Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Annimali! Bierku lill-Mulej!

Annimali! Bierku lill-Mulej!


L-għodwa tal-Ħadd, 28 ta’ Mejju, kien jum li ma ninsieħ qatt! Minbarra li kien jum tabilħaqq xemxi u sabiħ, kif taf tagħmel ir-rebbiegħa Maltija, kien ukoll il-jum tat-tberik tal-annimali.

Fl-aħħar il-ġurnata tant mistennija kienet waslet. Hekk kif intemmet il-quddiesa tas-7.30 am, fil-Parroċċa tal-Marsa Trinità Qaddisa, dlonk ġie għalija Ray biex immur inbierek l-annimali. Wara li sellimt lin-nies kollha li kienu preżenti għall-quddiesa flimkien ma’ qassis Għawdxi li kien qed jikkonċelebra miegħi, dħalt fis-sagristija. Neħħejt l-ilbies sagru, tlajt b’ġirja waħda fuq, f’kamarti, ħadt l-istola u l-asperġes u … għall-barra. Għat-triq! Kif iridna nagħmlu l-qassisin, il-patrijiet u s-sorijiet Papa Franġisku!

X’ħin wasalna fuq il-post fejn kellha issir iċ-ċelebrazzjoni tat-tberik tal-annimali rajt quddiem għajnejja biżibilu ta’ dawn il-ħlejjaq tassew ħelwin. Innutajt li kien hemm ħafna żwiemel. Uħud minnhom kienu Franċiżi, oħrajn Olandiżi, u oħrajn minn pajjiżi oħra. Imbagħad rajt il-klieb ta’ kull daqs ukoll, imsieħba, sintendi, ma’ sidienhom. Ilkoll kemm huma kienu qiegħdin jistennew lil Patri biex jibda’ t-tberik. X’ħin rajt dawk l-annimali kollha aqta’ kemm ħadt gost! F’qalbi għedt: “Mur ġib lil San Franġisk eh! Ara x’festa kien jagħmel hawn?”

Għalhekk, imqanqal mill-eżempju qaddis u tassew qalbieni tiegħu, ħadt l-opportunità biex mmellishom u nitħaddet naqra magħhom. Taf li fehmuni! Tisktanta hu! Għax annimal jintebaħ jekk qalbek tkunx miftuħa għalih jew le. Iħossok! Mela aħseb u ara bniedem x’jagħmel? Veru? U kemm għandna tabilħaqq niftħu qalbna għal xulxin! Ejjew il-ġebel nużaw biex nibnu djarna u mhux niksu bih qlubna! Kontra xulxin! X’taħsbu?

F’dawk il-waqt niltaqa’ ma’ raġel li, għal xi żmien, kien jagħmel parti minn ordni reliġjuż. Tassew li ħadt gost nitħaddet miegħu! Fid-diskursata tagħna semmieli xi ismijiet ta’ Patrijiet minn tagħna u minn tal-ordni li kien jagħmel parti minnu hu fil-passat. Imbagħad ħariġli b’waħda li sammarni meta qalli: “Ma nistax nifhem kif ċertu Patrijiet jibqgħu l-kamra meta hawn tant xogħol xi jsir”. Hekk hu ħabib! L-għażż huwa l-għadu tar-ruħ! Hekk kien isejjaħlu San Franġisk! Kif nistgħu, min hu bħali, jħalli rieqed fih dan il-ministeru daqshekk kbir meta tant hawn bżonnijiet kbar fl-arċidjoċeżi tagħna? Kif nistgħu naffordjaw nkunu parti minn dak il-grupp li, minflok jirgħu l-merħla tal-Mulej, jaħslu jdejhom u ma jagħmlu minn kollox biex jew ma jagħmlu xejn inkella jagħmlu kemm jista’ ikun mill-inqas? U mhux għalhekk li Papa Franġisku jridna nxammru jdejna u naħdmu? Iridna nqattgħu ħinna magħkom, in-nies, nisimgħukom u nakkumpanjawkom? Inkella jien għalfejn sirt Patri? Biex nieħu l-gradi akkademiċi u nagħmel dak li noħlom jien u mhux ir-rieda tar-Ragħaj it-Tajjeb li sejjaħli?

Intant … Kien sar il-ħin biex it-tberik jissokta. Għalhekk ġejt mistieden mill-organizzatturi biex nitla’ fuq il-karozzella ħalli Troy, id-debba, tkun tista’ toħodni sa ħdejn il-kappella ta’ Santa Marija. Miskina Troy! Kellha titqanna iġġorr lili, il-Patri, b’dan il-piż kollu fuq saqajja! Tafu li tħassartha! Miskina! …

Il-vjaġġ li kellna sal-Kappella ta’ Santa Marija kien tassew sabiħ. Kemm ħassejtni sew fil-karozzella l-ħadra. Il-vjaġġ ippermettili nitla’ tela’ u ninżielha. Imbagħad bdejt nara lin-nies wara l-bibien u anki mill-gallarijiet. Kien hemm min xejjirli. U kien hemm min baqa’ jħares ċass lejja. Min jaf x’ra? It-toroq ukoll kienu nteressanti. Kien hemm triq imsemmija għall-qassis li jġib ismi u kien hemm oħra li ġġib id-data ta’ meta għamilt il-professjoni solenni fi ħdan l-Ordni Kapuċċin. Tgħid x’messaġġ ried jibgħatli Man?

X’ħin wasalna ħdejn il-Kappella wieħed mill-organizzatur qalli biex inbierek l-annimali. U hu tahom il-kukkarda. Ngħidilkom il-verità għamilt froġa. Għax minflok li bdejt inbierek liż-żwiemel fuq daharhom beriktom fuq wiċċhom! U, il-povri żwiemel, aqta’ kemm bdew joqomsu! Mela l-Patri beda jisfrattahomlhom! Eh! Imqareb! Aħfruli! Imma anki din kelli nitgħallimha wkoll!

Is-sempliċità tan-nies laqtitni ħafna. Kemm isir ġid bl-umiltà u bis-sempliċità! U mingħajr ħafna daqq ta’ trombi! U, sintendi, fanfarunati! U, bilħaqq, filwaqt li ngħid prosit lil kulħadd ngħid prosit ukoll lil min sponsorja l-kukkardi! U lil min organizza dan it-tberik!

Għax din l-attività daqshekk ħelwa saret biex jiġu mgħejjuna ta’ Puttinu. Prosit ħbieb! U prosit intom għeżież annimali! L-għaliex lill-Mulej ma stajtux tgħinuh aħjar daqskemm għentuh! Meta, bil-preżenza u d-disponibiltà tagħkom, għentu lill-maħbubin tiegħu, lit-tfal! Biex dawn, bl-imħabba tagħkom, jiġu mgħejjuna ħallu Hu jfejjaqhom!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: