Mhux aħjar dik minn dak?

Print Friendly, PDF & Email

Qiegħdin ngħixu fi żmien ta’ ġenn. U ġenn f’ħafna sensi tafux! Nammettuh jew le! Wieħed mit-tipi ta’ ġenn li qiegħdin ngħixu fih huwa dak li joħolqilna l-imbierek mobile.

Illum kulħadd bil-mobile. Kemm sar komuni l-iPhone! U anki l-iPad! Ibda’ mit-tfal żgħar tagħna. Illum, tifel żgħir, diġà jaf jagħfas u jinnavika f’gadget. Tant hu hekk li mhux darba jew tnejn li ltqajt ma’ ġenituri jew nanniet li ftaħru miegħi kemm uliedhom jew in-neputijiet qriemeċ tagħhom jafu jużaw dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni. Imma din hija parti waħda mill-istampa sħiħa. L-għaliex iltqajt ukoll ma’ ġenituri u nanniet, kważi bojod karti, li l-qriemeċ issa saru jafu wisq ittektku u jinnavikaw f’dak l-imbierek Ipad! Mela bil-mod sieħbi qabel infattru u ngħidu kemm morna tabilħaqq ‘il quddiem.

Din il-biċċa tal-mobile tħadditt fuqha diversi drabi. Imma ma nistax ma nissuktax nitħaddet fuqha meta għad hawn min isuq bil-mobile f’idejh! Anki jekk il-multi, ġustament, jogħlew. Iva aħna nirrejalizzaw f’liema periklu qiegħdin nitfgħu ħajjitna u ħajjet ħaddieħor meta qed insuqu bil-mobile f’idejna? Imbilli l-warden ma jaranix jew ma taranix mhux xorta qed nagħmel kawlata? L-agħar hu meta l-froġa issir traġedja! U l-għaliex dan? Biex nirrispondieh. U nirrispondieha. Biex nibgħatlu il-messaġġ. U nibgħatilha l-messaġġ. Qisu d-dinja kollha qed iddur fuq dak il-messaġġ li rrid nibgħat! Mela kemm sar importanti dan l-imbierek messaġġ!

Jiena u nqalleb id-diskorsi sbieħ li l-Mulej jagħtina permezz ta’ Papa Franġisku sibt diskors li fih, il-Papa, jisħaq fuq kemm huwa mportanti li nkunu marbuta mal-Bibbja, almenu daqskemm aħna marbuta mal-mobile tagħna. Isimgħu ftit x’jgħidilna fid-diskors tal-Angelus li tana nhar il-5 ta’ Marzu 2017 fi Pjazza San Pietru, fl-Ewwel Ħadd tar-Randan.

“Bħala Nsara, matul l-erbgħin jum tar-Randan, aħna msejħin biex nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù u naffrontaw it-taqbida spiritwali kontra l-Malinn bil-qawwa tal-Kelma t’Alla. Mhux bi kliemna, ma jiswew xejn. Il-Kelma t’Alla: dik għandna l-qawwa biex tegħleb lil Satana. Għalhekk jeħtieġ li jkollna kunfidenza mal-Bibbja: naqrawha spiss, nimmeditawha, nassimilawha. Il-Bibbja fiha l-Kelma t’Alla li hija dejjem attwali u effikaċi. Xi ħadd staqsa: x’jiġri kieku kellna nittrattaw il-Bibbja kif nittrattaw il-mobile tagħna? Kieku nġorruha dejjem magħna, jew tal-anqas il-ktejjeb tal-but bl-Evanġelju, x’jiġri?; kieku kellna nerġgħu lura jekk inkunu nsejniha: int tinsieh il-mobile? – Oh! Insejtu, ħa mmur lura biex inġibu; kieku niftħu l-Bibbja aktar minn darba matul il-ġurnata; kieku naqraw il-messaġġi ta’ Alla li jinsabu fil-Bibbja bħalma naqraw il-messaġġi tal-mowbajl, x’jiġri? Huwa ċar li l-paragun hu paradossali, imma jġegħlek tirrifletti. Fil-fatt, kieku kellna l-Kelma t’Alla dejjem f’qalbna, ebda tentazzjoni ma tkun tista’ tbegħedna minn Alla u ebda ostaklu ma jkun jista’ jtellfilna t-triq tas-sewwa; ta’ kuljum inkunu nistgħu nagħrfu negħlbu s-suġġestjoni tal-ħażen li hemm ġo fina u barra minna; insibu li għandna ħila ngħixu ħajja irxuxtata skont l-Ispirtu, nilqgħu u nħobbu lil ħutna, speċjalment lill-aktar dgħajfa u fil-bżonn, u anki lill-għedewwa tagħna”.

Sabiħa hux! Kieku kellna nittrattaw il-Bibbja kif nittrattaw il-mobile tagħna! Ngħiduha kif inhi: hawn min għandu application fil-mobile tiegħu biex minnha jaqra l-Bibbja. Bħalma hawn min ukoll għandu application li biha jitlob il-Brevjar. Lil dawn in-nies nifirħilhom! L-għaliex, b’għaqal kbir, qiegħdin iħarsu lejn it-teknoloġija moderna bħala l-ħmar li fuqu jirkeb Ġesù, is-Sultan. L-istess nifraħ lil min qed juża’ l-Facebook bħala għodda għall-evanġelizzazzjoni għall-udjenza online. Imma, fil-verità, mhux kulħadd għandu dawn l-applications fuq il-mobile tiegħu. Allura, minflok li qed inħallu t-teknoloġija isservina nispiċċaw li nsiru skjavi tagħha aħna stess.

Mela, jekk għandek mobile jew iPhone, niżżel iva application tal-Bibbja ħa toqgħod taqraha. Tismagħha. Ħa tibnik. Niżżel iva l-application tal-Brevjar. Tista’ iżżur il-website Laikos. U hekk, filwaqt li tibqa’ aġġornat mal-aħħar żviluppi tat-teknoloġija tuża’ l-istess teknoloġija ħa tressqek lejn il-Mulej.

Wara kollox, aktar milli dik aħjar minn dak mhux aħjar li kieku dik tkun f’dak u hekk ikollok il-Bibbja fil-but ta’ kiesaħ? Hekk jew b’hekk ma jkollokx l-ispjazzju tal-ktejjeb li jista’ jiżgumbralek il-but. X’taħseb sieħbi?

One thought on “Mhux aħjar dik minn dak?”

  1. Fr.Mario thiught you give us a thought today to share the Porzuncola indulgence.
    Thanks
    Marie

Leave a Reply

%d bloggers like this: