Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Preżentazzjoni tal-Ktieb The Gozo Cathedral: Its history and treasures

Preżentazzjoni tal-Ktieb The Gozo Cathedral: Its history and treasures


L-Erbgħa 9 ta’ Awwissu 2017. Messaġġ tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Preżentazzjoni tal-Ktieb The Gozo Cathedral: Its history and treasures (Ed. Joseph Bezzina), Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

img_5480-e1502692809532.jpgDin il-pubblikazzjoni timla vojt li kien ilu jinħass fl-istorja tad-Djoċesi u ta’ Għawdex. Għaddew is-snin u s-seħer ta’ dan il-Katidral għadu jqanqal il-kurżità ta’ ħafna. Dak li jnibbet l-interess mhix il-binja fiha nfisha, imma l-fatt li din hija knisja-katidral. Għalhekk, biex l-apprezzament tagħna jkun sħiħ, ma rridux nieqfu fuq il-ġmiel immedjat jew fuq dak li jidher fil-qoxra, għax inkella nirriskjaw li nħallu taħarbilna r-ruħ ta’ din il-binja monumentali.

Fil-fatt, l-istorja ta’ dan il-Katidral hija magħġuna mal-istorja tal-bniedem tal-bieraħ u dak ta’ żminijietna. Dan il-ktieb mhux biss ktieb storiku, imma ktieb li għandu timbru eżistenzjali. Daqskemm jitkellem dwar l-imgħoddi, daqshekk ieħor huwa relevanti għal-lum. Din il-pubblikazzjoni mhix waħda nostalġika, imma għandha ħarsa mifruxa fuq il-ġejjieni. Għaliex dan il-Katidral huwa espressjoni tar-relazzjoni tal-bniedem mal-Infinit. Dak kollu li jsebbaħ dan it-tempju huwa frott l-impenn ta’ persuni li kellhom rabta mal-Infinit. Ħsibijiethom u xogħolhom huma espressjoni tal-ftuħ li kellhom għall-Infinit. L-esperjenza personali tal-Infinit li kienu jgħixu fil-familji, fiċ-ċentri ta’ formazzjoni u fil-ħwienet tal-artiġjanat tathom il-ħila li joħolqu ħwejjeġ li jintużaw f’dak li għandu x’jaqsam mal-Infinit. Fuq kollox, b’mod kollettiv huma ttrasferew din l-esperjenza tal-Infinit f’din il-binja.

Għalhekk, fl-istorja taċ-ċiviltà tagħna dan il-Katidral twaqqaf biex jesprimi n-natura tal-bniedem li għandu din ir-relazzjoni mal-Infinit. Il-fatt stess li biex ingawdu dan il-Katidral irridu nerfgħu l-ħarsa tagħna ’l fuq, proprju għax huwa mibni fuq għolja, il-pożizzjoni ġeografika tiegħu wkoll tistedinna nħarsu lejn is-sema fejn jgħammar l-Infinit.

Nawgura li din il-pubblikazzjoni, filwaqt li toffrilna l-memorja kollettiva, tedukana biex nikkuraw ir-relazzjoni tagħna mal-Infinit. Iż-żmien huwa prova iebsa għal kollox u għal kulħadd. Għaldaqstant, kif aħna responsabbli biex ma nħallux iż-żmien ikidd u jtemm “il-Katidral tal-ġebel” bil-patrimonju artistiku u kulturali li waslilna mill-imgħoddi, huwa dmir tagħna wkoll li niżguraw li l-“Katidral tal-poplu” jibqa’ jkollu għal qalbu r-relazzjoni tiegħu mal-Infinit.

Ħafna drabi f’pubblikazzjonijiet ta’ din ix-xorta aħna nfakkru persuni li nqisu bħala importanti, bħalma huma ekkleżjastiċi, periti, artisti, arġentiera, u aktar. Din hija ħaġa tajba; imma f’din l-okkażjoni jien nixtieq insellem kategorija oħra ta’ persuni, li għalkemm żgur li taw u għadhom jagħtu s-sehem tagħhom b’risq dan il-Katidral, ħafna drabi ninsewhom jew nippruvaw innessuhom, għax nistħu li huma parti minna!

IMG_5532

Darba qrajt studju li sar fuq ir-reġistri tal-offerti li kienu saru biex inbena d-Duomo ta’ Milan lejn it-tmiem tas-seklu erbatax. Fost dawk li għenu kien hemm mhux biss nies li kellhom but kbir u għalhekk għamlu kontribuzzjonijiet sbieħ, imma kien hemm ukoll dawk li kienu jisilfu l-flus b’interessi għoljin (usurai), nies li marru l-ħabs, kriminali, ħallelin, persuni korrotti u anki prostituti. F’wieħed minn dawn ir-reġistri hemm miktub li darba filgħaxija, waħda prostituta, wara li spiċċat minn xogħolha, għaddiet il-Katidral, għamlet talba lil Marija Bambina u tefgħet l-offerta tagħha. Lis-saċerdot addett biex jirreġistra lil min kien qed jagħmel l-offerta, il-prostituta qaltlu biex fir-reġistru jikteb li hi kienet meretrix (prostituta reġistrata!). Minkejja li kellhom dawn it-tbajja’, dawn l-offerenti kollha kellhom xi għamla jew oħra ta’ relazzjoni mal-Infinit!

Jien konvint li jekk ikollna nanalizzaw ir-reġistri tal-għotjiet ta’ dan il-Katidral – kemm dawk tal-imgħoddi u kemm dawk preżenti – bħal fil-każ tad-Duomo ta’ Milan, niltaqgħu ma’ midinbin ġenerużi. Importanti li nżommu quddiem għajnejna li għalkemm għandhom in-nuqqasijiet tagħhom, huma wkoll miftuħin għal Alla. Dan huwa l-veru poplu ta’ Alla. Għalhekk, nagħmlu l-qalb, għax għalkemm aħna midinbin, kulħadd jista’ jagħti sehmu għall-bini tal-“Katidral tal-poplu” – tal-ġemgħa mxennqa għal Alla.

Għalhekk, irrodd ħajr lil dawk kollha li kkontribwew biex illum għandna din il-pubblikazzjoni li verament tagħmlilna ġieħ. Insellem ukoll lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex illum għandna dan il-Katidral iddedikat lill-Assunta, fosthom ukoll dawk li d-dgħufija tagħhom ma qatgħetilhomx qalbhom milli jibqgħu fi djalogu mal-Infinit. Grazzi.

Ritratti: Betty Bugeja.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: