Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Din bħal tad-difer

Din bħal tad-difer


Il-ħajja nistħajjilha ġiżirana. Jew, bl-Ilsien Taljan, kullana. Li, fiha, hemm ħafna ġawhar. Mhux importanti jekk waħda tkunx bħall-oħra. Anzi! Jekk ma jkunux bħal xulxin tant l-aħjar! Ħalli hekk, kull ġawhra, tibqa’ dik li hi: ġawhra.

Iva ħbieb! Ġawhar il-ħajja huma l-esperjenzi li ilkoll ngħaddu minnhom. U, fil-ħajja, minn dawn l-esperjenzi hawn minn ta’ kull tip. Esperjenzi żgħar u oħrajn kbar. Sintendi, ma tista’ qatt tqabbel esperjenza ma’ oħra. L-għaliex, jekk tagħmel hekk, tkun qed tagħmel tgħassida mill-kbar nett. Fil-ħajja kull esperjenza fiha l-validità tagħha. Kull esperjenza hija unika. L-għaliex, f’kull esperjenza, hemm l-oriġinalità li tiġi minn Dak li qiegħed hemm fuq, iħokk magħna u, fuq kollox, qiegħed isaltan ġewwa fik u fija. Fil-buzz word ta’ żmienna: l-imbierka u l-povra kuxjenza! Miskina!!!

Niftakarni kont għadni kemm bdejt il-mixja tiegħi Franġiskana Kapuċċina. F’dawk iż-żminijiet fejn, il-mobile, lanqas kien għadu ma ġie ivvintat, f’pajjiżna aqta’ kemm konna ferħanin! L-għaliex, bit-tlajja’ u bl-inżul ta’ kull wieħed u waħda minna, tgħidx kemm konna nieħdu gost ingawdu l-kumpanija ta’ xulxin! Mhux bħallum li nħares forsi darba lejk bis-serqa u l-għaxra l-oħra bir-rankatura lejn il-monitor ċkejken tal-mobile ħa nara x’irċevejt fuq il-whatsapp, il-viber jew fil-mobile stess!

Kien għall-ħabta ta’ Novembru. Għadni narah qisu issa. Ta’ tant snin ilu. Kif spiċċajna mill-ikel, għas-siegħa u nofs, inżilna ilkoll ħdejn il-garaxx ħa mmorru nilgħabu l-football. Hemm arana hi! Lesti! Biex nilgħabu! Ħallieha li kont liebes il-qalziet li bih, fil-quddiesa tas-sebgħa, kont daqqejt fil-Knisja. Imma x’jimporta? Aħna mhux l-aħwa li qiegħdin FLIMKIEN?

Wasalna fil-post fejn illum ma tistax tidħol. L-għaliex sar il-ground ta’ team partikulari tal-football. Kos hux! Kemm jitbiddlu ż-żminijiet! Għal xi s-sagħtejn spiċċajna naqtgħu ħa nagħżlu t-timijiet. Mela dak għażel lil dak. U dak għażel lill-ieħor. U, ir-referee, bis-suffara f’ħalqu, saffar is-suffara. Għalihom! Ħriġna!…

Bdejna l-logħob u l-ballun beda tiela’ u nieżel. Sakemm fl-aħħar ġieni ċans tad-deheb biex nagħmel lob bil-ballun. Dik il-ħabta Maradona kien fl-aqwa tiegħu. Għalhekk, milli kont nosserva fuq it-televiżjoni, jien għamilt bħalu. U … dak li qatt ma ħsibt sar! GOOOOOL! Il-ballun daħal! Eh ħija! Il-Postulant fin! Inrexxielu! Biex tgħaxxaqha dakinnhar kont liebes flok abjad iċċangjat biċ-ċelesti! Ara ftit! Mela veru kont qisni wieħed minn tal-Arġentina, bianco celeste!

Ta’ kontrija, x’ħin rawni niskurja dak il-ġmiel ta’ goal, bil-lob, ma ħamluniex! X’għamlu? Tefgħuli miegħi wieħed mill-aktar players slavaġġ li qatt rat id-dinja. Ħalli jekk, forsi, jgħaddi l-ballun, żgur li ma ngħaddix jien. Dan kien player bħal, ngħidu aħna, kien Claudio Gentile ma’ l-Italja fil-magħruf team ta’ Enzo Bearzot. Kunjomu biss kien Gentile. Imma hu kien xi ħaġa oħra, (li aħjar ma nsemmihiex hawn), għajr Gentile! Imsieken! Kemm attakkanti spiċċaw maħruġa fuq l-istrecher l-għaliex, is-Sur Gentile, għamel waħda minn tiegħu u għamlilhom riġlejhom ragħad!

L-istess għamilli dan il-player li kellu wisq entużjażmu! Kif eżatt ħadt il-ballun telgħali fuq subgħi l-kbir ta’ sieqi l-leminija u, f’dak il-waqt, rajt is-sema miftuħ bl-anġli tilgħin u niżlin bl-uġiegħ li ħassejt. Niftakar li ma stajtx aktar inkompli l-logħba. Kważi nfqajt nibki bl-uġiegħ! Għalhekk, bħalma ġralhom il-klijenti ta’ Claudio Gentile, imsieken, jiena wkoll kelli mmur noqgħod bilqiegħda fuq il-bank tas-siment b’saqajja ‘l fuq. Inwaħwaħ!

Filgħaxija l-qaddis ta’ direttur li kellna qagħad jimmedikali dan l-imbierek subgħa. Kemm kien ikraħ meta kont inħares lejh! It-tbenġila sewdietu tuta! U x’ma jiswiedx miskin! Wara rifsa bħal dik! Donna tat-trakk tal-ġebel! Intant. Iż-żmien beda għaddej u dan l-imbierek ta’ subgħa baqa’ l-istess, iswed. Sakemm ġurnata, wara li nħsilt u bdejt nimsaħ difrejja ta’ riġlejja dan is-subgħa’ l-kbir inqala’! Għall-ewwel bżajt! Imbagħad intbaħt li ma kellix għalfejn. Għaliex, x’ħin għentu jinqala,’ rajt id-difer il-ġdid, abjad abjad, u ġdid fjammant, lest biex jiżżanżan.

Hekk il-ħajja ħbieb! Is-soċjetà tagħna għaddejja minn tibdiliet kbar. Tibdiliet li jafu jixxukkjawna. Xogħlna hu li niżirgħu lill-Mulej. U mbagħad, dak li hu tal-Mulej, jaqla’ ‘il barra dak li hu mdamdam, imbenġel u mirfus.

Eżattament … bħal din tad-difer!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: