Alla li jittama


It-Tnejn 14 ta’ Awwissu 2017. Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Velja tal-Għid tal-Assunta, Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu.

 

Fl-Għid tal-Assunta twettqu ħafna tamiet. Min jista’ jgħid kemm ittamaw il-patrijarki, il-profeti u “l-foqra ta’ Israel” biex jaraw lill-Verġni Marija tiftaħ il-bieb tas-Sema u tixref fil-preżenza tat-Trinità! Imma fost dawn kollha, Ġesù kellu l-akbar tama. Nistħajjel li Kristu kien fuq ix-xwiek jistenna li jerġa’ jħaddan u jbus lill-għażiża Ommu wara li temmet il-mixja tagħha fuq l-art. L-għaxqa tiegħi f’dan il-lejl qaddis hija li nikkontemplaw lil Alla jissodisfa t-tama tiegħu. Għax mhux il-bniedem biss jgħix bit-tama, imma Alla wkoll għandu tama kbira. Darba l-Papa Benedettu XVI qal li t-tama ta’ Alla fina tiġi qabel it-tama tagħna fih, hekk kif hu ħabbna qabel ma ħabbejnieh aħna. Importanti ħafna li aħna noqogħdu attenti biex ma niddeluduhx, imma naqtgħulu xewqatu.

Fl-Ittra Pastorali li ktibt għal din il-Festa għamilt referenza għal dak li Ġesù jgħid fil-ktieb tal-Apokalissi: “Ara, jien qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli, jien nidħol għandu” (3:20). Il-ħabbata tal-bieb tagħna tinsab f’idejh. Ma jisforzax id-dħul tiegħu fil-ħajja tagħna. Ma jistax jidħol jekk ma niftħulux, imma jibqa’ jittama li niftħulu biex jidħol u jgħammar għandna.

1Niflu ftit kif Ġesù ġab ruħu man-nies ta’ żmienu. Meta Ġesù qam mill-mewt u deher lill-Appostli, Tumas ma emminx. Quddiem din ir-ras iebsa u n-nuqqas ta’ twemmin, Kristu ma jibagħtux jixxejjer, imma jibqa’ jittama fih u jagħtih ċans ieħor. Il-paċenzja ta’ Alla hija bla tarf. Ġimgħa wara, Ġesù reġa dehrilhom u din id-darba Tumas ra u emmen.

Minkejja li Pietru jiċħdu tliet darbiet, Ġesù ma jaqtax qalbu minnu; imma xħin kien il-waqt, jerġa’ jitfa’ ħarstu kollha tenerezza u tjubija fuqu. Xħin il-ħarsa ta’ Pietru tiltaqa’ ma’ dik ta’ Kristu, Pietru jduq il-benna tal-Mulej. Kristu jibqa’ jittama li bniedem midneb bħal Pietru jagħraf id-dnub tiegħu u jikkonverti. Dan hu l-istil ta’ Alla!

Anki meta l-bniedem ikun għamilha f’rasu li jimbarra l-bieb għal Ġesù, Ġesù jibqa’ jittama fih sal-aħħar. Hekk ġara fil-każ ta’ Ġuda waqt l-Aħħar Ċena. Ġuda kien deċiż li jbigħu, imma Ġesù xorta joffrilu ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb bit-tama li jgħinu jiftaħ għajnejh għad-dawl. Għalkemm Ġesù għandu din it-tama fil-bniedem, hu jħallina ħielsa fit-tweġiba tagħna.

Quddiem id-dgħufija tal-bniedem, Alla għandu paċenzja enormi. Huwa tant jittama fil-bniedem li jagħtih iż-żmien. Lit-tina li ma tagħmilx frott, ma jaqlagħhiex, imma jagħtiha aktar żmien (ara Lq 13:6-9). It-teologu Romano Guardini jgħid li Alla jwieġeb għad-dgħufijiet tagħna bis-sabar tiegħu, u din hija r-raġuni għaliex aħna nittamaw fih. Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla hija djalogu kontinwu bejn id-dgħufija u l-paċenzja ta’ Alla; huwa dan id-djalogu li jgħinna nikbru fit-tama.

Għalhekk, meta qegħdin niċċelebraw l-Għid tal-Assunta li ġab miegħu t-twettiq tat-tama ta’ Alla, niftakru li Alla għadu jittama li aħna wkoll għad nidħlu fl-għamara tiegħu ta’ dejjem.

Ma nixtieqx li jkun hawn min, proprju għax huwa konxju mid-dnub tiegħu, jaqta’ qalbu li għad itemm it-tama ta’ Alla fih. San Bernard jagħtina l-parir biex meta l-kuxjenza tagħna ma tħalliniex noqogħdu minħabba d-dnub tagħna, niftakru li fejn kotor id-dnub, kotrot il-grazzja.  Għalhekk, kuraġġ! Kieku ma hemmx persuni dgħajfa bħalna, kieku ma hemmx raġuni biex Alla jittama. Alla jpoġġi għonqu taħt mannara għalina, għax jaf jistenniena sakemm niftħulu.

Huwa fatt li fl-istorja Alla jafda ħidmiet lil persuni li ma kinux perfetti f’kollox. Mosè jgħid li ma kienx jinqala’ biex jitkellem għax kien tqil f’fommu u fi lsienu (ara Eż 4:10); Isaija jgħid li xofftejh kienu mniġġsa (ara Is 6:4); Ġeremija wkoll jilmenta li ma kienx jaf jitkellem għax kien għadu żgħir (ara Ġer 1:6). U ċ-Ċenturjun jgħid lil Kristu li ma kienx jistħoqqlu li jidħol għandu (ara Mt 8:8). Ġesù ma jitlef qatt tamietu fil-bniedem.

Għalhekk intennilkom: Agħmlu l-qalb! Meta Alla jgħannaqna miegħu, huwa jinsa l-imgħoddi tagħna kollu. Ħadd ma huwa mitluf għal dejjem. Fi kliem il-Papa Franġisku, din hija d-dgħufija ta’ Alla: għandu memorja qasira f’dak li għandu x’jaqsam man-nuqqasijiet. Alla jibqa’ jittama fina anki meta aħna nitilfu t-tama fih.

Jekk Alla għandu din it-tama fl-umanità minkejja d-drammi li toħloq, għaliex aħna ma għandux ikollna tama f’xulxin?

Nitolbu bl-interċessjoni tal-Assunta biex bħalha aħna wkoll ikollna s-sodisfazzjon li naraw lil Alla jitbissem meta naqtgħulu xewqatu.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: