Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-Isqfijiet: Is-suċċessuri tal-Appostli

L-Isqfijiet: Is-suċċessuri tal-Appostli


Il-persuna qaddisa tal-Isqof San Nikola tfakkarna fl-importanza tal-persuna tal-Isqof fi ħdan id-djoċeżi tiegħu. Kien fl-24 ta’ Jannar tal-2004 li San Ġwann Pawlu II approva l-pubblikazzjoni ta’ Direttorju għall-ministeru pastorali tal-isqfijiet imsejjaħ Apostolorum successores. F’dan id-Direttorju, li hu xogħol il-Kongregazzjoni tal-Vatikan għall-Isqfijiet, wieħed jista’ iżjed japprezza s-sejħa tal-isqof bħala s-suċċessur tal-appostli. U allura, b’riħet hekk, jista’ japprezza iżjed iżjed lill-qaddis tagħna San Nikola!

Tajjeb naraw ftit x’irridu nfissru b’dan it-terminu. Fl-istess dokument, li jġib bħala data tal-pubblikazzjoni tiegħu t-22 ta’ Frar 2004, il-Festa tas-Sede ta’ Pietru l-Appostlu, jgħid li bħala “suċċessuri tal-appostli permezz tat-twaqqif divin, l-Isqfijiet huma magħmula Rgħajja tal-Knisja meta l-Ispirtu s-Santu huwa mogħti lilhom bis-saħħa tal-ordinazzjoni episkopali”. Għalhekk, l-isqfijiet “jirċievu x-xogħol tat-tagħlim, li jqaddsu u jmexxu f’għaqda ġerarkika mas-Suċċessur ta’ Pietru u ma’ membri oħra tal-Kulleġġ episkopali”.

Imbagħad id-Direttorju jikkummenta li t-titlu “Suċċessur tal-Appostli” jinsab “fil-qalba tal-misteru pastorali tal-Isqof u tal-missjoni tiegħu fil-Knisja”. Fil-fatt dan it-terminu proprju ta’ “Suċċessur tal-Appostli” iqaxxar “il-figura tal-Isqof u l-missjoni tiegħu”. Fl-introduzzjoni ta’ dan id-dokument importanti għall-Isqfijiet insibu li “l-isqfijiet, bħala membri tal-Kulleġġ episkopali li hu s-suċċessur tal-Kulleġġ Appostoliku, huma maqgħuda ħaġa waħda ma’ Ġesù Kristu”. Jiġifieri dak Ġesù “li għadu jagħżel u jibgħat lill-Appostli”. Id-dokument jkompli jisħaq li “bħala suċċessur tal-Appostli, u bis-saħħa tal-ordinazzjoni episkopali tiegħu u permezz tal-komunjoni ġerarkika, l-isqof huwa l-prinċipju viżibbli u l-garanzija tal-għaqda fil-Knisja partikulari tiegħu”.

Il-Ktieb tal-Apokalissi jgħarrafna li l-ħajt ta’ Ġerusalemm il-ġdida “għandu tnax-il pedament, li fuqhom hemm it-tnax-il isem tat-tnax-il appostlu tal-Ħaruf” (Apok 21 :14). Filwaqt li l-Kostituzzjoni Dommatika fuq il-Knisja, Lumen Gentium, tgħallem hekk: “L-isqfijiet, b’istituzzjoni divina, huma suċċessuri ta’ l-Appostli bħala rgħajja tal-Knisja, li min jisma’ lilhom jisma’ lil Kristu, min iwarrab lil Kristu u lil Dak li bagħat lil Kristu (cf Lq.10, 16)” (Lumen Gentium, 20).

Għalhekk, minħabba li huma s-suċċessuri tal-Appostli, id-Direttorju jkompli jgħidilna li “l-Isqfijiet jirċievu l-grazzja u r-responsabbiltà biex iħarsu s-siġill tal-appostoliċità fil-Knisja”. Issa b’appostoliċità nifhmu l-mandat tat-tagħlim li l-Appostli għaddew lill-Isqfijiet sabiex l-għejxien tal-Vanġelu jibqa’ dejjem jiġi mħares fis-sħuħija tiegħu fil-Knisja.

Kien eżattament minħabba dan li, kif jgħidilna d-Direttorju, ġenerazzjoni wara l-oħra ta’ Isqfijiet, “huma msejħa biex iħarsu u jgħaddu l-Bibbja u jippromovu t-Traditio,” li hija “t-tħabbira tal-Vanġelu wieħed u fidi waħda, f’fedeltà sħiħa lejn it-tagħlim tal-Appostli”. Id-Direttorju jkompli jikxef is-sbuħija tas-sejħa episkopali fi ħdan il-Knisja meta jgħid hekk: “Fl-istess ħin ix-xogħol tagħhom (tal-Isqfijiet) huwa li jitfgħu d-dawl tal-Vanġelu fuq kwistjonijiet li huma preżenti repetutament permezz taċ-ċirkustanzi storiċi li jinbidlu”. Bħala eżempji d-Direttorju jsemmi kwistjonijiet kulturali, soċjoekonomiċi jew xjentifiċi u kif ukoll dawk li huma ta’ natura teknoloġika. Aktar minhekk id-Direttorju jkompli jgħidilna li l-Isqfijiet huma tabilħaqq responsabbli għat-tqaddis u t-tmexxija tal-Poplu kollu ta’ Alla kemm ma’ u taħt Pietru fil-persuna tal-Papa. Ix-xogħol tal-Isqfijiet huwa mseddaq “mad-dinamiżmu missjunarju u f’kontinwità max-xogħol imwettaq mill-predeċessuri episkopali tagħhom”.

Nagħmlu tajjeb issa jekk napprezzaw kemm l-identità u kif ukoll il-missjoni tal-Isqof fil-misteru ta’ Kristu u l-Knisja. Nibdew mill-Isqof fil-misteru ta’ Kristu.

Kull Isqof għandu jqis li l-fus tal-identità u l-missjoni tiegħu huwa l-misteru ta’ Kristu u l-kwalitajiet li l-Mulej Ġesù xtaq għall-Knisja tiegħu. Jiġifieri dik il-Knisja li hija l-“poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium, 4). Huwa minħabba l-misteru ta’ Kristu, li waħdu huwa r-Ragħaj u l-Ħarries tal-Erwieħ (ara 1 Pt 2:25) li l-Isqof jista’ tabilħaqq jifhem il-misteru tal-Knisja. Dik il-Knisja li tagħha, bis-saħħa tal-ordinazzjoni episkopali, huwa ġie maħtur bħala għalliem, qassis u ragħaj bil-għan li jmexxieha bil-qawwa li irċieva bil-milja tas-Sagrament tal-Ordni Sagri.

Bħala rappreżentant, jew Viagrju tar-“Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ” (Lhud 13:20) permezz ta’ ħajtu u l-ministeru episkopali tiegħu l-Isqof juri l-paternità ta’ Alla. L-Isqof juri t-tjubija, il-kura mimlija mħabba, l-ħniena, il-ġentilezza u anki l-awtorità ta’ Ġesù Kristu li ġie biex jagħti ħajtu u jiġbor il-popli kollha f’familja waħda billi jħabbibhom mill-ġdid mal-Missier. L-Isqof huwa dak li juri l-ħajja bla ma taqta’ tal-Ispirtu s-Santu. Dak l-Ispirtu li jagħti l-ħajja bil-bosta lill-Knisja, isaħħaħha, saħansitra fid-dgħjufija tagħha. Għalhekk, nistgħu bil-libertà kollha ngħidu li l-għarfien Trinitarju ta’ dak li hu u li jagħmel l-Isqof, f’kelma waħda l-esse u l-agere tiegħu, huma mħawla fil-ħajja ta’ Kristu nnifsu. Dak Ġesù li huwa Iben il-Missier, etern u mnissel li, sa mill-bidu, jgħix fi ħdan il-Missier (ara Ġw 1:18). U ġie midluk u mibgħut fid-dinja bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (ara Mt 11:27; Ġw 15:26 u 16:13-14).

Kemm il-Kelma ta’ Alla u kif ukoll it-Tradizzjoni tal-Knisja joffrulna xbiehat tassew interessanti li tabilħaqq ifissru l-esse u l-agere tal-Isqof. Isemmulna li l-Isqof huwa r-ragħaj, is-sajjied, il-missier, wieħed mill-aħwa, il-ħabib, dak li jfarraġ, il-qaddej, l-għalliem, il-mexxej. Dawn il-kwalitajiet kollha jippuntaw għal Ġesù Kristu u jikkaratterizzaw lill-Isqof bħala raġel ta’ fidi u dixxerniment, bniedem ta’ tama u ta’ impenn mill-aktar serju, bniedem ta’ ġentilezza u ħlewwa, bniedem ta’ komunjoni. Dawn ix-xbihat ifakkruna li biex wieħed jidħol fis-suċċessjoni Appostolika ifisser li wieħed jidħol f’kumbattiment għall-Vanġelu.

L-aktar xbieha li tispikka fost dawn li semmejna għas-sejħa episkopali hija dik tar-ragħaj. L-għaliex, fix-xbieha tar-ragħaj, wieħed isib it-tifsira, l-għan, l-istil u d-dinamiżmu evanġeliku u missjunarju. Il-mudell ta’ Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, juri l-fedeltà ta’ kuljum tal-Isqof mal-missjoni tiegħu, id-dedikazzjoni serena u totali għall-Knisja, il-ferħ li jmexxi l-Poplu ta’ Alla, li ġie afdat f’idejh, lejn il-Mulej u s-sens kbir ta’ gratitudni li ulied Alla mxerrda huma miġbura fl-għaqda tal-komunjoni ekkleżjali (ara Mt 15:24; 10:6). Meta l-Isqof jikkontempla l-ikona tal-Vanġelu tar-Ragħaj it-Tajjeb huwa jibda’ jiskopri t-tifsira tal-għotja kostanti tiegħu nnifsu. Dan l-għaliex l-Isqof jibda’ jiftakar li r-Ragħaj it-Tajjeb offra ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (ara Ġw 10:11). Ir-Ragħaj it-Tajjeb ġie mhux biex ikun moqdi iżda biex jaqdi (ara Mt 20:28). Aktar minhekk l-Isqof jiskopri l-ispirazzjoni għall-ministeru pastorali tiegħu u kif ukoll għall-eżerċizzju proprju tad-dover tiegħu li jgħallem, iqaddes u jmexxi skont il-mudell tar-Ragħaj it-Tajjeb.

Għalhekk jekk l-uffiċċju episkopali tiegħu jħalli l-frott l-Isqof huwa msejjaħ biex jikkonforma ruħu bl-aktar mod strett ma’ Kristu kemm fil-ħajja personali tiegħu u kif ukoll fl-eżerċizzju tal-appostolat tiegħu. Dan għandu jseħħ bil-għan li “l-ħsieb ta’ Kristu” (1 Kor 2:16) kompletament imexxi lil ħsibijietu, kliemu u għemilu. U għalhekk id-dawl li ħiereġ mill-wiċċ ta’ Kristu idawwal il-kura tal-erwieħ li, għal San Girgor il-Kbir hija “l-arti tal-arti”. Din l-aspirazzjoni spiritwali tqajjem fl-Isqof it-tama li jirċievi minn Kristu “l-kuruna tal-glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx” (1 Pt 5:4). Dak Kristu li għad jerġa’ jiġi bħala r-ragħaj universali biex jiġbor flimkien u jagħmel ħaqq minn nazzjonijiet kollha (ara Mt 25:31-46).

Hija tabilħaqq din l-istess tama li tmexxi lill-Isqof fil-ministeru episkopali tiegħu. Hija din it-tama li ddawwal il-jiem tiegħu, li titma’ l-ispiritwalità tiegħu, li iżżid it-tama tiegħu u hija ta’ spalla għalih fil-kumbattiment tiegħu kontra l-ħażen u l-inġustizzja. Għalhekk, flimkien man-nies tiegħu, huwa jħares ‘il quddiem b’tama ċerta biex jikkontempla lill-Ħaruf li kien maqtul. Biex iħares lejn ir-Ragħaj li jmexxi lill-popli kollha lejn l-għajn tal-ħajja u l-viżjoni ta’ Alla (ara Apok 7:17).

Is-sbuħija tas-sejħa episkopali narawha fid-dawl tal-misteru tal-Knisja. Il-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja, Lumen Gentium, toffrilna numru ta’ tixbihat li juru l-misteru tal-Knisja u li anki jenfasizzaw il-kwalitajiet tagħha. Dawn ix-xbiehat jikxfu l-għaqda li ma tinħalx bejn il-Poplu ta’ Alla ma’ Kristu. Fost dawn iż-żewġ tixbihat jispikkaw ħafna dawk tal-ġisem mistiku, ma’ Kristu li hu r-ras u dik tal-Poplu ta’ Alla, li fih hemm miġbura ulied Alla kollha kemm huma. Mela kemm rgħajja u kif ukoll lajċi. U dan il-poplu jgħaqqadhom f’magħmudija waħda. Dan il-poplu għandu lil Kristu bħala r-ras tiegħu. Dak Kristu li, kif tgħidilna l-Ittra lir-Rumani, “kien mogħti għall-mewt għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna” (Rum 4:25). Huma jgħixu fid-dinjità u fil-ħelsien ta’ ulied Alla u l-Ispirtu s-Santu jgħix fi qlubhom bħallikieku f’tempju. Il-liġi tagħhom hija l-kmandament ġdid tal-imħabba filwaqt li l-għan tagħhom m’huwa xejn għajr is-Saltna ta’ Alla li diġà ġiet inawgurata f’din id-dinja.

Il-Mulej tagħna ħalla f’idejn Pietru u l-Appostli l-oħra x-xogħol li jitimgħu lil din il-Knisja waħda tiegħu (ara Ġw 21:17). U hu qabbadhom jmexxuha u jgħinuha tikber (ara Mt 28:18-20). Il-Mulej Ġesù waqqafha għal dejjem bħala kolonna u difiża tal-verità (ara 1 Tim 3:15).

Kristu żejjen lill-membri kollha ta’ dan il-poplu, jiġifieri tal-Knisja, b’kariżmi ġerarċiċi u kariżmatiċi. Huwa waqqafhom f’komunjoni ta’ ħajja, karità u verità. U libbishom b’dinjità saċerdotali (ara Apok 1:6; 5:9-10). Huma ġew ikkonsagrati minnu permezz tal-magħmudija bil-għan li joffru sagrifiċċji spiritwali permezz ta’ dak kollu li jagħmlu. Huma ġew mibgħuta bħala d-dawl tad-dinja u l-melħ tal-art (ara Mt 5:13-16) biex iħabbru l-għeġubijiet tal-għaġeb ta’ dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb (ara 1 Pt 2:4-10). Madankollu xi membri tal-Ġisem ta’ Kristu huma ikkonsagrati bis-sagrament tal-ordni sagri biex jeżerċitaw il-ministeru saċerdotali. Is-saċerdozju komuni u dak ministerjali jew ġerarkiku huma essenzjalment differenti. Anki jekk huma ordinati ‘l wieħed mal-ieħor ġaladarba kull wieħed minnhom jaqsam, fil-mod proprju tiegħu, fis-saċerdozju wieħed ta’ Kristu.

Il-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja, il-Lumen Gentium, tgħid hekk fl-għaxar paragrafu tagħha: “Is-saċerdot ministerjali, bis-setgħa sagra li biha huwa mżejjen, jifforma u jmexxi l-poplu saċerdotali, itemm is-sagrifiċċju ewkaristiku fil-persuna ta’ Kristu u joffrih lil Alla f’isem il-poplu kollu. Il-fidili, bis-saċerdozju rjali tagħom jissieħbu fl-offerta ta’ l-Ewkaristija; huma jeżerċitaw dan is-saċerdozju meta jirċievu s-Sagramenti, meta jitolbu u jiżżu ħajr lil Alla, bix-xhieda ta’ ħajja qaddisa, biċ-ċaħda tagħhom infushom u b’karita’ li tidher fl-egħmil” (nru. 10).

Tajjeb ngħidu li l-Poplu ta’ Alla m’huwiex sempliċiment komunità ta’ ħafna nazzjonijiet differenti. Iżda, fin-natura vera tiegħu, huwa magħmul minn partijiet differenti. Nibdew mill-Knejjes partikulari, li huma minsuġa fix-xbiha tal-Knisja universali. Fihom u minnhom teżiżti l-Knisja Kattolika, waħda u unika. Il-Knisja partikulari hija fdata lill-Isqof. Li hu l-għajn viżibbli u s-sies tal-għaqda. Issa, permezz tal-komunjoni ġerarkika tiegħu mar-ras flimkien mal-membri l-oħra tal-Kulleġġ appostoliku l-Knisja partikulari hija inkorporata fil-plena communion ecclesiarium, jiġifieri fl-għaqda sħiħa tal-Knisja waħda ta’ Kristu.

B’dan il-mod il-Ġisem sħiħ u mistiku ta’ Kristu huwa wkoll ġisem ta’ Knejjes. Li jwelled reċiproċità tal-għaġeb. Dan l-għaliex l-għana tal-ħajja u x-xogħlijiet ta’ kull membru jgħaddu fuq it-tajjeb tal-Knisja kollha. Għalhekk kemm ir-Ragħaj u kif ukoll il-merħla tiegħu jaqsmu fl-abbundanza sopranaturali tal-Ġisem sħiħ. Dawn il-Knejjes partikulari huma wkoll “fil-“ u “mill-” Knisja, li hija tassew preżenti u operattiva fihom. Mela, is-Suċċessur ta’ Pietru, li hu r-Ras tal-Kulleġġ episkopali u l-Ġisem tal-Isqfijiet huma elementi proprji li jagħmlu tabilħaqq Knisja partikulari. It-tmexxija pastorali tal-Isqof u l-ħajja tad-djoċeżi tiegħu għandhom juru l-komunjoni reċiproka mal-Isqof ta’ Ruma flimkien mal-Kulleġġ episkopali. U, kif ukoll, mal-Knejjes partikulari li huma ħuthom, aktar u aktar dawk li huma preżenti fl-istess reġjun.

Il-Knisja hija sagrament tas-salvazzjoni. Dan l-għaliex permezz tal-Knisja viżibbli Kristu huwa preżenti qalb il-poplu tiegħu. Huwa jissokta l-missjoni tiegħu billi jitfa’ l-Ispirtu s-Santu tiegħu fuq dawk li jemmnu fih. Għalhekk il-Ġisem tal-Knisja m’huwiex l-istess bħas-soċjetajiet tal-bnedmin. Dan l-għaliex hija mmexxija mhux skont il-kapaċitajiet personali tal-membri tagħha iżda permezz tal-għaqda intima tagħha ma’ Kristu. Huwa minnu li l-Knisja tirċievi l-ħajja u l-enerġija li mbagħad hija mgħoddija lill-membri tagħha. Il-Knisja mhux biss tfisser għaqda intima ma’ Alla u l-għaqda mal-familja kollha tal-bnedmin iżda hija wkoll is-sinjal effettiv ta’ din l-għaqda. U għalhekk hija sagrament tas-salvazzjoni.

Fl-istess waqt il-Knisja hija komunjoni. Ix-xbihat tal-Knisja u l-marki essenzjali li jfissruha juru li fin-natura intima tagħha hija misteru Trinitarju ta’ komunjoni. Il-Konċilju Vatikan it-Tieni, fid-Digriet dwar l-Ekumeniżmu, imsejjaħ Unitatis Redintegratio, jgħid li “f’għaqda ma’ l-isqof, waqt li jersqu lejn Alla l-Missier permezz ta’ l-Iben, il-Verb magħmul bniedem li bata u kien imsebbaħ, fl-Ispirtu s-Santu li jissawwab fuqhom, jidħlu f’għaqda mat-Trinita’ Qaddisa u “jissieħbu fin-natura ta’ Alla” (2 Piet 1,4)” (nru. 15). Il-komunjoni qiegħdha fil-qalba tal-fehma tagħha nnifisha tal-Knisja u hija l-għaqda li tfisser in-natura tagħha bħala rejaltà umana, bħala komunità tal-qaddisin u bħala ġisem ta’ Knejjes. Il-komunjoni wkoll tfisser ir-rejalta tal-Knisja partikulari.

Il-komunjoni ekkleżjali hija komunjoni ta’ ħajja, karità u verità. Bħala għaqda li tgħaqqad lin-nies ma’ Alla hija tistabilixxi forma ġdida ta’ relazzjoni qalb in-nies u turi n-natura sagramentali tal-Knisja. Ejjew ma ninsewx li l-Knisja hija d-dar u l-iskola tal-komunjoni li tinbena madwar l-Ewkaristija, li hija s-sagrament tal-komunjoni ekkleżjali. Jiġifieri li permezz ta’ dan is-sagrament iseħħ il-qsim rejali fil-ġisem tal-Mulej. Aħna meħuda f’din il-komunjoni ma’ Kristu u ma’ xulxin. Fl-istess ħin l-Ewkaristija hija wkoll l-epifanija tal-Knisja li, biha, il-karattru Trinitarju tagħha huwa viżibbli.

Il-Knisja għandha l-missjoni li xxandar u li xxerred is-Saltna ta’ Alla fl-aktar partijiet imbiegħda tad-dinja. Dan twettqu bil-għan li ilkoll jaslu li jemmnu fi Kristu. U għalhekk li jaslu għall-ħajja eterna. Għalhekk il-Knisja hija wkoll missjunarja. Fil-fatt, kif tgħid il-kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-Dinja tallum, Gaudium et Spes, “tassew li l-missjoni proprja li Kristu ta lill-Knisja m’hix ta’ ordni politiku, ekonomiku jew soċjali: għax il-fini li taha hu ta’ ordni reliġjuż. Imma minn din l-istess missjoni reliġjuża joħorġu ħidma, dawl u forzi li jistgħu jservu biex tinbena u tissaħħaħ l-għaqda tal-bnedmin skond il-Liġi ta’ Alla” (nru. 42).

F’din il-Knisja l-Isqof huma l-prinċipju viżibbli tal-għaqda fid-djoċeżi tiegħu. L-Isqof huwa msejjaħ li jibni, bla heda, il-Knisja partikulari fil-komunjoni tal-membri kollha tagħha. L-Isqof huwa dak li jassigura li d-diversi doni u ministeri, f’għaqda mal-Knisja universali, iservu biex jibnu lill-Insara u biex iħabbru l-Vanġelu. Bħala għalliem tal-fidi, dak li jqaddes u l-gwida spiritwali l-Isqof jaf li jista’ joqgħod fuq grazzja speċjali divina li ġiet mogħtija lilu fl-ordinazzjoni episkopali tiegħu. Din il-grazzja issostnieh waqt li jagħti lilu nnifsu għas-Saltna ta’ Alla, għas-salvazzjoni tal-bniedem u fl-impenn tiegħu biex jagħti forma lill-istorja bil-qawwa tal-Vanġelu u billi jagħti direzzjoni għall-pellegrinaġġ tal-bniedem fiż-żmien.

Issa din ir-rikezza kollha ma waqfitx ma’ Ġesù u l-appostli biss! Allaħares. Iżda għaddiet ukoll fuq dawk li ġew warajhom. L-Isqfijiet. Is-suċċessuri tal-Appostli.

Ejjew napprezzaw dan ir-ritratt sabiħ li joħroġ mill-Missirijiet tal-Knisja dwar l-Isqof. Nibdew b’San Klement ta’ Ruma, li jgħidilna hekk fl-Ittra tiegħu lill-Korintin: “L-Appostli tagħna, permezz tal-Mulej Ġesù Kristu, kienu jafu li kien se jkun hemm ġlieda għall-uffiċju ta’ Isqof. Għalhekk, għal dan il-għan, wara li rċevew l-għerf perfett ta’ dak li kellu jiġri, għażlu dawk li diġà kienu msemmija, u wara żiedu l-kundizzjoni li, jekk huma jmutu irġiel oħra approvati minnhom għandhom jidħlu fil-ministeru tagħhom” (Ittra lill-Korintin, 44:1-2, c. 80 AD). Mela, l-Isqof huwa s-suċċessur tal-appostli.

L-istess ħsieb jidher ukoll fl-Ittra li San Injazju ta’ Antijokja kiteb lill-Komunità Nisranija ta’ Żmirne. F’dan it-test ninutaw li meta Nisrani jabbanduna lill-Isqof, flimkien mal-presbiteri u d-djakni tiegħu, dan ifisser li dak in-Nisrani jkun abbanduna l-Knisja Kattolika. F’dan it-test naraw ukoll x’jagħmel Ewkaristija valida. Tgħid dan it-test qed jurina, bil-pulit, li f’dawk iż-żminijiet kien hemm Insara li kienu qiegħdin jiċċelebraw l-Ewkaristija inkella kienu qiegħdin isejħulha l-Ikla tal-Mulej, u kienu qiegħdin jagħmlu dan mhux bil-permess u l-awtorità tal-Isqof? X’differenza jagħmel dan il-fatt jekk din l-Ewkaristija għal dawn l-Insara kinitx biss “simbolika” u mhux rejali?

“Intom għandkom tobdu lill-Isqof bħalma Ġesù Kristu jobdi lill-Missier u lill-presbiterju bħalma intom kont tobdu lill-Appostli. Obdu lid-djanki daqslikieku kontu tobdu l-kmand ta’ Alla. Ħalli ħadd ma jagħmel xi ħaġa importanti għall-Knisja mingħajr l-Isqof. Ħalli tkun meqjusa bħala Ewkaristija valida dik li hija iċċelebrata mill-Isqof jew minn xi ħadd li hu jagħżel. Fejn hemm l-Isqof hemm ukoll il-poplu, bħalma fejn hemm Ġesù Kristu hemm ukoll il-Knisja Kattolika” (Ittra lill-Insara ta’ Żmirne 8:1-2, AD 107). Mela, il-presbiteri, id-djakni u l-imgħamdin jagħmlu sens fil-Knisja jekk maqgħudin mal-Isqof.

Fil-kitba ta’ Sant’Irinew, imsejħa Kontra l-Ereżiji, nistgħu napprezzaw l-ideja li hemm Knisja waħda, b’qalb u ruħ waħda, li hija mferrxa sa fejn laħaq il-messaġġ wieħed tal-Vanġelu.

“Il-Knisja, li rċeviet dan ix-xandir u din il-fidi, għalkemm hija mferrxa mad-dinja kollha, madankollu hija ħarsiethom daqslikieku okkupat dar waħda. Hija għalhekk temmen dawn l-affarijiet daqslikieku kellha ruħ waħda u qalb waħda. U b’mod armonjuż tħabbarhom u tgħallimhom u tgħaddihom daqslikieku kellha ħalq wieħed. Għaliex, filwaqt li l-ilsna tad-dinja huma diversi, madankollu l-awtorità tat-Tradizzjoni hija waħda u l-istess” (Kontra l-Ereżiji 1, 10, 2, c. AD 190). Mela, l-Isqof huwa l-ministru ta’ din il-Knisja li hija mferrxa mad-dinja kollha. Knisja li hija qalb waħda u ruħ waħda. Taħt il-kappa tal-istess Tradizzjoni.

F’dawn iż-żewġ testi li ġejjin, jiġifieri dawk li ħarġu minn idejn San Injazju minn Antijokja u San Ġustinu, jikkonfermaw mad-duttrina u l-prassi Kattolika dwar il-Magħmudija, l-Ewkaristija u l-aċċettazzjoni tat-tagħlim tal-Knisja biex wieħed ikun jista’ jirċievi s-sagramenti.

Sant’ Injazju minn Antijokja jikteb: “Huma jastjenu mill-Ewkaristija u mit-talb l-għaliex ma jistqarrux li l-Ewkaristija hija l-Ġisem tal-Feddej tagħna Ġesù Kristu, Ġisem li bata għad-dnubiet tagħna u li l-Missier, fit-tjieba Tiegħu, qajmu mill-ġdid mill-imwiet” (Ittra lill-Insara ta’ Żmirne, 7:1, AD 107). Mela, jekk l-Isqof huwa l-prim ċelebrant li jiċċelebra l-Ewkaristija dawn it-talin kif jistgħu isejħu lilhom infushom Insara fil-veru sens tal-kelma jekk ma jemmnux fl-Ewkaristija? Kif dawn qatt jistgħu jkunu mal-Isqof tagħhom?

Fl-Ewwel Apoloġija tiegħu San Ġustinu jikteb hekk: “Aħna nsejħu dan l-ikel Ewkaristija; u ħadd aktar m’għandu l-permess li jieħu sehem minnu ħlief min jemmen li t-tagħlim tagħna huwa veru. U min ġie maħsul fil-ħasla li hija l-maħfra tad-dnubiet u għat-twelid mill-ġdid, u b’hekk qed jgħix bħalma Kristu ikkmanda. Għax mhux bħala ħobż komuni jew xorb komuni aħna nirċievu dawn. Iżda, ġaladarba Ġesù Kristu, il-Feddej tagħna, sar bniedem mill-kelma ta’ Alla u kellu kemm ġisem u anki demm għas-salvazzjoni tagħna, hekk ukoll, bħalma ġejna mgħallma, l-ikel li ġie magħmul f’Ewkaristija mit-talba Ewkaristika mibnija minnu, u mill-bidla li minnha demmna u ġisimna jintemgħu, huwa kemm il-ġisem u anki d-demm ta’ dak Ġesù inkarnat” (L-Ewwel Apoloġija 66, A.D. 151). Mela, l-Isqof huwa dak li jwassal it-tagħlim veru li jwassal għall-maħfra tad-dnubiet bil-magħmudija u għall-Ewkarstija. Jiġifieri dak l-ikel komuni li, għall-kmand ta’ Ġesù, permezz tal-Appostli u s-suċċessuri tagħhom l-Isqfijiet u l-presbiteri, isir il-Ġisem u d-Demm tassew ta’ Ġesù Kristu għas-salvazzjoni tagħna.

Is-suċċessjoni appostolika turina li l-Isqof ta’ Ruma, li miegħu u taħt l-awtorità tiegħu, kull Isqof għandu jeżerċita s-setgħa li jmexxi l-Poplu ta’ Alla fid-djoċeżi tiegħu, għandu wkoll id-dmir li jitlob ubbidjenza minn isqfijiet ta’ djoċeżijiet oħra. Dan narawh fil-każ ta’ San Klement, ir-raba’ Papa wara San Pietru. Fl-Ittra lill-Korintin San Klement qed jitlob ubbidjenza mill-Knisja ta’ Korintu, fil-Greċja. Il-fatt li San Klement, il-mexxej reliġjuż fil-Komunità Nisranija ta’ Ruma, qed iħeġġeġ għall-ubbidjenza lill-grupp ta’ Nsara, waħdu juri li dan il-mexxej, l-Isqof ta’ Ruma, għandu xi forma ta’ awtorità fuqhom.

“Għeżież, minħabba l-problemi u l-inkwiet li seħħew fostna bħal leħħa ta’ berqa u b’mod ripetut irridu nammettu li aħna kaxkarna xi ftit saqajna biex nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq il-ħwejjeġ li qed joħolqu nuqqas ta’ ftehim bejnietkom… Ilqgħu l-parir tagħna, u ma jkollkomx minn xiex jiddispjaċikom … Jekk xi ħadd ma jobdix il-ħwejjeġ li ġew mitqala minnU permezz tagħna, għidulhom li huma jkunu qed idaħħlu lilhom infushom f’diżubbidjenza u f’periklu mhux żgħir … Tkunu qegħdin tagħtuna ferħ u hena jekk, waqt li tkunu ubbidjenti għall-ħwejjeġ li aħna ktibna permezz tal-Ispirtu s-Santu intom tqaċċtu l-passjoni ħażina tal-għira” (Ittra lill-Korintin, 1: 58–59, 63, A.D. 80). Mela l-Isqof huwa dak li jirgħa l-Poplu ta’ Alla, il-Knisja, f’għaqda mal-Isqof ta’ Ruma u r-ragħaj tal-Knisja universali, il-Papa, u kif ukoll, l-Isqof huwa taħt l-ubbidjenza lejn il-Papa.

Sant’Injazju ta’ Antijokja, li kien mill-Lvant, kiteb seba’ ittri lis-seba’ knejjes. Madankollu kien biss fl-Ittra tiegħu lill-Knisja f’Ruma li hu fisser b’tant tifħir l-uffiċċju tal-Isqof. Ejjew nammirawha flimkien!

“Injazju … lill-Knisja li wkoll għandha l-presidenza fil-post tal-pajjiż tar-Rumani, li hija xierqa għal Alla, xierqa għall-ġieħ, xierqa għall-barka, xierqa għat-tifħir, xierqa għas-suċċess, xierqa għall-qdusija, u l-għaliex int għandek f’idejk il-presidenza fl-imħabba, imsemmija wara Kristu u wara l-Missier” (Ittra lir-Rumani, 1:1, A.D. 110). L-Isqof ta’ Ruma huwa l-Isqof ta’ dik il-Knisja li hija xierqa għal Alla, għall-ġieħ, għat-tifħir, għas-suċċess, għall-qdusija. Dawn il-kwalitajiet sbieħ u meħtieġa għandhom jiddu f’kull knisja partikulari li tagħha l-Isqof tal-post huwa responsabbli.

Sant’ Irinew, Isqof mir-reġjun ta’ Franza, li tgħallem il-fidi tiegħu minn Polikarpu, li tgħallem il-fidi tiegħu minn Ġwanni, fit-trattat tiegħu Kontra l-Ereżiji juri li l-knejjes kollha għandhom jaqblu mal-Knisja ta’ Ruma.

“Mela, huwa possibbli li kull Knisja, li tixtieq tkun taf il-verità, li tikkontempla t-tradizzjoni tal-Appostli li ġiet magħrufa mal-erbat irjieħ tad-dinja. U aħna qiegħdin f’pożizzjoni li ninnumeraw dawk li ġew magħżula bħala Isqfijiet mill-Appostli u mis-suċċessuri tagħhom sa’ żminijietna stess … Ġaladarba se tkun twila wisq biex ninnumeraw is-suċċessjonijiet tal-Knejjes kollha f’volum bħal dan aħna se nħalltu dawk kollha li, b’xi mod jew b’ieħor, kemm jekk permezz tas-sodisfazzjon tagħhom infushom jew bi ftaħir tagħhom infushom, inkella permezz ta’ għama jew ta’ ħsieb żbaljat, jinġabru, barra minn dak li hu xieraq, billi hawnhekk nuru is-suċċessjonijiet tal-Isqfijiet tal-ikbar u l-aktar Knisja antika magħrufa minn kulħadd, imsejsa u mwaqqfa f’Ruma minn żewġ Appostli glorjużi, Pietru u Pawlu. Dik il-Knisja li għandha t-tradizzjoni u l-fidi li wasslet s’għandna wara li ġiet imħabbra lill-bnedmin mill-Appostli. Għaliex ma’ din il-Knisja, minħabba l-oriġini superjuri tagħha, il-Knejjes kollha għandhom jaqblu magħha, jiġifieri, l-Imgħamdin fid-dinja kollha. U huwa fiha li l-Imgħamdin, kullimkien, żammew it-tradizzjoni Appostolika” (Kontra l-Ereżiji 3, 3, 1-2, c. AD 190). Mela, l-uffiċċju tal-Isqof tassew ġej mill-Appostli, fosthom Pietru u Pawlu, u mis-suċċessuri tagħhom.

F’dan id-dawl għalhekk jagħmel sens kbir dak li jikteb San Ċiprijanu dwar il-primat tal-Isqof ta’ Ruma, il-Papa. Din il-kitba nkitbet saħansitra daqs mitt sena qabel id-definizzjonijiet tal-konċilju dwar it-Trinità u d-Divinità ta’ Kristu.

“Il-Mulej qal lil Pietru: ‘U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi’… Fuqu hu jibni l-Knisja u lilu huwa jagħti l-kmand biex jirgħa n-ngħaġ. U, għalkemm hu jagħti s-setgħa lill-Appostli kollha, madankollu huwa waqqaf katedra waħda. U, bl-awtorità tiegħu, waqqaf għajn u raġuni intrinsika għal din l-għaqda. Għalhekk, l-oħrajn kienu dak li Pietru kien. Imma l-primat hu mogħti lil Pietru li bih huma mgħarraf, b’mod l-aktar ċar, li hemm biss Knisja u katedra waħda. Bl-istess mod, ilkoll huma rgħajja. U l-merħla hija murija li hija waħda, mirgħuha mill-Appostli kollha bi ħsieb wieħed. Jekk xi ħadd ma jkunx ma’ din l-għaqda ta’ Pietru jista’ jimmaġina li hu għadu jżomm il-fidi? Jekk jitlaq il-katedra ta’ Pietru, li fuqu l-Knisja hija mibnija, jista’ jibqa’ kunfidenti li hu qiegħed fil-Knisja? (L-Għaqda tal-Knisja Kattolika, l-ewwel edizzjoni, 251 A.D.). Mela, l-Isqof ta’ Ruma, flimkien mal-Isqfijiet l-oħra tad-dinja miegħu u taħtu fil-Kulleġġ Appostoliku, huwa r-ragħaj tal-Knisja universali.

X’ħasra mela min ma jibqax f’din l-għaqda tal-Knisja! X’sagrileġġ hija l-firda mill-Knisja, imwaqqfa minn Ġesù fl-Appostli tiegħu li huma mdawrin ma’ San Pietru! Dan hu li nitgħallmu mill-kitbiet ta’ San Ambroġ u Santu Wistin.

“M’għandhomx is-suċċessjoni ta’ Pietru, ma jżommux mas-siġġu ta’ Pietru, li huma firdu permezz tal-firda qarrieqa. U dan huma jagħmlu meta, bl-aktar mod qarrieq, jiċħdu li d-dnubiet jistgħu jiġu maħfura anki fil-Knisja. Ġaladarba kien mitqal lil Pietru: ‘Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.’ U l-istrument tal-għażla divina nnifisha qal: ‘Jekk intom ħfirtu xi ħaġa lil xi ħadd jiena wkoll ħfirt. Għaliex dak li ħfirt għamiltu għalikom fil-persuna ta’ Kristu’” (San Ambroġ ta’ Milan, Fuq il-Penitenza, L-Ewwel Ktieb, Kaptilu 7, v. 33, c. A.D. 390). Mela, l-Isqof huwa dak li jżomm l-istess fidi li ngħatat lil Pietru u lil dawk li se jiġu warajh, il-Papiet. L-Isqof jibqa’ marbut mal-Papa fil-fidi u fl-imħabba, fil-maħfra tad-dnubiet. Jiġifieri fil-karità.

“M’hemm xejn aktar serju mis-sagrileġġ tax-xiżma l-għaliex m’hemm l-ebda kawża ġusta biex wieħed jifred l-għaqda tal-Knisja” (Trattat Fuq il-Magħmudija Kontra d-Donatisti, Ktieb 5, Kapitlu 1, 400 A.D.). Mela, l-Isqof huwa l-mediċina kontra l-firda fil-Knisja. U dan bis-saħħa tal-fedeltà fil-komunjoni tiegħu mal-Papa.

Fl-aħħar nett, din l-aħħar kwotazzjoni mill-ewwel nofs tat-Tieni seklu hija kalamita għal dawk li huma barra l-Knisja biex jerġgħu lura d-dar. Nisimgħu ftit x’jgħidilna San’t Injazju minn Antijokja:

“Għax daqskemm huma dak li huma ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu huma wkoll tal-isqof. U, bħalma ħafna se jkunu, fl-eżeriċizzju tal-indiema, jirriturnaw fl-għaqda tal-Knisja, dawn ukoll se jappartjenu lil Alla ħalli jkunu jistgħu jgħixu skont Ġesù Kristu. Tiżbaljawx ħuti. Jekk bniedem jsegwi lilu li jwettaq firda fil-Knisja da ma jiritx is-saltna t’Alla. Jew wieħed jimxi skont opinjoni stramba ma jkunx qed jaqbel mal-passjoni ta’ Kristu” (Ittra lill-Insara ta’ Filadelfja 3, 2, ca. A.D. 110). Mela, l-għaqda mal-Isqof tfisser l-għaqda ma’ Alla l-Missier u ma’ Ġesù Kristu. L-għaqda mal-Isqof hija indiema vera.

U issa, għażiż San Nikola, ippermettili ftit indur lejk ħalli, b’talbek, tidħol għal kull Isqof tal-Knisja għażiża ta’ Kristu. Lil kull Isqof fakkru ħa jitlob, jiddefendi l-verità, ħa jfittex bil-ħerqa s-sewwa, il-fidi, l-imħabba u s-sliem. Għinu biex ma jindaħalx fi kwistjonijiet boloħ u bla għaqal għax dawn iġibu l-ġlied. B’talbek u bl-eżempju qaddis tiegħek għinu jkun ħlejju ma’ kulħadd. Ħeġġu ħa jgħallem bis-sabar. U jwiddeb bil-ħlewwa lil dawk li ma jaqblux miegħu. Ħeġġu ħa jaħrab il-ġibdiet ta’ żgħożitu u, b’ħafna għaqal, għinu ħa jġib dejjem l-għaqda bejn il-presbiteri, id-djakni u l-Imgħamdin.

Għażiż Nikola għinu jifhem li hu, għalkemm Isqof, huwa parti mill-Kulleġġ Appostoliku. Li qatt ma jista’ jfendi għal rasu. Li ma jmurx jitkaħħal ma’ xi ħajt! Urieh kif dejjem ikun dik il-Kelma u l-Ewkaristija li fih isiru il-veru Ġisem u Demm tal-Mulej Ġesù. Agħtih il-kuraġġ ħalli jkun Missier ħanin għal uliedu bħalma hu għalina Missierna tas-Sema. U għinu jirfina ruħu fl-ubbidjenza, fir-rispett u fil-lejaltà tiegħu lejn il-Papa u l-Kattedra ta’ San Pietru. Għaliex huwa meta jseħħlu jżomm l-istess fidi li ngħatat lil Pietru u lil dawk li ġew warajh li jista’ tabilħaqq ikun qaddej li jkun xieraq u jistħoqqlu l-ġieħ, it-tifħir u suċċess. F’kelma waħda li jkun qaddis. Urieh għażiż Nikola modi ta’ kif ikabbar fih id-don li jkun mediċina kontra l-firda fil-Knisja. U jalla li, bit-talb qawwi tiegħek, il-Mulej jitfa’ tant imħabba fih li fih aħna naraw jiddi lil Dak li qal: ‘Jiena Hu r-Ragħaj it-Tajjeb. Ir-Ragħaj it-Tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu’.

Għażiż Nikola itlob għalih ħalli jsalva mhux biss hu imma wkoll aħna miegħu, in-nagħaġ tal-merħla. Ħalli fis-sema inkunu tassew merħla waħda taħt Ragħaj wieħed. Amen.

Dan hu l-veru Isqof, il-veru suċċessur tal-Appostli! Jekk inhu hekk itlob din it-talba lil San Nikola kuljum għall-għażiż Arċisqof tagħna, Mons. Charles Scicluna, ħalli jkompli jikber f’din il-grazzja mill-isbaħ tal-episkopat li ssalva lilu u issalva lilna miegħu! Hekk ikun!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: