Il-Vatikan bi kliem iebes għall-President tal-Venezuela

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 6 ta’ Awwissu 2017: Il-Vatikan kellu kliem iebes fil-konfront tal-President tal-Venezuela Nicolàs Maduro u ħeġġu jirrispetta r-rieda tal-poplu u anke l-kostituzzjoni tal-pajjiż.

Wara l-elezzjoni tal-Ħadd li għadda, is-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan ħeġġeġ lil Maduro biex minnufih iwaqqaf il-pjan tiegħu li jifforma Assemblea Konsitwenti ġdida li fi kliem il-Vatikan se twassal għal tensjoni u konfrontazzjoni minflok rikonċiljazzjoni u paċi.

Dan jikkuntrasta sew ma’ dak li qal Maduro, meta insista li l-Kostituzzjoni ġdida fil-pajjiż sew twassal għal paċi. Mill-banda l-oħra, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li Maduro jrid biss itawwal iż-żmien biex issir elezzjoni.

L-istqarrija tal-Vatikan ġiet ftit taż-żmien wara dikjarazzjoni oħra mill-Konferenza Episkopali tal-Venezuela li saħqet li l-elezzjonijiet imorru kontra l-kostituzzjoni u se jagħmlu ħafna aktar ħsara milli ġid.

L-Isqfijiet kienu qalu li Kostituzzjoni ġdida, kif iridha Maduro, se tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-poplu minflok issolvi l-problemi ta’ nuqqas ta’ ikel u mediċina, ħajja għolja u l-kriżi finanzjarja.

Il-Ħadd li għadda, Maduro ddikjara rebħa kbira u qal li t-turnout juri l-fiduċja li n-nies għandhom fih. Minkejja dan, Il-kumpanija li pprovdiet is-sistema tal-votazzjoni fil-Venezwela, allegat li ġew imbagħbsa ċ-ċifri tal-għadd ta’ nies li vvotaw.

Skont Reuters, 30 minuta qabel ma għalqu l-postijiet tal-votazzjoni kienu ħarġu jivvutaw 3.7 miljun persuna biss. Dan jikkuntrasta sew mat-8 miljun li ħabbar Maduro.

Fl-aħħar jiem ġew arrestati wkoll żewġ uffiċjali għolja tal-Oppożizzjoni li kienu
qed jinżammu arrestati f’darhom.

Intant il-Vatikan qal li l-Papa Franġisku qed isegwi s-sitwazzjoni dejjem tiggrava u qed jitlob għall-pajjiz. Ħeġġeġ ukoll lill-Insara kollha biex jingħaqdu miegħu fit-talb għall-Venezuela.

Minn kemm ilu li beda l-kunflitt, ftit tax-xhur ilu, diġà mietu madwar 100 persuna.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading