Il-maħfra divina: mutur ta’ tama


30. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 9 ta’ Awwissu 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Smajnieha r-reazzjoni ta’ dawk li kienu fuq il-mejda ma’ Xmun il-Fariżew: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?” (Lq 7:49). Ġesù kien għadu kemm għamel ġest skandaluż. Mara mill-belt, magħrufa minn kulħadd bħala midinba, daħlet id-dar tax-Xmun, niżlet f’riġlejn Ġesù u sawbet fuqhom żejt ifuħ.

Dawk kollha li kienu hemm mal-mejda bdew imaqamqu: jekk Ġesù hu profeta, m’għandux jilqa’ ġesti ta’ dan it-tip minn mara bħal dik. Dawk in-nisa, imsejkna, li kienu hemm biss biex tiltaqa’ magħhom bil-moħbi, anki l-kapijiet, jew inkella biex jiġu mħaġġra. Skont il-mentalità ta’ dak iż-żmien, bejn il-qaddis u l-midneb, bejn is-safi u l-imniġġes, il-qasma kellha tkun ċara.

Imma l-imġiba ta’ Ġesù hi differenti. Sa mill-bidu tal-ministeru tiegħu fil-Galilija, hu resaq qrib tal-imġiddmin, l-imxajtnin, il-morda u l-imwarrbin kollha. Imġiba bħal din xejn ma kienet komuni, tant hu minnu li din is-simpatija ta’ Ġesù għall-imwarrbin, dawk li “ma jista’ jmisshom ħadd”, kienet waħda mill-affarijiet li l-iżjed ħawdu moħħ in-nies ta’ żmienu. Hemm fejn hemm persuna qed tbati, Ġesù jerfa’ l-piż magħha, u dik it-tbatija ssir tiegħu. Ġesù ma jippritkax li l-qagħda ta’ tbatija wieħed għandu jissaportiha b’eroiżmu, bħalma kienu tal-fehma l-filosfi Stojċi. Ġesù jaqsam hu fit-tbatija tal-bniedem, u meta jiġi wiċċ imb wiċċ miegħu, mill-ġewwieni tiegħu tnixxi dik l-imġiba li tikkaratterizza l-Kristjaneżmu: il-ħniena. Ġesù, quddiem it-tbatija tal-bniedem, tiġih ħniena; il-qalb ta’ Ġesù hi ħanina. Ġesù tiġih ħniena. Litteralment: Ġesù jħossu jitqanqal minn ġewwa. Kemm drabi fil-vanġeli naraw reazzjonijiet bħal dawn. Il-qalb ta’ Kristu tinkarna u turi l-qalb ta’ Alla, li hemm fejn hemm raġel jew mara li qed ibatu, irid il-fejqan tagħhom, il-ħelsien tagħhom, il-ħajja sħiħa tagħhom.

Għalhekk li Ġesù jiftaħ beraħ dirgħajh għall-midinba. Kemm nies anki llum ikomplu jippersistu f’ħajja żbaljata għax ma jsibu lil ħadd li jħares lejhom b’mod differenti, bl-għajnejn, jew aħjar, bil-qalb ta’ Alla, jiġifieri li jħares lejhom bit-tama. Imma Ġesù jara possibbiltà ta’ qawmien anki f’min għamel tant għażliet żbaljati. Ġesù jinsab dejjem hemm, b’qalbu miftuħa; jiftaħ beraħ dik il-ħniena li għandu f’qalbu; jaħfer, jgħannaq, jifhem, jersaq qrib: hekk hu magħmul Ġesù!

Xi drabi ninsew li għal Ġesù din ma kinitx xi mħabba faċli, bi prezz irħis. Il-vanġeli jsemmu l-ewwel reazzjonijiet negattivi għal Ġesù proprju meta hu ħafer id-dnubiet ta’ wieħed raġel (ara Mk 2:1-12). Kien bniedem li qed ibati doppjament: għax ma setax jimxi u għax kien qed iħossu “fl-iżball”. U Ġesù jifhem li t-tieni tbatija hi ikbar mill-ewwel waħda, tant li minnufih jilqgħu b’aħbar ta’ ħelsien: “Ibni, dnubietek maħfura!” (v. 5). Jeħilsu minn dak is-sens ta’ jasar li jħossu fl-iżball. Hawn xi kittieba – dawk li jaħsbu li huma perfetti: jiġuni f’moħħi tant Kattoliċi li jħossuhom perfetti u jżebilħu lill-oħrajn… x’għafsa ta’ qalb, dan… – xi kittieba li kienu hemm ħassewhom skandalizzati minn dak il-kliem ta’ Ġesù, li jidwu bħal xi dagħwa, għax Alla biss jista’ jaħfer id-dnubiet.

Aħna li mdorrijin induqu l-maħfra tad-dnubiet, forsi “għal prezz tajjeb” iżżejjed, kultant irridu niftakru xi prezz swejna lill-imħabba ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minna jiswa biżżejjed: il-ħajja ta’ Ġesù! Hu kien ikun lest jagħtiha mqar għal wieħed biss minna. Ġesù ma jitlax fuq is-salib biex ifejjaq il-morda, biex jipprietka l-imħabba, biex ixandar il-Beatitudnijiet. Bin Alla jitla’ fuq is-salib fuq kollox biex jaħfer id-dnubiet, għax irid il-ħelsien sħiħ, definittiv tal-qalb tal-bnedmin. Għax ma jaċċettax li l-bniedem jaħli ħajtu kollha b’dan it-“tatù” li jibqa’ ma jitħassar qatt, bil-ħsieb li ma jistax jiġi milqugħ mill-qalb ħanina ta’ Alla. U b’dawn is-sentimenti Ġesù jiltaqa’ mal-midinbin, magħna lkoll.

Hekk il-midinbin jiġu maħfura. Mhux biss iserrħu moħħhom fuq livell psikoloġiku, għax jiġu meħlusa mis-sens ta’ ħtija. Ġesù jagħmel iżjed minn hekk: joffri lill-persuni li żbaljaw it-tama ta’ ħajja ġdida. “Imma, Mulej, jiena ċerċura” – “Ħares ’il quddiem u jien nagħtik qalb ġdida”. Din hi t-tama li jagħtina Ġesù. Ħajja mmarkata mill-imħabba. Mattew il-pubblikan isir appostlu ta’ Kristu: Mattew, li hu traditur ta’ pajjiżu, jisfrutta n-nies. Żakkew, għani korrott – dan żgur kien imlaħħaq fit-tixħim minn taħt – minn Ġeriko, jinbidel f’benefattur tal-foqra. Il-mara tas-Samarija, li kellha ħamest irġiel u issa kienet qed tgħix ma’ ieħor, tisma’ lil min iwegħedha “ilma ħaj” li jista’ jnixxi għal dejjem fiha (ara Ġw 4:14). Hekk Ġesù jibdel il-qalb; jagħmel hekk magħna lkoll.

Nagħmlu sew naħsbu li Alla, bħala l-ewwel għaġna biex minnha jsawwar il-Knisja tiegħu, ma għażilx il-persuni li ma kienu jiżbaljaw qatt. Il-Knisja hi poplu ta’ midinba li jduqu l-ħniena u l-maħfra ta’ Alla. Pietru fehem iżjed veritajiet fuqu nnifsu meta idden is-serduk, milli mill-isforzi tiegħu ta’ ġenerożità, li bihom kien ifettaħ sidru, għax iħossu superjuri għall-oħrajn.

Ħuti, aħna lkoll imsejkna midinba, fil-bżonn tal-ħniena ta’ Alla li għandu l-qawwa li jibdilna u jerġa’ jagħtina t-tama, u dan jagħmlu ta’ kuljum. U jagħmlu! U lil dawk li fehmu din il-verità bażilari, Alla jagħtihom l-iżjed missjoni sabiħa tad-dinja, jiġifieri l-imħabba għal ħuthom, u t-tħabbira ta’ ħniena li hu ma jċaħħad lil ħadd. U din hi t-tama tagħna. Ejja nimxu ’l quddiem b’din il-fiduċja fil-maħfra, fl-imħabba ħanina ta’ Ġesù.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.