkors tal-Madonna.

Din id-devozzjoni għandha fundament fit-tagħlim tas-Santi Padri. Fil-fatt, fis-seklu tlieta, San Irinew minn Lyon, li kien l-ewwel Marjologu, jikteb hekk: “Waqt li Eva bid-diżubbidjenza tagħha għamlet għoqda tal-ħażen għall-umanità, Marija ħallet din l-għoqda bl-ubbidjenza tagħha”. Il-Missirijiet tal-Knisja li ħadu sehem fil-Konċilju Vatikan II tennew dan id-diskors ta’ San Irinew fil-Kostituzzjoni Lumen gentium: “Marija ma kinitx biss strument passiv f’idejn Alla, iżda kkoperat għas-salvazzjoni tal-bniedem bil-fidi u l-ubbidjenza li hija tat bil-libertà kollha tagħha. Fil-fatt, bħalma jgħid San Irinew, ‘meta obdiet, hija saret il-kawża tas-salvazzjoni għaliha stess u għall-ġens kollu tal-bnedmin’. Għalhekk mhux ftit mis-Santi Padri tal-qedem, fil-predikazzjoni tagħhom, sostnew bil-qalb: ‘L-għoqda tad-diżubbidjenza ta’ Eva nħallet bl-ubbidjenza ta’ Marija; dak li Eva rabtet bin-nuqqas ta’ twemmin, il-Verġni Marija ħallet bil-fidi’” (57).

Il-Papa Franġisku jikkummenta hekk: “Xejn ma huwa impossibbli għall-ħniena ta’ Alla. Anki l-għoqod l-aktar imħabbla jistgħu jinħallu bil-grazzja tiegħu. Marija bl-iva tagħha fetħet il-bieb għal Alla biex iħoll l-għoqda antika tad-diżubbidjenza. Marija hija l-Omm li b’ħafna sabar u ħlewwa twassalna għand Alla biex hu jħoll l-għoqiedi ta’ ruħna bil-miżerikordja tiegħu. L-għoqod kollha ta’ qalbna u dawk tal-kuxjenza tagħna jistgħu jinħallu” (Diskors, 12 ta’ Ottubru 2013).

Dan it-tagħlim huwa msaħħaħ bir-riflessjoni teoloġika. Kif jikteb San Ġakbu, “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-Sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn ta’ kull dawl” (1:17). Dan jaslilna permezz tal-umanità ta’ Kristu li huwa d-dehra viżibbli ta’ Alla li ma jidhirx. Kienet Marija li tat din l-umanità lill-Verb meta sar bniedem. Għalhekk kull don li jaslilna mingħand il-Missier, jaslilna mingħand Kristu permezz ta’ Marija. Għalhekk bir-raġun nerfgħu ħarsitna lejn l-Omm tagħna tas-Sokkors u b’fiduċja kbira nitolbuha tinterċedi għalina quddiem Kristu biex jinħallu l-għoqod. Kristu huwa l-awtur ta’ kull grazzja u din il-grazzja tingħatalna minn idejn Marija.

090717

F’ħajjitha stess Marija rat ħafna għoqod jinħallu. Biex setgħet tkun Omm Alla, hi kienet l-unika waħda fost il-bnedmin li tnisslet mingħajr ebda tebgħa ta’ dnub; hekk inħallet l-għoqda tad-dnub tan-nisel komuni għalina l-bnedmin kollha. Fit-tnissil ta’ Ġesù, biex Marija setgħet tegħleb l-għoqda li tkun omm u verġni, hija nisslet bil-qawwa tal-Għoli li xeħet id-dell tiegħu fuqha (ara Lq 1:35). Fiż-żjara tagħha għand Eliżabetta, Marija għanniet bil-ferħ meta osservat li bil-qawwa ta’ Alla nħallet għal kuġintha u Żakkarija l-għoqda tal-infertilità. F’Kana, Marija tintervieni biex Ġesù jħoll l-għoqda li kellhom l-għarajjes meta spiċċalhom l-inbid tal-festa. Fuq il-Kalvarju, hija tara tingħeleb l-għoqda li bħala omm kienet torbotha ma’ Kristu u ssir ukoll omm il-bnedmin kollha. Bit-tlugħ tagħha fis-Sema, Marija tkisser l-għoqda tal-mewt u tat-tħassir fil-qabar.

L-Omm tas-Sokkors hija dik li tgħinna nħollu l-għoqod preżenti fl-istorja personali u kollettiva tagħna. Ma hemm ebda għoqda li ma tistax tinħall bl-interċessjoni ta’ Marija. Nixtieq nitlob lill-Madonna tħollilna dawn it-tliet għoqod:

Inħoss li l-bniedem tal-lum għandu għoqda biex jirrelata ma’ Alla. Konvint li fil-bniedem hemm interess f’Alla, imma nibża’ li huwa faċli jiżvija. Dan jgħodd ukoll għalina n-nies tal-Knisja. Għax nistgħu nkunu nies tal-Knisja, imma ma nkunux Kristjani! Mhux kull min imur il-knisja u jieħu sehem fil-festi, awtomatikament għandu relazzjoni ma’ Ġesù. Il-bniedem tal-lum għandu din l-isfida kbira dwar kif ser jirnexxilu jigganċja ma’ Alla – kif f’ħajtu ser joħloq wisa’ għal Kristu.

Bħala Knisja għandna ħafna għoqiedi. Waħda partikulari hija kif ser nagħmlu biex ikollna Knisja aktar evanġelika u ħielsa – Knisja li tgħix il-Vanġelu u tgħix għall-Vanġelu. Ma nħossnix daqshekk konvint li l-Knisja f’pajjiżna hija daqshekk entużjasta biex ixxandar lil Kristu. Ma nistgħux nibqgħu Knisja tar-ritwali vojta u bla sens – ritwali li llum saru għoqda fihom infushom u ma nafx kif ser inħollu din l-għoqda! Qed ngħixu fi żmien ta’ sfidi kbar għalina l-Insara, u għalhekk huwa żmien sabiħ. Hemm bżonn li lkoll flimkien, presbiteri u lajċi, nimpenjaw ruħna biex din il-Knisja ta’ Kristu (li għandha kontribut indispensabbli x’toffri lid-dinja lajka), nagħmluha Knisja ferħana għax għandha lil Kristu, oasi ta’ spiritwalità, sptar li jispeċjalizza f’mard inkurabbli, ħmira li ttella’ l-għaġna soċjali, riżorsa ta’ tama.

B’ħarsti fuq is-soċjetà ta’ madwarna, li wkoll għandha diversi għoqiedi, nitlob lil Alla, bl-interċessjoni tal-Madonna tas-Sokkors, jgħinna biex ma ninbarmux quddiem ċerti għoqod kbar. Filwaqt li ġustament għandna nfittxu nħollu ċerti għoqod, f’ġieħ kemm hemm, noqogħdu ferm attenti biex ma noħolqux għoqod oħrajn. Għoqda ma nsolvuhiex billi nagħmlu għoqda oħra.

B’din ir-riflessjoni, nixtieq niftaħ tieqa ċkejkna oħra biex infakkarkom tikbru fl-imħabba tagħkom lejn il-Madonna u biex quddiem l-għoqod tal-ħajja qatt ma titilfu t-tama tagħkom.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: