Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Kemm xtaqt kont nafu!

Kemm xtaqt kont nafu!


Fl-Ordni Franġiskan Kapuċċin, bħal kull familja reliġjuża oħra, kull membru huwa rigal uniku u mprezzabbli. Kull membru għandu x’joffri. Għax kull membru huwa persuna. U, kull membru, jifforma din il-familja sabiħa li għandha skop ċar ħafna fil-Knisja u fid-dinja.

Kemm tagħmel sewwa dik il-familja li, kull tant żmien, l-aktar fl-anniversarji tagħha, taqbad mill-ġdid l-album tal-familja. U terġa’ titawwal ftit ir-ritratti bil-għan li tapprezza l-imgħoddi kollu tagħha. Dak l-imgħoddi li, kien kif kien, u issawwar kif issawwar, huwa parti sħiħa minn dik il-familja. Illum nixtieq, b’ħafna mħabba, rispett u ammirazzjoni kbira, infakkar it-tifkira għażiża ta’ Patri Feliċjan Bilocca OFM Cap. Dan l-għaliex din is-sena, sewwasew nhar il-5 ta’ Mejju tal-1987 li għadda, jiġifieri 30 sena ilu, huwa daħal jistrieħ fl-eternità.

Għal nies ta’ ċerta età Patri Feliċjan huwa persuna għal kollox familjari. Personalment, meta kont daqxejn ta’ tifel, ta’ mhux aktar minn 4 snin, kont nisma’ leħnu sod u jriegħed kull nhar ta’ Ħamis, fis-7.00 pm fuq ir-Rediffusion. Barra minhekk ġieli kont narah ukoll imexxi l-magħruf programm fuq Xandir Malta bl-isem Djalogu.

Imwieled bħala Carmelo Bilocca, Patri Feliċjan twieled fi Triq il-Miratur fi Floriana, nhar l-1 ta’ Ġunju 1914. Missieru, Giuseppe Bilocca, u ommu, Elena Agius, kellhom tlettax-il ulied. Carmelo kien it-tielet wild tagħhom. Huwa irċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola Primarja ta’ Floriana u mbagħad issuktaha aktar tard fil-Model School fil-Belt Valletta minfejn huwa għadda biex jissokta jagħmel aktar studji fil-qasam tal-inġinerija fl-iskola Nixon.

Qabel spiċċa l-kors tiegħu huwa talab lill-Aħwa Franġiskani Kapuċċini biex jilqgħuh bħala novizz. Huwa beda s-sena tan-novizzjat tiegħu nhar it-22 ta’ Settembru ta’ l-1929. Patri Feliċjan kien ordnat saċerdot mill-Arċisqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien Mons. Mikiel Gonzi. Minħabba l-kapaċitajiet intellettwali li kien imżejjen bihom Patri Feliċjan intbagħat Ruma, sewwasew fl-Università Pontifiċja Gregorjana. Minn din l-università prestiġjuża Patri Feliċjan kiseb id-dottorat fit-Teoloġija Dommatika u kif ukoll diploma fis-Soċjoloġija u fl-Ekonomija Soċjali. B’din il-lawrja Patri Feliċjan kien wieħed mill-ewlenin letturi Maltin li kienu jgħallmu s-soċjoloġija f’pajjiżna. Dan is-suġġett tant kien għall-qalbu li, matul is-snin, kiteb diversi kitbiet dwar dawn il-materji soċjali. Fuqhom huwa ppriedka mijiet ta’ omeliji.

Fl-1949 Patri Feliċjan ġie uffiċċjalment maħtur bħala Kappillan tal-Parroċċa tagħna, tat-Trinità Qaddisa, fil-Marsa. Huwa dam jaqdi l-ministeru tiegħu ta’ Kappillan tal-Marsa sal-1958. Matul il-ministeru tiegħu Patri Feliċjan baqa’ mfakkar għall-isforzi kbar tiegħu biex in-nies tal-Marsa jgħixu b’dinjità. Kien b’riħtu li nbniet il-Knisja ta’ Marija Reġina li, aktar tard, saret parroċċa awtonoma. In-nies lil Patri Feliċjan ħabbietu bil-kbir. Dan seta’ kien ta’ skumdita għal xi wħud. Għalhekk, fid-djarji tiegħu, huwa qal li s-superjuri tiegħu kienu neħħewh minn Kappillan u bagħtuh fil-kunvent ta’ Floriana minħabba din il-popolarità li kien igawdi.

Kien x’kien il-każ Patri Feliċjan kull fejn kien ġid il-Mulej għamel bih. Minħabba l-karattru dixxiplinat tiegħu u, fuq kollox, minħabba l-kontribuzzjonijiet soċjali u intelletwali li għalihom kien tant imsemmi, Patri Feliċjan kien ta’ influwenza kbira fuq l-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Mikiel Gonzi.

Meta wieħed isemmi l-figura interessanti u kariżmatika ta’ Patri Feliċjan ma jistax ma jsemmix il-kontribuzzjoniet kbar tiegħu fil-qasam tal-ġurnaliżmu. Bħalissa jiġuni l-mijiet ta’ artikli li kiteb matul is-snin fil-ġurnali lokali, l-aktar fil-Leħen is-Sewwa u fl-Orizzont. Patri Feliċjan kien iħobb jiffirma dawn l-artikli tiegħu taħt in-nome de plume Don Camillo, Baruk u Von Galen. Ta’ min wieħed isemmi li l-aħħar artiklu li kiteb kien biss ftit jiem qabel ħalliena. Għalhekk Patri Feliċjan baqa’ jikteb sal-aħħar. U, biex ngħid hekk, obda l-għamar li kien ta San Ambroġ lil Santu Wistin meta dan kien ikkonverta, jiġifieri li l-linka li kien tah kellu jużaha kollha.

Fl-artikli tiegħu Patri Feliċjan kien iddefenda l-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika matul l-interdett tas-sittinijiet. Anki jekk, b’mod personali, it-tendenza politika tiegħu kienet dik xellugija. Patri Feliċjan kien ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Partit tal-Ħaddiema Insara li kien immexxi minn Tony Pellegrini. Wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-1971 fejn il-Partit Laburista rebaħ dawn l-elezzjoni ġenerali Patri Feliċjan tħabbeb mal-Partit u kien wieħed minn dawk li ħadem kemm felaħ biex ikun hemm ir-rikonċiljazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat.

Kif diġà semmejt qabel Patri Feliċjan kien magħruf ukoll fil-qasam tax-xandir, l-aktar fuq ir-Rediffusion u, aktar tard, għall-preżenza tiegħu f’ħafna programmi televiżivi, l-aktar fi Djalogu. Ta’ min jgħid li kien b’riħet Patri Feliċjan li s-Soċjetà tal-MUSEUM setgħet tikseb il-biċċa art fi Blata l-Bajda, fejn illum wieħed isib il-kwartieri ġenerali tagħha u kif ukoll il-kappella tas-Soċjetà.

Patri Feliċjan ħalla dan il-wied tad-dmugħ nhar it-Tlieta, 5 ta’ Mejju 1987, fl-età ta’ 72 sena, wara ftit jiem fl-Isptar San Luqa. Mijiet attendew għall-funeral tiegħu li sar fil-Knisja tagħna l-Kapuċċini ta’ Floriana.

Patri Feliċjan jibqa’ l-figura ekkleżjastika li pprova jgħix dak li kien ixandar u jikteb dwaru, jiġifieri id-djalogu u kif se jgħin lill-fqir. Bit-tlugħ u l-inżul tiegħu Patri Feliċjan jibqa’ il-Patri tat-televiżjoni, tal-ġurnali u, fuq kollox, tal-poplu. Dan seta’ jagħmlu l-għaliex kien midħla sewwa tal-persuna ta’ Kristu u tat-tagħlim tiegħu adattati għaż-żminijiet tallum. F’Patri Feliċjan nara ħafna ħajja l-ideja li wieħed jibqa’ jaġġorna ruħu u ma jibżax jaffronta ruħu ma’ sitwazzjonijiet soċjali u politiċi li jiskomodawh. Fih nara l-umiltà ta’ bniedem li mexa fuq il-prinċipji sodi tal-vokazzjoni tiegħu imma, u fl-istess waqt, kien attent ukoll għas-sinjali taż-żminijiet li fihom għex.

Tista’ ma taqbilx ma’ dak kollu li kiteb u xandar. Biss, taqbel miegħi, li Patri Feliċjan Bilocca OFM Cap kien il-Patri ta’ Kristu fil-poplu tiegħu. Fuq din xtaqt insaqsieh fuq li nsaqsieh. B’qasma ta’ qalb oħtna l-mewt ħaditulna. Għalhekk xtaqt kont nafu!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: