Appell dwar l-Immigranti mill-Isqof Mario Grech


Il-Ħadd 16 ta’ Lulju 2017. Appell mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fi tmiem il-Pontifikal tal-Festa ta’ San Ġorġ Martri, Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

Il-Festa ta’ San Ġorġ, li ħa l-martirju fin-Nikomedija, illum magħrufa bħala İzmit, belt fit-Turkija, tfakkarna fid-dramma ta’ dawk l-immigranti li qed ifittxu bieb li jiftħilhom futur. Fi kliem il-Papa Franġisku, din hija l-akbar traġedja wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Waqt li hija ħaġa sewwa li aħna nagħmlu festa, ejjew fl-istess ħin ma ninsewx il-karba ta’ tant u tant immigranti. Hemm eluf ta’ persuni vulnerabbli li għandhom xewqa kbira li jsibu opportunità ġdida biex jibdew jiktbu paġna ġdida fil-ktieb tal-ħajja personali u familjari tagħhom, imma minflok ma jsibu min jgħinhom, hemm min qed jabbuża qatigħ minnhom. Sfortunatament hemm individwi, organizzazzjonijiet u saħansitra Stati li qegħdin japprofittaw mid-dgħufija tagħhom. Milli jidher l-Ewropa hija ttentata li tagħlqilhom il-bibien.

DSC_0560

Ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem din il-problema serja. Mhux korrett li wieħed jorbot il-fenomenu tal-immigrazzjoni mal-kriminalità, it-terroriżmu jew l-espansjoni tal-Islam. Għalkemm attwalment l-immigranti ma humiex jaslu fuq xtutna, dan ma jfissirx li aħna nistgħu noqogħdu gallarija! Hija responsabbiltà morali tagħna li ngħinu b’kull mezz biex aħna u l-Ewropa jkollna politika soċjali li tindirizza dan il-fenomenu.

Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tal-Martri San Ġorġ biex, fir-rispett tad-drittijiet ta’ kulħadd, l-Ewropa turi solidarjetà mal-immigranti u r-rifuġjati.

Ritratt ta’ Toni Farrugia