Good Day!


Good Day! Jew, bil-Malti, il-Jum it-Tajjeb! Kemm-il darba nirċevieha! F’kważi f’kull messaġġ li nirċievi!

Iva ħbieb! Saret moda. Li, dak li jkun jibgħat dan l-awgurju. Ala Ingliża. Jew ala Maltija. Jiddependi kif iħossha fil-mument. Inkella kif tkun imdorrija. Jew, anki, biex twassal messaġġ. Insomma … Good Day! Imma, fil-verità, meta nawgura l-Jum it-Tajjeb lil xi ħadd vera nkun qed nixtieqlu l-ġid?

Ikolli ngħid li hawn min jixtieq il-ġid lil ħaddieħor. Abbli jkun jixtieqlu ruxxmata barka. U ferħ. Iva! Minn dawn in-nies hawn. Għalhekk, wara l-messaġġ li jikteb, arah jitfagħlu dik il-frażi: Good Day! U, ir-riċevitur, l-aktar jekk ikun jafu jew jafha, aqta’ kemm jieħu gost b’din il-frażi! Nimmaġinah li jibda’ jgħid f’qalbu: “Almenu kien hawn xi ħadd li ftakar fija!”

Biss, bħalma jiġri dejjem, l-awgurju mhux dejjem le ikun ġenwin. Hawn min juża l-kelma Good Day! jew Have a Good Day! bħala forma diplomatika tinten biex jgħidlek: “Saħħa!” Jew agħar, “u issa iddejjaqnix!” “Terġax tibgħatli!” Ma nafx kif naqbad infissirha din imma persuna tkun tħossha li għalqet id-diskussjoni miegħek. Hi mingħaliha b’togħma tajba. Imma t-togħma taf tkun morra fuq li morra. Anki jekk id-diskors kien politically correct! Għalhekk persuna tispiċċa tħossha imweġġa’ aktar. Dan bħal meta persuna toqgħod titbissimlek u tirfislek il-kallu l-ħin kollu. Għidli tirrabbjakx! Veru? Mela l-ewwel qed titbissimli. U mbagħad, fl-istess santu ħin, toqgħod tirfisli l-kallu. Żewġ affarijiet kontradittorji sieħbi! Qed tkun faċċol, faċċola! Tgħidli ħaġa u, fl-istess nifs, tagħmilli l-oppost. Skużi ta imma se ngħidhielek: “Għandek qalb?”

U proprju din hija l-krema tal-problema kollha, il-qalb! Qed ngħixu fiż-żmien fejn qed isiru passi ta’ ġgant fil-kardjoloġija. Xi ġimgħat ilu tassew ħadt gost nosserva li fl-Isptar Mater Dei kien hemm konferenza interessanti fuq il-kardjoloġija. Dawn huma tabilħaqq affarijiet utli ħafna. Kemm hu mportanti li nagħrfu nieħdu ħsieb saħħitna! Speċjalment qalbna! Imma stenna ħej! Il-kolesterol m’hux qiegħed f’ċertu ikel biss tafux? Tajjeb li noqgħod attent x’niekol, nagħmel eżerċizzju, nitla’ u ninżel it-taraġ u l-bqija. Imma, ngħid jien, x’jiswa li nagħmel dawn l-eżerċizzji kollha meta qalbi ma baqgħetx aktar ta’ bniedem u bniedma? Imma, bil-mod kif qed inġib ruħi, sirt tigra u iljun?

Hawn wisq qlub maqsuma! Qlub li ilhom ħafna jsabbtulhom il-bibien ma’ wiċċhom! Hawn qlub li jaħasra qed ifittxu l-imħabba. Imma x’qed isibu? Mhux persuni li jixtiequ jsiru jafuhom ħa jħobbuhom. Mela l-importanti mhux min int? Imma x’għandek? Kemm qed tipproduċi? X’nista’ niggwadanja minn fuq dahrek? Minn fejn se nibbamjak? Kemm rajt persuni ħbieb jiġu mormija l-għaliex, meta l-boqxiex spiċċalhom, jew ma setgħux jagħtu dik l-għajnuna li kienu jagħtu qabel ġew mormija!

Bħalissa jiġini f’moħħi d-diskors sabiħ li Papa Franġisku għamel lid-diriġenti tal-ordnijiet tat-tobba ta’ Spanja u l-Amerika Latina, nhar il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2016. F’dak id-diskors il-Papa qal: “Il-vera kompassjoni terfa’ fuqha t-tbatija ta’ ħaddieħor”. Xi ġmiel ta’ diskors! Imma, biex nerfa’ fuqi t-tbatija ta’ ħaddieħor, dak ifisser li niskomoda ruħi. Ifisser li jkun hemm mumenti fejn nibda’ nonfoħ. U niddejjaq. Imma, għall-ġid tal-persuna, nismagħha. Inħallieha tkun hi. Inħallieha toħroġ id-dwejjaq tagħha miegħi. Anki jekk dan mhux xi wow! Anzi! Ta’ inkonvenjent kbir għalija!

Biex niġi għal punt: il-veru Good Day! tfisser, kif int? Il-veru Good Day! tfisser f’hiex nista’ naqdik? il-veru Good Day! tfisser kif taħseb li nista’ inkun t’għajnuna għalik? L-uniformijiet mingħajr servizz terrur ħolqu. L-uniformi sabiħa meta warajha hemm qalb kbira li lesta tissallab għal min suppost qed taqdi. Mela ejja nneħħu dawn il-frażijiet ta’ ksuħat u Ingliżati bla fejda u nibdew bis-serjetà inkunu aktar bnedmin ma’ xulxin. Min hu veru cool jimpurtah minn ħaddieħor u mhux jingħalaq fid-dinja tiegħu jew tagħha u jiġu jitmejlu minn kollox u minn kulħadd!

Il-magħrufa Raissa Maritain tgħid li l-Mulej jitlob minna “l-ħniena, l-umiltà, il-karità, is-sempliċità interjuri. Tissokta tgħid: “Xejn aktar m’hu mistenni minni … permezz tagħhom (ta’ dawn il-virtujiet) ir-ruħ issir dar għall-Mulej u għall-proxxmu b’mod intimu u permanenti … L-umiltà u l-ħniena jilqgħu, u s-sempliċità tagħti sigurtà”.

Aktar milli tibgħatli Good Day! aħjar iċċempilli, tkellimni u tismagħni! Isbaħ mill-ħniena fil-ħajja m’hemmx!

  1. Marie Therese Bonello
    July 20, 2017 at 10:06 am

    Very much to the point and a true eye opener. Makes you think!!
    Many thanks😊

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: