Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Uff xi sħana!


Uff xi sħana! Din hija r-ritornell ta’ kantaliena li ma tispiċċa qatt! Speċjalment fis-sajf Malti. L-għaliex, u issa ngħiduha kif inhi, Malta tassew tagħmel is-sħana!

Dan qed ngħidu mhux biex ninfex ingerger. Fil-każ arani sejjer inqerr. Dan qed ngħidu l-għaliex huwa fatt li ħadd ma jista’ imerih. Is-sħana fis-sajf f’pajjiżna tagħmel tagħha. Ajma! L-aktar b’dik ix-xemx dejjem ikkargata ħa titfa’ aktar u aktar sħana fuqna! Is-sħana iġġagħlna nixgħelu dak l-imbierek ta’ AC, jew aħjar l-arja ikkondizzjonata. Mela, x’ħin nidħlu f’darna, arana mill-ewwel naqbdu t-tele ħa nsibu n-numru ippreferut tagħna biex inkessħu naqra l-kamra skont il-grad tat-temperatura li nkunu nixtiequ.

Kollox sew! Għall-erwieħ! Għax sakemm inżilt mill-karozza għad-dar, anki jekk letteralment hija kwistjoni ta’ ftit passi, aqta’ kemm għeriqt! L-għaliex il-qawwa kbira tax-xemx inħossuha. U, jekk irridu nkunu sinċieri, hija verità li ma nissaportuhiex. Ġieli s-sħana tant kemm tkun qawwija li lanqas tkun tista’ taħseb. Kos hux! Lanqas tkun tista’ toqgħod għal kwiet u tħarbex kelmtejn fuq il-karta. U, jekk dan tassew iseħħlek twettqu veru tkun trid tkun altru mnebbaħ jew imnebbħa minn hemm fuq biex tasal tagħmel biċċa bħal din!

U, għax għandna l-arja ikkondizzjonata ejjew issa ma nabbużawx minnha! Jintħieġ fuq li jinħtieġ li noqgħodu attenti minnha. L-ewwel nett l-għaliex faċli nibla riħ papali. U riħ fis-sajf mhux ċajta! Għax jaf il-konsegwenzi tiegħu ma jkunux żgħar daqskemm naħsbuhom. Barra mill-fatt li naf nibqa’ inkarkar bih sajf sħiħ. Anki għall-għadam l-arja kondizzjonata mhi tajba xejn. L-aktar fejn tidħol l-artrite. Mela ejjew inkunu bil-għaqal qabel naqbdu nidħlu fiha bla kont. Imbagħad l-arja kondizzjonata, almenu personalment, dejjem iġġibli tbissima. U se ngħidilkom l-għaliex. Nista’ nimmaġina persuni jorqdu bil-gvieret fl-eqqel t’Awwissu? Tafu li hawn min jagħmel hekk! L-għaliex tant kemm ikessħu l-kamra li jkunu fiha bl-arja kondizzjonata li, minflok li jitfgħu fuqhom il-famuż liżar tas-sajf, ikollhom jirriturnaw lura bil-ġiri għall-gvieret ħoxnin tax-xitwa. Tidher tad-daħk imma din il-ħaġa mhux l-ewwel darba li rajtha isseħħ quddiem għajnejja.

Ġieli s-sħana titfagħna ‘l barra mid-dar. U tistedinna mmorru f’postijiet għall-beraħ fejn nistgħu ngawdu l-arja sabiħa tas-sajf. Bħalissa, waqt li għandi l-fan fuqi jiffriskani jiena u nħarbex dawn il-kelmtejn, qed titlagħli quddiemi l-Belt siekta u pittoreska tal-Imdina. Xi ġmiel ta’ Belt! Passiġġjata ħelwa ma’ din il-Belt li titħaddet il-volumi ta’ storja u ta’ ċiviltajiet mill-aktar qodma ma tagħmilx ħażin. U, m’għandniex xi ngħidu, wara dik il-passiġġjata ħelwa, għad-dawl ta’ qamar, immorru niffriskaw griżmejna b’xi xarba tipika tas-sajf. Inkella nieħdu xi żewġ imgħaref daqshiex ta’ ġelat li żgur tkun iċ-ċirasa fuq il-cake f’din illejla wara passiġġjata daqshekk unika u sabiħa fil-qalba tas-sajf.

Hawn min jippreferi xi ħaġa aktar prattika minhekk. Allura jaqbadlek il-karozza u jmurlek ftit biswit il-baħar. Sabiħ hux tkun tista’ toqgħod ftit quddiem din il-meravilja naturali li ħalqilna l-Mulej, lilna l-Maltin u l-Għawdxin! Il-baħar! X’misteru! Xi profondità ta’ ħsieb! U x’kobor li jħaddanna miegħu! Ma nafx l-għaliex imma meta immur sa ħdejn il-baħar l-ewwel kanzunetta li tiġini f’moħħi u f’qalbi hija dik ta’ Elton John, Song for guy. Nammetti għal darb’oħra: hija kanzunetta pjuttost ta’ qsim il-qalb. Hija biċċa mużika li tirrakkonta t-telfa ta’ Guy, żgħażugħ ta’ 17-il sena, li Elton John, fil-jum eżatt li Guy kien ħalliena, ħass id-dieqa ta’ mewtu. Anki jekk ma kienx jaf li Guy kien miet.

U allura, din il-biċċa mużika ta’ dieqa, naraha ferm adattata biex issieħeb il-baħar. Il-misteru tal-ilmijiet. Għax il-baħar huwa t-tejatru sieket ta’ ħafna dmugħ. Kollox sew! Ħalli ma nkunx pessimist ara! Qed nitħaddet dwar id-dmugħ tal-ferħ! Tal-wasla! Tal-kisba! Dejjem għan-nazzjonijiet ħakkiema li rebħu fuq li rebħu fuq l-għedewwa tagħhom. Inkella, nazzjon bħal tagħna, li anki hu daq l-għana tal-għedewwa bis-sibi u l-piraterija inkella bis-sodisfazzjon u l-ġieħ dejjiemi tar-rebħiet ta’ difiża li wettaqna tul l-istorja glorjuża tagħna bħala Maltin u Għawdxin.

Madankollu ma rridx le nwarrab fil-ġenb id-dmugħ li ġarrabna permezz tal-ilmijiet. Fejnhom il-persuni li ġew mgħarrqa tul il-ħbit fl-għadd ta’ gwerrer li għaddejna minnhom bħala poplu? U baħarna ma kienx ukoll l-ispettatur li, b’qalbu maqsuma, kellu jakkumpanja biżibilju ta’ nies li, tul l-istorja tagħna, kellhom isalpaw lejn artijiet imbiegħda biex jibdew ħajjithom mill-ġdid hemmhekk? U, forsi din fuq nota aktar ta’ swied il-qalb, min jaf kemm il-baħar qed jiġi brutalment imniġġeż minn persuni u organizzazzjonijiet internazzjonali li għalihom buthom kollox u mhux il-wirt komuni tal-umanità? Il-baħar! Li kieku kellu jitħaddet! Anki hu għandu l-istorja tiegħu! Anki hu għandu l-verżjoni tiegħu tal-fatti kif ġraw fih! Anki hu ġie abbużat għal ma nafx kemm il-miljuni ta’ drabi minn terzi persuni li riedu l-qerda ta’ ħaddieħor biex jaħkmu huma!

U mela f’dan is-sajf, fil-postijiet fejn tista’ tagħmel hekk b’liġi, mur iva sa ħdejn il-baħar. Isma’ mill-ġdid xi biċċa mużika sabiħa. Iffriska griżmejk b’naqra inbid friska jew ilma frisk. U, għaliex le, oħroġ mill-cooler xi biċċa ħobż tajba li tinżillek għasel. Fil-kumpanija ta’ ħbiebek. L-għaliex il-kosta sabiħa li l-Mulej ħalqilna bħala Maltin u Għawdxin ma naħsibx li ħalaqha biex inħalluha fil-vetrina! Safejn naf jien ħalaqha għalina biex nieħdu ħsiebha u ingawduha. Imma żgur li ma ħalaqhiex biex ma nersqux lejha minħabba l-multi imposti mill-liġi. Għalhekk l-appell tiegħi lilkom, għeżież ħuti parlamentari taż-żewġ naħat tal-kamra, ħalluna ingawdu l-kosta Maltija bħala familja! Kif konna nagħmlu qabel. Mingħajr ħafna eżaġerazzjoni. Bl-indafa. Imma agħtuna lura l-kosta li tistħoqq bi dritt lilna l-Maltin u l-Għawdxin!

Imbagħad, din l-imbierka sħana, li l-Bibbja tistedinha biex tfaħħar u tgħolli fuq kollox lill-Mulej għal dejjem (ara Dan 3:66), tpespilna wkoll biex, kemm jista’ ikun, nipproteġu ruħna minnha. Inkella malajr toħodna bil-ġiri d-dinja l-oħra. Xi għajnuniet prattiċi waqt il-jiem tas-sħana huma li nilbsu ħafif bħal T-shirt niedi u li nevitaw l-akoħol, it-tè u l-kafè kemm jista’ ikun ħa niffriskaw. Imbagħad nieklu b’mod bilanċjat, ħafif u regolari. Fid-djar u fl-uffiċini tagħna nkunu nistgħu nżommu t-temperaturi aktar friski billi nżommu l-purtieri jew il-blinds magħluqin. U nistgħu anki niftħu t-twieqi f’ħinijiet aktar friski matul il-ġurnata. Anki li nitfu dwal li m’humiex daqshekk essenzjali u affarijiet elettriċi jġibilna aktar frisk. L-għaliex dawn jiġġeneraw aktar sħana. Ejjew ma ninsewx ukoll li biex inżommu ruħna ‘il bogħod kemm jista’ ikun mill-heat exhaustion huwa importanti li nixorbu ħafna ilma jew dak li jissejjaħ isotonic sports drink bil-għan li nerġgħu nibdew inġibu lura l-fluwidi li nkunu tlifna. U, fuq kollox, ejjew nevitaw ix-xemx kemm jista’ ikun.

L-aħħar kelma nħoss li għandi ngħaddiha lil dawk li jqattgħu ġranet fix-xemx ħdejn il-baħar. Ħbieb, noqgħodu attenti l-għaliex ir-raġġi tax-xemx huma katastrofiċi. Ejjew nevitaw inqattgħu jiem ħdejn il-baħar mingħajr il-protezzjoni ta’ umbrella u nintefgħu nixxemmxu f’ħinijet fejn il-qilla tax-xemx tkun fl-aqwa tagħha. Huwa aħna li rridu nibżgħu għal saħħitna. Inkun qed nikser il-ħames kmandament la toqtolx jekk jien ma nieħux ħsieb saħħti. M’hijiex responsabbiltà li noqgħod nilgħaq ix-xemx, ħdejn il-baħar, bejn l-10 ta’ filgħodu u l-5 ta’ filgħaxija. Il-konsegwenzi jafu jkunu serji ħafna! U f’każ li naraw lil xi ħadd ma jkunx qed jieħu n-nifs sewwa, iħawwad f’diskorsu, iħossu ħażin, ibati minn nausea u l-bqija ma niddejqu xejn u inċemplu l-emerġenza.

Uff xi sħana! kemm trid. Imma fejn nistgħu nagħmlu l-parti tagħna biex nevitawha ejjew ma nibqgħux b’idejna marbuta quddiemha!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s