Il-veru jien!


Għax jien aqta’ kemm jitlagħli! Nervuż! Nervuża! Jien kuntent b’biċċa ħobż għall-kwiet. U għalija dan biżżejjed! Basta mingħajr ħafna storbju. Hekk l-aħjar, għall-kwiet.

L-estremi! Hawn min jisplodi u jsir kaxxa infernali. U mbagħad hawn min jidfen u jżomm kollox ġo fih! Kemm-il darba ninqabdu nemmnu vuċi fina li ma tkunx aħna! Dik il-vuċi li nħobb insejħilha super mega ego! Bħal dik ta’ Mrs Bucket (Bouquet). Iva! Hyacinth li twieldet fi klassi tal-ħaddiema. Kienet miżżewġa lill-imsejken Richard, li kien jaħdem maċ-ċivil. Mrs Bucket ta’ mneħirha mxammar u li kienet tagħmel minn kollox biex timpressjona lill-ġirien u ħbieb tagħha li hi ta’ klassi għolja. Mentri, fil-verità, kienet tal-klassi tal-ħaddiema. Ħajjitha kienet nisġa waħda ta’ attentati iddisprati biex taħbi l-veru għeruq tagħha.

Hemm araha, tħares ‘l isfel u bi tmaqdir lejn l-oħrajn. L-għaliex għadha temmen tabilħaqq li hija superjuri għalihom. U kemm tistħi mill-qraba tagħha li inzertaw ta’ klassi baxxa bħalha! Imsieken ħuta Daisy, Rose u, speċjalment ħatinha, Onslow! L-ossessjoni tagħha li tidher aħjar minn ħaddieħor bil-għan li tingħoġob soċjalment juri kemm ġewwa fiha Hyacinth kellha insigurtajiet warrab wiċċek.

U fid-dar kemm kienet perfezzjonista! Miskin min kien ifettillu jirfes l-għatba ta’ bieb darha jekk ma jneħħiex iż-żarbun. U ma jitfarfarx sewwa! Kemm kienet tiddandan bl-istatwi, it-tazzi u s-sufani! U kemm kienet tagħmel minn kollox biex ta’ madwarha jaħsbu li kellha l-qaddejja jaħdmu magħha! Titfakru kif kienet twieġeb: The Bouquet Residence, the lady of the house speaking!

Imma din ma kinitx il-veru Hyacinth tafux! L-għaliex il-veru Hyacinth kienet ħanina, dejjem issajjar, tnaddaf u tgħaddi l-ħwejjeġ. Kienet il-veru Hyacinth li żammet ma’ djulha lil Richard. Anki jekk kienu jiġu mumenti fejn il-wires ta’ Richard miskin kienu jixxortjaw! U mhux darba jew tnejn kien itirlu l-fus! Il-veru Hyacinth kienet dik li tassew kienet tieħu ħsieb il-familja tagħha. Kienet dik li kienet titlaq kollox minn idejha basta tmur u tgħin lill-familjari tagħha li, bħalha, kienu ta’ klassi baxxa. Aktar u aktar missierha, li kien anzjan, u li kien isoffri mid-dimentia. Kien għalhekk li l-imsejken raġel kellu bżonn bil-qabda attenzjoni kontinwa. Għalhekk, meta kienet tiġi f’sikkitha, Hyacinth kienet ottimista, ferħana u anki ta’ manjieri tassew sbieħ.

Kemm f’ħajjitna noħolqu tbatija meta, bħal Hyacinth, aħna naħbu l-oriġini tal-familji tagħna. Meta jiena nippoża ta’ xi ħadd li, fil-verità kollha, minix! Kemm noħolqu tbatija bla bżonn fuqna meta ma nassoċċjawx ruħna ma’ dawk jew ma’ oħrajn. Ġieli sibt min, ried jagħtini l-parir li mat-tali jew mat-talija ma nitħadditx. Għax dawk m’humiex tal-klassi tiegħi. Imma skużi, Ġesù, li jien suppost nirrappreżenta, kellu xi favourites? Mhux ma’ kulħadd kien jagħmilha?

Xi kultant hawn min jitfa’ fuq Ġesù affarijiet jew teoriji li m’humiex għajr gideb. Ġesù jħobb kemm lis-sinjuri u anki lill-fqar. Lis-sinjuri jipprovidilhom ħa jinkludu magħhom lill-fqar. U lill-fqar jistedinhom ħalli jiġu megħjuna u jsiru responsabbli mis-sinjuri. Mela f’moħħu żgur li ma kellux xi ġlieda bejn il-klassijiet! Barra minhekk Ġesù jgħallimna nkunu aħna. Imma kif? Żgur li mhux meta nkabbru l-ego tagħna. Bħal għax jien m’hawnx aħjar minni. Jew kieku ma kontx jien kieku int m’int xejn. Dan kollu jfakkarni fi ġrajja ta’ meta konna abbatini. Kien hemm abbati li, tant żmien ilu, ried jiftaħ iċ-ċentru taż-żgħażagħ. Meta ġietu l-ideja qalli: Jiena ftaħtu ċ-ċentru taż-żgħażagħ! Ftaħtux int iċ-ċentru taż-żgħażagħ! Daqshekk fetħu hu! Miskin! Qatel l-ideja f’ġuf ommha! L-ego!

Mela, ma nkunx jien jekk jien allerġiku għal xi nies! Lanqas inkun jien meta hemm persuni f’ħajti li letteralment ma naħmilhomx! Li meta narahom qisni rajt lix-xitan. U aqta’ kemm nibda’ ngħajjarhom u ngħidilhom dak li jiġi f’ilsieni! Ma nkunx jien meta nkun dittatur u dittatriċi. Jiġifieri li kollox isir tabilħaqq kif irrid jien. Inkella ixxuttja lil dawk u ixxuttja lill-ieħor. Lanqas m’huwa jien meta ma nkellimx lil dawk jew lill-oħrajn. Inkella meta niżvoga r-rabja tiegħi f’botti lil dawk jew lill-oħrajn. B’tali mod li nġibhom f’sitwazzjoni li jgħiduli: Iva ibagħtihieli bil-posta!

Hija tabilħaqq ħasra meta l-ego ta’ ġo fija ma jħallinix nitħaddet bil-paċi ma’ dawk li ma jaqblux miegħi. Il-veru ħasra tkun meta insir bniedem għajjur u vendikattiv. Iva jaħasra ma nindunax li meta qiegħed ninżel f’dan iċ-ċirku vizzjuż jiena qiegħed tabilħaqq inħassar lili nnifsi? L-għaliex ħa nibqa’ għaddej bil-gwerra sfrenata ta’ pika kontra ħaddieħor? Tgħid l-għaliex jien qatt ma nista’ inkun ferħan u ferħana? Dejjem b’wiċċi imqarras? Dejjem għandi t-toqol fija?

Darba kien hemm xi ħadd u għamel din l-osservazzjoni tabilħaqq għaqlija: ifli ftit min jimxi dritt xemgħa. Dak il-bniedem xi jkun qed jurik? B’liema spirtu jkun qed jirrelata miegħek? Tgħid qabel dak il-bniedem jasal sa ħdejk ma jkunx wasal ukoll sa ħdejk l-ego tiegħu li, bi ksuħija kbira tal-qalb li ma tħobbx u ma tħennx, jgħidlek: Hello!

Dan l-aħħar huma ħafna li qiegħdin jużaw il-Facebook. U x’qed inpoġġu fil-Facebook? L-isbaħ u l-aqwa ritratti. L-għaliex irridu nagħtu l-impressjoni li aħna l-aqwa u l-aħjar. Iva! Irrid nagħti l-impressjoni li jiena tal-podju, tat-takkuna. Li jiena, biex nieħu frażi minn diska popolari ta’ Tina Turner, simply the best! Imma veru dan? Jew il-Facebook huwa ħarba biex ma niffaċċjax lili nnifsi? Biea nagħti stampa żbaljata u qarrieqa ta’ dak li jien?

Jekk jien irrid li nkun tal-Mulej, jekk jien irrid li jkolli tassew il-paċi tiegħu f’qalbi, ma rridx le nistħi nitkellem ma’ kulħadd. Ma rridx le niddejjaq nintegra ma’ kull tip ta’ nies. Il-Kelma ta’ Alla hija diretta u taqta’ fil-laħam il-ħaj: “Tmurx ixxerred qlajja’ fuq niesek, u tqumx kontra demm għajrek: Jiena l-Mulej. La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu. La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej” (Lev 19:16-18).

Ma jistax ikun le nibqgħu ngħixu bejnietna f’din l-attitudni infernali ta’ jien ma nobogħdux. Imma ma rridx niltaqa’ miegħu, ma rridx niltaqa’ magħha. Meta dan iseħħ Ġesù Kristu fina ħa jibqa’ inixxi d-demm. Hija tassew ħasra u ta’ min jikkundannaha li, b’dan l-atteġġament, il-weġgħa issa għamiltha l-identità tiegħi stess! Il-fatt li dejjem nippreżenta ruħi bħala vittma, li dejjem naqla’, din hija turija oħra grassa tal-ego tiegħi.

Le! Int m’intix il-ħażin u l-ħażina! Illum rrid nagħraf li r-rabja mhux jien! Il-vendetta mhux jien! Le! Ġesù m’għamilnix ħażin u ħażina! Le! Int raġel tajjeb! Int mara tajba! Iva! Ejja ninża’ l-ego minn ġo fija! Ejja nħalli lill-Mulej irawwimni f’dan id-diskors tal-meravilji: “Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3:12-14).

Ħalli ħarsti issir tabilħaqq il-ħarsa tal-imħabba ta’ Alla. U hekk, dik il-persuna, tibda’ tgħid: It-tajjeb huwa l-veru jien!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: