Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Sal-Onkoloġija

Sal-Onkoloġija


Bħalma ħafna jafu, u għall-grazzja tal-Mulej l-għaliex inħossha ukoll bi privileġġ kbir għalija, jiena naħdem fl-Isptar Mater Dei bħala wieħed mill-Kappillani ta’ dan l-Isptar kbir. Sptar li ħafna iddeskrivewh bħala “ċentru ta’ eċċellenza”. Jew aħjar state-of-the-art. Is-servizzi f’Mater Dei huma tal-għola kwalità. Gvern jtejjeb fuq l-ieħor ġabu lil dan l-isptar f’livell daqshekk għoli u li jagħmlilna tabilħaqq unur bħala poplu Malti.

Madankollu, ix-xogħol tiegħi mal-morda huwa tabilħaqq estensiv. U mferrex bil-bosta. Il-bżonnijiet pastorali fl-isptar huma tassew kbar. Nasal ngħid ma jispiċċaw qatt. Il-mard ħuti ma jaħfirha lil ħadd. Ma joqgħodx le jagħmel għażla bejn għonja u dak li jgħaddu bl-eżatt bil-paga sal-aħħar tax-xahar. Lanqas ma jiddistingwi bejn nisa u rġiel, tfaljiet u ġuvinturi, anzjani u tfal. Il-mard huwa aggressiv u bla qalb. Jolqot fejn għandu jolqot. Bla ħniena ta’ xejn. Mhux biss imma meta jolqot ikisser lill-pazzjent u jheżżeż bil-bosta, u xi minn daqqiet bl-aktar mod goff, lill-familja tal-persuna konċernata. Nistgħu bla dubju ngħidu li dan il-mard terminali ma sar jħares lejn wiċċ ħadd. Li għandu jagħmel jagħmlu u, f’ċertu każi, jagħmlu u ma jdumx.

Meta xi ħadd jgħidli li għandu xi ħadd mill-familjari fl-Onkoloġija, jiġifieri fl-Isptar Sir Anthony Mamo, u jkun jixtieqni nżuru u nżurha, mal-ewwel ċans li nsib immur. Nieħu t-triq tal-kuritur li twassalni sal-outpatient Department f’Mater Dei. Imbagħad ikun jifdalli t-tieni biċċa tal-kuritur irqiq irqiq u twil twil. Minħabba t-tul ta’ dan il-kuritur mhux l-ewwel darba li noħroġ il-Kuruna tar-Rużarju mill-but u noqgħod inżebbeġ din it-talba Marjana daqshekk qawwija u sabiħa li biha, il-Mulej, għadu jagħmel mirakli kbar. Almenu miegħi, il-Patri, l-ewwel wieħed.

Jiena u miexi f’dan il-kuritur nintilef f’baħar ta’ ħsibijiet u riflessjonijiet. Kemm fih madum dan il-kuritur. U kemm persuni, għall-eluf u eluf ta’ raġunijiet, jgħaddu minnu. Ikun hemm min jagħmel dan l-għaliex xogħlu huwa fl-Onkoloġija inkella f’Mater Dei. Ġieli jkunu xi pazzjenti stess li jgħaddu jew jgħadduhom minnu. Speċjalment meta l-pazzjent konċernat ma jkunx jista’ jimxi l-għaliex ikun fis-sodda. Imbagħad ikun hemm il-familjari u l-ħbieb tal-pazzjenti li jidħlu, forsi bi żball, minn Mater Dei u jispiċċaw jgħaddu minn dan il-kuritur sabiex iżuru lil xi ħadd mill-għeżież tagħhom fl-Isptar tal-Onkoloġija.

Dan il-kuritur partikulari jħeġġiġni biex lill-morda li l-Mulej jibgħatni nżur nakkumpanjahom bit-talb. Kemm hu meħtieġ it-talb mal-morda u għall-morda! L-aktar f’dawn iż-żminijiet li qiegħdin ngħixu fihom. Fejn, minkejja l-isforzi kbar li qiegħdin isiru biex ċerti tipi ta’ mard jiġu megħluba jew, almenu, imrażżna, ħafna oħrajn qiegħdin ifaqqsu. Jgħollu rashom u jisħqu l-ħajjiet tal-persuni li jsibu ma’ wiċċhom. Allura l-mediċina issa daħlet fi gwerra qaddisa kontra l-misħut mard. Il-mard li jħassar il-ħajja tal-bniedem l-għaliex jiżolah, itelliflu l-andament ta’ ħajtu, jħarbatlu dak kollu li għalih kien ta’ sostenn f’ħajtu.

Il-kuritur jurini li, fil-prayer walking tiegħi, biex nuża frażi li jħobbu jużawha ħutna l-Insara Evanġeliċi, nħalli lill-Mulej iħejjijli qalbi għal dak li nkun se niltaqa’ miegħu. Meta wieħed iżur il-morda irid jagħmel dan bi spirtu ta’ umiltà kbira. Ma rridx immur inżurhom u nilgħabha tal-counsellor inkella tat-terapista. Jekk nagħmel hekk ħsara u ħsara kbira nkun qed nagħmlilhom. Il-morda li għandhom bżonn huwa ta’ xi ħadd li jismagħhom minn qalbu u bi ħniena. M’għandhomx bżonn le ta’ xi ħadd li sempliċiment juża t-teknika psikoloġika. Imbagħad, f’qalbu, hemm kesħa li xxoqlok l-għadam. Daqskemm hemm u jarmi kesħa! Il-morda għandhom bżonn qalb ħanina li taħfer u tagħder. Għandhom bżonn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li qiegħdha fik u fija meta aħna nagħrfu l-valur kbir tal-Kelma ta’ Ġesù: “Kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25:36).

U x’jiġri meta naqsam il-magħruf pont? Dak il-pont li huwa magħruf u jintuża ħafna aktar minn dak tal-ħolm bejn Malta u Għawdex? Tibda’ l-avventura tal-Ħniena! Fl-Onkoloġija l-kelma kura, li hija l-kelma qawwija li tagħmel sptar tassew sptar li jeċċella fil-kura ħolistika, trid tkun ma’ kulħadd. Ibda’ mal-istaff li jaħdmu f’dan l-isptar.

Huwa l-ferħ kbir tiegħi li nieqaf u nsellem lill-membri tal-istaff. Li nieqaf u nitħaddet magħhom. Li magħhom nitlob dik it-talba. U, l-għaliex issa ġejna għaliha, li nagħtihom dik il-palċmina bil-Kelma ta’ Alla fiha. Kollox sew! Hemm min jgħidilha ħelwa. U hemm min isejħilha baci. Jiġifieri bewsa. Jisimha x’jisimha dik il-karta għalihom hija ta’ tħeġġiġa. Ta’ kuraġġ. Ta’ tama! L-istaff għandu bżonn jiġi iġġenerat u mħeġġeġ ħalli jibqa’ għaddej bil-ħidma kbira tiegħu ma’ dawn ħutna. Għal min iżur dan l-isptar jaf kemm l-ambjent hu wieħed tqil. Kemm jitlob impenn. Kemm dak li jkun jħossu qed jiġi mittiekel. L-ewwel spiritwalment u mbagħad emozzjonalment. Allura mportanti li l-istaff nieħdu ħsiebu sewwa.

Imbagħad hemm il-pazzjenti. Li tant ikunu qiegħdin jistennew il-viżta tal-Patri. Hawnhekk nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil Patri Carm Dimech OFM Cap u lil Patri Vincent Buhagiar OFM Cap u lill-Patrijiet l-oħra ħuti li jgħinuhom. Ħbieb, qed tagħmlu xogħol tajjeb u utli ħafna. Komplu sejrin hekk! Il-Mulej jgħinkom fil-ħidma tad-deheb li qiegħdin twettqu. Meta nżur l-onkoloġija l-Mulej jgħallimni li l-imħabba hija bħall-ilma frisk u ħaj. Li dejjem ġej. Inkella, jekk tieqaf milli tibqa’ għaddejja, jiġri li l-art tinxef qoxqox u kollox imut. Huwa għalhekk li l-pazzjenti tagħna għandhom bżonn min iżurhom. Min jittawlilhom. L-esperjenza tiegħi fil-qasam mal-morda qed tgħallimni kontinwament li, ħafna drabi, dawn ħutna ma jkollhomx bżonn li wieħed iżurhom għal ħafna tul esaġerat. Ġieli persuna, wara ċertu ħin, ma tkunx tiflaħ tkompli ma’ min ikun qed iżurha. Għalhekk nagħmlu tajjeb li nirrispettaw il-privatezza tal-persuna marida u wara ċertu ħin inkunu aħna li noħorġu mill-kamra.

Kemm ikun ta’ komfort għal dik il-persuna meta tkun taf li xi ħadd ħaseb fiha! Li xi ħadd ma iżurha. Li xi ħadd mar ħdejha u semagħha. Tibżax! Tinduna li l-viżta li tkun għamilt tkun apprezzata. It-tgħanniqa jew l-għafsa tal-id minn naħa tal-pazzjent/a, inkella sempliċiment il-kelma “grazzi” jew it-tbissima li jagħtik/tagħtik malajr tkun konferma soda ta’ kemm ikunu tabilħaqq apprezzaw li tkun żorthom.

Meta immur l-Onkoloġija mhux darba jew tnejn l-istess pazzjenti jgħiduli: “Erġa’ ejja arani Patri!” Veru li l-mediċina li jirċievu hi ta’ livell għoli. Veru li għandna speċjalisti ta’ fama kbira f’pajjiżna u lil hinn minnu. Veru li l-isptar huwa nadif u miżmum xummiema. Iżda m’hemm xejn li jista’ jimla’ l-qalb bil-kuraġġ u bit-tama daqskemm meta persuna iżżur lil oħra. U hawnhekk ħalluni nagħmel stedina ċkejkna lilkom, għeżież ħuti saċerdoti. Bierkuhom lill-morda. Poġġu jdejkom u itolbu fuqhom. Ikunu qiegħdin jistennewh b’ħerqa tassew kbira dan il-mument. Qed nibda’ minnkom l-għaliex intom, bħali, ġejna, mingħajr ma jistħoqqilna, mogħtija s-setgħa li nagħmlu dan. “Iqiegħdu dejhom fuq il-morda u dawn ifiqu” (Mark 16:18).

Anki intom, għeżież lajċi, intom ukoll itolbu mal-morda li żżuru. Saħħnulhom il-kmamar tagħhom bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-fejqan. Oħorġulhom ix-xemx tas-sliem billi titolbu lill-Ispirtu s-Santu jimliehom bil-paċi qaddisa tiegħu. L-għaliex jekk inressqu l-morda tagħna lejn il-Mulej allura se nagħtuhom l-aħjar li qatt jistgħu jirċievu.

U, fl-aħħar nett, meta s-siegħa tkun riesqa, ejjew nitolbu magħhom il-Kurunella tal-Ħniena Divina u nġibulhom il-Patri tal-Isptar tal-Onkoloġija. Ħa jidlikom biż-Żejt Imqaddes u jagħtihom il-maħfra minn kull ħtija. X’hemm isbaħ u aqwa minn fejqan sħiħ bħal dan?

Min jaf jekk ġurnata minn Mater Dei ngħaddix għall-Isptar tal-Onkoloġija biex naħdem hemm? Ikun xi jkun il-każ l-Onkoloġija jibqa’ parti mportanti minn ħidmieti ma’ ħuti l-morda.

  1. Colombia Cefai
    July 16, 2017 at 5:03 pm

    Naf ezattament x int tghid Fr. Is sena l ohra ghamilna sajf gejjin u sejrin mill Onkologija bit tifel ta 23 sena. Ghall grazzja t Alla Illum jinsab tajjeb u pubblikament nixtiequ nirringrazzjaw l Alla ta dak kollu li ghamel maghna u tal angli li bghatlina biex nirbhu l battalja.
    Fr keep up the very good work you re doing with the patients and their families not to forget the kindest staff working there.

  2. alfred mallia
    July 16, 2017 at 11:46 am

    proset Fr. tal-kliem sabih tieghek.Nemmen li l-pazjent dejjem japprezza kull vista li ssirlu kemm mill familjari u hafna izjed minn hbieb tieghu ta’ veru.Jien ghamilt 40 sena nahdem nurse li sptar imma Mt.Carmel.Nitlob ‘l Mulej biex jghinek fix-xoghol tieghek. GRAZZI

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: