Home > Ġenerali > Il-ġusti li jirrifjutaw li jbigħu l-vot tagħhom lil xi partit politiku

Il-ġusti li jirrifjutaw li jbigħu l-vot tagħhom lil xi partit politiku


Il-Ħadd, 2 Lulju 2017: Ebda Parlament m’għandu d-dritt jagħti definizzjoni ġdida (u assurda) taż-żwieġ li mhijiex dik mogħtija minn Alla (u min-natura) li hi r-rabta bejn raġel u mara.

Omelija tal-Isqof George Frendo fil-Kattidral ta’ Tirana, il-Ħadd 2 ta’ Lulju, li fiha rrefera għal membru Parlamentari fl-Albanija, li ddefenda ż-żwieġ skont il-ħsieb ta’ Alla (u n-natura). Il-Parlament ta’ dan l-istat li mhux konfessjonali ma approvax dak li ġie approvat mill-Parlament ta’ Malta.

It-Tqegħid tal-Pallju
isqof-george-frendoWaħda mill-karatteristiċi li tolqtok fil-poplu tal-Albanija hi l-ospitalità. Il-Kanun ta’ Dukagjin jiddiskrivi b’mod dettaljat l-ispirtu li bih persuna mill-Albanija tilqa’f’darha lil xi ħadd. Fost affarijiet oħra jgħid: “Id-dar tal-Albaniż hija t’Alla u ta’ dawk li hu jilqa’ f’daru” u “lil min tilqa’ f’darek tonorah billi toffrilu l-ħobż, il-melħ u l-qalb”. F’dan l-ispirtu ta’ ospitalità – li nawgura li qatt ma jonqos fil-poplu tagħna – hemm messaġġ importanti ħafna għad-dinja tallum. Illum, ħafna popli titlfu dan is-sens ta’ ospitalità, li tant kien imħares fil-passat. Hemm ħafna nies li ħadd ma jagħti kashom; qed ngħixu f’dik li Papa Franġisku sejħilha “l-globalizzazzjoni tal-indifferenza”.

Fl-Ewwel Qari tallum smajna dwar l-imġiba ta’ koppja li kienet tilqa’ f’darha profeta li kien jismu Eliżaw. Għal xi żmien, dawn kienu joffrulu l-ikel kull darba li kien jgħaddi minn fejn kienu joqogħdu huma. Aktar ‘l quddiem skoprew li Eliżaw kien “raġel qaddis ta’Alla” u ddeċidew li jibnulu għorfa fuq is-setaħ tad-dar tagħhom. Din il-koppja tassew laqgħuh lil Eliżew u ġabu ruħhom miegħu b’ġenerożità kbira, u Alla ppremjahom għal dan.

Il-missjoni kollha tal-profeta Eliżew turina kemm anki hu kellu għal qalbu l-abbandunat u l-imwarrab; l-armla, il-lebbruż, dawk foqra u bil-ġuħ. Il-profeta ma qagħadx itella’ u jniżżel jekk għandux isir ħaġa waħda ma’dawk li d-dinja kienet twarrab u tiġġudika. Fl-Evanġelju nsibu li anki Ġesù tkellem dwar l-ospitalità. Il-kliem li għadna kemm smajna fl-Evanġelju jgħid: “Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”. Hawnhekk qed nitkellmu fuq forma aktar nobbli ta’ ospitalità, għax wieħed qed jilqa’ lill-ieħor f’isem Kristu. Fil-fatt Ġesù jgħid: “Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni”.

Din is-silta tal-Evanġelju tippreżentalna tliet kategoriji ta’ nies li fihom naraw xebħ ma’ Ġesù stess: profeta, bniedem ġust u fqir. U dan jgħinna nifhmu xi Knisja rridu nibnu. L-okkażjoni tallum – it-tqegħid tal-pallju fuq spallejja – tfakkarna li aħna Knisja, il-Knisja ta’ Kristu, Knisja li tgawdi l-preżenza ta’ Kristu u li fiha nagħmlu esperjenza ta’ dik l-għaqda li tagħmilna familja kbira.

Il-kliem li għadni kemm ikkwotajt mill-Evanġelju jurina liema huma l-karatteristiċi li hemm bżonn jidhru fil-Knisja ta’ Kristu fl-Albanija u li rridu naħdmu għalihom. Ġesù jfaħħar lil dawk li jilqgħu l-profeta, il-ġust u l-fqir. Dan għandu jkun l-impenn tal-Knisja fl-Albanija; għal dan irridu naħdmu.

Ser nitkellem l-ewwel dwar il-foqra. Aħna l-Knisja ta’ Kristu li ħa l-ġisem u ġie jgħammar fostna. L-inkarnazzjoni ta’ Kristu turina li l-ġid hu moħbi fil-faqar; għax kif jgħid San Pawl: “għad li kien għani, hu ftaqar sabiex permezz tal-faqar tiegħu jistgħanew il-bnedmin l-oħra”. Għalhekk Ġesù ħa daqshekk ħsieb tal-fqir, u aktar minn hekk: hu identifika ruħu mal-foqra meta qal: “Dak li tagħmlu mal-iżgħar fost ħuti, tagħmluh miegħi”.

Fl-Evanġelju tallum qrajna: “Kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”. Bħala Knisja ta’ Kristu, hemm bżonn li aħna nagħtu leħen lil min m’għandux, lil min hu miċħud mid-dritt li ssirlu operazzjoni għax m’għandux biex iħallas tabib li jkun korrott; lil min ma jsibx xogħol għax ma jaf ebda deputat li jista’ jdaħħlu fid-dinja tax-xogħol; lil min hu miċħud mid-deċiżjoni ġusta tal-qorti għax hemm tixħim ta’ minn min hu sinjur.

It-tieni huma l-ġusti. Ġesù qal: “Henjin dawk li huma bil-għatx għall-ġustizzja”. Illum ma nistgħux nibqgħu indifferenti dwar “il-ġuħ” li hawn għall-ġustizzja soċjali. Min huma l-ġusti? Huma dawk li jirrifjutaw li jbigħu l-vot tagħhom lil xi partit politiku għax jafu li l-ġid komuni jrid jiġi qabel il-qligħ personali; huwa dak il-pulizija li ma jinxtarax b’kafe’! Huwa dak id-deputat fil-parlament li ma jibżax joħodha kontra abbozz ta’ liġi li jmur kontra l-prinċipji morali u li għandu l-kuraġġ jiddefendi ż-żwieġ bħala rabta bejn raġel u mara; huwa dak li m’għandux kilba għall-ġid materjali, għall-poter u għax-xalar.

Bħala Knisja, irridu naħdmu għall-promozzjoni tal-ħajja umana u għall-libertà tal-bniedem: għad-dinjità tal-mara, għar-rispett lejn il-foqra, l-imwarrbin, eċċ. Irid ikun hemm impenn biex tinbena soċjetà li tixraq lill-bniedem. Irridu ninpenjaw ruħna mhux bħala “trejdjunjonisti” jew sempliċiment bħala operaturi soċjali, imma bħala xhieda tal-Evanġelju, ispirati mill-Kelma t’Alla. Ħażin għalina jekk ma nagħtux sehemna u ngħidu: “Din mhux biċċa tiegħi…”. Il-missjoni tagħna tobbligana nkunu qrib sew mhux wisq ta’ min jiggverna daqskemm ta’ min hu vittma tal-inġustizzja.

Imbagħad hemm it-tielet ħaġa: il-profeti. Fl-ewwel qari smajna dwar koppja li aċċettat il-profeta Eliżew. Ġesù jfaħħar lil dawk li jaċċettaw il-profeta għax hu profeta. Min huma l-profeti? Il-profeti huma aħna isqfijiet, saċerdoti, aħna lkoll li nemmnu. U x’jagħmel il-profeta? Il-profeta mhuwiex dak li jbassar il-ġejjieni, imma dak li jippriedka l-preżent. Il-profeta hu dak li jxandar il-valuri tal-verità li huma kontra l-valuri foloz li tħabbar id-dinja tallum. Spiss, il-profeta jkollu jmur kontra l-kurrent. San Pawl kien qal: “Toqogħdux għall-mentalità ta’ dan is-seklu”. Ejjew ikollna l-kuraġġ li kellu Ġeremija u nħallu lil Alla “jipperswadina”. Ejjew b’kuraġġ ngħidu “iva” jew “le” skont ma jkun hemm bżonn. Jeħtieġ ikollna l-kuraġġ li naslu għad-deċiżjonijiet neċessarji anki meta nafu li ser inkunu kkritikati.

Jeħtieġ ikollna l-kuraġġ li nħallu l-Kelma t’Alla tibdilna sabiex inkunu xandara tal-verità li teħlisna. Jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ ta’ Isaija li kien iwissi lill-poplu tiegħu biex jieħu ħsieb l-iltiema, ir-romol u l-batuti, filwaqt li kien iċanfar lil dawk li kienu jieklu, jixorbu u jixxalaw, daqs li kieku madwarhom ma kien hemm bżonn xejn. Bil-kuraġġ ta’ Amos u Hosea, illum jeħtieġ nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq dawk li qed jinqatlu fil-gwerra tas-Sirja u tal-Iraq. F’dawn il-pajjiżi u f’bosta pajjiżi oħra fl-Afrika hemm ħafna tfal li qed imutu bil-ġuħ.

Fl-ewwel parti tal-Evanġelju tallum, Ġesù jgħid: “Min iħobb lil missieru u lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi”. Min jaqra dan il-kliem b’mod superfiċjali, jista’ jaħseb li Ġesù qed jgħidilna biex ninjoraw lill-ġenituri u lin-nies tal-familja tagħna. Iżda mhux hekk. Ġesù stess ċanfar lill-Fariżej li kienu jgħidu li m’għandhom ebda dmir lejn il-ġenituri tagħhom, iżda li dmirhom kien biss lejn Alla.

Ġesù qed jgħidilna li s-sejħa tiegħu trid tiġi qabel kull sejħa oħra, anki qabel dik tal-ġenituri. Kemm ġenituri fixklu l-pjan t’Alla meta ma ħallewx lil uliedhom jimxu fit-triq tas-saċerdozju! Kemm ġenituri fixklu l-pjan t’Alla għal uliedhom meta ma ħallewhomx isiru reliġjużi!

Għeżież ħuti, id-dinja tallum jeħtieġilha tisma’ l-Evanġelju ta’ Kristu. Id-dinja tallum għandha bżonna. Id-dinja għandha bżonn urġenti ta’ kull wieħed u waħda minna, u mhux sempliċiment bħala nsara. Hemm bżonn li nkunu mhux biss “insara” imma “Kristu ieħor”. Il-preżenza tagħna ġġib suġizzjoni lil min jiżra’ l-inġustizzja, il-korruzzjoni u l-mibegħda għax jaraw fina figura tal-appostli tal-imħabba li jiftħu t-triq għal rivoluzzjoni. Rivoluzzjoni waħdanija li nistgħu nagħmluha, anzi li aħna obbligati nagħmluha: ir-rivoluzzjoni tal-imħabba.

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: