Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Nitkellmu dwar is-sbuħija tal-familja

Nitkellmu dwar is-sbuħija tal-familja


Quddiem ir-rejaltà tal-bdil fil-liġi dwar x’jagħmel familja, fejn issa persuni tal-istess sess mhux biss l-għaqda ta’ bejniethom hija magħrufa bħala żwieġ daqkemm hu żwieġ dak bejn kopja eterosesswali iżda wkoll jistgħu jadottaw l-ulied, il-Knisja tħossha fl-obbligu li tħabbar mill-ġdid u b’qawwa l-aħbar it-tajba u salvifika tal-pjan tal-Mulej ta’ x’jagħmel familja skont qalbu.

Kif qal tajjeb l-Arċisqof Scicluna fl-omelija li għamel nhar il-Ħadd 25 ta’ Ġunju waqt il-Quddiesa tal-Festa ta’ San Nikola, fis-Siġġiewi: “Aħna m’għandna xejn kontra l-gays. La raġel li jmur ma’ raġel u lanqas mara li tmur ma’ mara. Huma bnedmin li għandhom dritt għar-rispett u l-imħabba tagħna. Ħa nkun ċar għax ma tistax tkun ma’ Ġesù u tobgħod lil xi ħadd għax hu magħmul kif inhu magħmul jew tinsulentah, jew ma turihx rispett”. Kien kumment ġust, rispettuż u mimli mħabba Nisranija.

Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof fisser li “m’għandniex għalfejn inbiddlu l-mod kif Alla ħalaq iż-żwieġ biex aħna issa ngħidu: żewġt irġiel jistgħu jiżżewġu jew żewġ nisa jistgħu jiżżewġu”. Huwa saħħaħ dan il-punt importanti meta qal: “U ż-żwieġ, tgħid x’tgħid il-liġi, jibqa’ l-għaqda dejjiema, esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied”.

Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof kompla jitfa’ aktar dawl fuq il-liġi mitħaddta fil-parlament li tħabbat diffrejha sewwa mal-Kelma ta’ Alla. “Tgħid x’tgħid il-liġi, raġel ma’ raġel ma jnissilx l-ulied. Tgħid x’tgħid il-liġi mara ma’ mara ma tnissilx l-ulied. Irid jindaħal xi ħaddieħor jew tindaħal it-teknika. U dik it-traġedja. Dik it-traġedja, li aħna l-ulied irridu nagħmluhom u mhux nilqgħuhom bħala rigal frott l-imħabba ta’ bejn ir-raġel u l-mara miżżewġin. Għalina l-ulied saru prodott, frott it-teknoloġija. U meta l-bniedem iċedi għat-tentazzjoni li t-teknoloġija tieħu over mhux bilfors qiegħed isaħħaħ id-dinjità tiegħu”.

Jinħass diskors sabiħ u pożittiv dwar il-familja. Biżżejjed wieħed jittawwal lejn it-tagħlim tal-Papa Franġisku. Fil-katekeżi sabiħa li l-Papa ta nhar l-Erbgħa 2 ta’ April 2014, fi Pjazza San Pietru, bit-tema Is-Sagrament taż-Żwieġ iwassalna fil-qalba tal-pjan ta’ Alla, huwa jgħallem hekk: “Hi l-koppja miżżewġa x-xbieha ta’ Alla: ir-raġel u l-mara; mhux ir-raġel waħdu, mhux il-mara waħidha, imma t-tnejn li huma flimkien. Din hi x-xbieha ta’ Alla: l-imħabba, il-patt ta’ Alla magħna jidher f’dak il-patt li jsir bejn raġel u mara. U din hi ħaġa wisq sabiħa! Aħna maħluqin biex inħobbu, bħal mera ta’ Alla u ta’ mħabbtu. U fir-rabta konjugali, ir-raġel u l-mara jwettqu din is-sejħa fis-sinjal tar-reċiproċità u tal-komunjoni ta’ ħajja sħiħa u għal dejjem”.

Fid-diskors li għamel lill-Uffiċju Internazzjonali Kattoliku tal-Infanzja nhar il-11 ta’ April 2014, Papa Franġisku qal hekk: “Mil-lat pożittiv irridu nisħqu dwar id-dritt li t-tfal jitrabbew fil-familja flimkien ma’ missier u omm li jkollhom ħila joħolqu ambjent ideali għall-iżvilupp u l-maturazzjoni affettiva. U li jkomplu jimmaturaw fir-relazzjonijiet ma’ dak li huma maskulinità u l-femminilità ta’ missier u ta’ omm biex b’hekk iħejju ruħhom għall-maturità affettiva.” Imbagħad, fl-Udjenza li għamel Papa Franġisku nhar l-Erbgħa 11 ta’ Frar 2015 dwar l-ulied huwa qal: “L-ulied huma l-ferħ tal-familja u tas-soċjetà. M’humiex problema ta’ bijoloġija riproduttiva, lanqas wieħed mill-ħafna modi kif jirrealizzaw ruħhom. U wisq inqas huma xi propjetà tal-ġenituri… Le. L-ulied huma don, huma rigal: ftehimna? L-ulied huma don. Kull persuna hi unika u irrepetibbli; u fl-istess waqt hi bla dubju ta’ xejn marbuta ma’ l-għeruq tagħha.”

Ejjew inħallu dawn il-kelmiet mhux biss jiffurmaw il-kuxjenza tagħna imma wkoll jiffurmaw il-kuxjenza tal-oħrajn. Wara kollox aħna, bħala Knisja, Ġesù sejħilna biex inkunu dawl tad-dinja u melħ tal-art.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: