Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Fiż-żgħir qiegħdha d-differenza!

Fiż-żgħir qiegħdha d-differenza!


Is-soċjetà hija minjiera ta’ tagħlim. Ta’ riflessjoni. Ta’ ħsieb. Ta’ sfidi. Ta’ modi differenti ta’ kif wieħed jista’ jara u jgħix il-ħajja.

F’pajjiżna, bħal kull pajjiż ieħor, għandna l-eroj. Il-qalbiena. U dawn, bir-raġun kollu, aħna nfakkruhom permezz tal-mafkar li nwaqqfulhom. Jew, fi kliem aktar sempliċi u li bih niftehmu aktar, tal-monument. Min nagħmlulu monument l-għaliex għamel ħaġa u min l-għaliex wettaq xi ħaġa oħra. Imbagħad, anki fi żmienna, min iwettaq xi ħaġa kbira, bħal min jagħti l-istess ħajtu għal xi ħadd. Anki lil dan jew lil din nagħmlulhom monument. L-aktar bil-pubbliċità li ssirilhom. U dan hu sewwa u xieraq. L-għaliex, ċerti għemejjel qalbiena ta’ altruwiżmu għandhom iva jiġu ippubbliċizzati b’dan il-mod. Xejn xejn ikun hawn min jitħajjar joħroġ mill-gorboġ tal-egoiżmu li qed jgħix fih u jaħseb f’ħaddieħor bħalhom.

Madankollu jeżiżtu wkoll qalbiena siekta. Nies li jgħixu magħna. U aħna, jien l-ewwel wieħed, nagħmlu l-iżball ikrah li noħduhom for granted. Dawn huwa n-nies li jagħtu lilhom infushom kuljum preċett biex int u jien nkunu nistgħu ngħixu ħajja serena. Protetta. U, kemm jista’ ikun, fil-paċi. Dawn in-nies huma wkoll low-key. Ma jidhrux. M’għandhomx il-pubbliċità tal-gazzetti. U tat-televiżjoni bihom ma jafux. Jew l-għaliex ma qalulhomx inkella l-għaliex ma jħossux il-ħtieġa li jagħtuhom prominenza.

Imma jekk aħna se nimxu fuq il-prinċipju li l-klijent għandu raġun allura d-diskors idur daqskemm iddur iċ-ċirasa. Nistiednek issaqsi ftit lil dak li, f’mument tassew ikrah u ta’ paniku, minn moħħu għaddewlu ħsibijiet tassew tal-biża. L-aktar meta sar jaf li lil min fada daħak jew daħket bih jew biha. Għalih, f’dak il-waqt, id-dinja tassew li waqgħet. Allura x’għamel? Ipprova jeħles kollox f’nifs wieħed. Xejn xejn ma jbatix id-daqqa ta’ stallett taċ-ċaħda u r-rifjut li ġarrab.

Sakemm inqala’ min ma nafx minfejn. Dak iva! U dak? Dak li ma jaf bih ħadd! Forsi l-għaliex għal xi wħud ma jagħmilx sens. Jew dik. Li, minbarra, tidher li hi normalissima. Dik! Li lanqas isimha ma jafu. Aħseb u ara kemm se joqogħdu jiġru warajha bil-cameras ħa joħdulha kumment. Imma ħej, f’dak il-waqt diffiċli, kienet hi li bgħatitlu l-private message. L-għaliex diskorsu, fuq il-Facebook, ma għoġobiex. Ratu wisq negattiv.

“Kif int?” kitbitlu. Għall-ewwel weġibha xott xott. Għall-ewwel beda jilgħab bid-diskors. Biex, bħal donnu, jaħrab mill-mistoqsija. Imma, ta’ mara li hi, ma kinitx se tħalli lil min se jgħaddi ż-żmien biha. U reġgħet kitbitlu. L-għaliex kienet tafu mod ieħor. U anki l-għaliex żgur li ma kinitx se tmur kontra dak li kienet qed tħoss f’qalbha. L-inner feeling biex niftehmu!

Hu qatt ma basar li hi kienet se tkun daqshekk insistenti. Mhux insolenti tafux! Imma daqshekk deċiża li tgħinu. Ħaseb li, la darba ġie migdum, issa kien baqagħlu biss pass ieħor, li jiġi mormi u minhemm ma jqumx aktar jekk mhux għall-ħruq. Fil-weġgħa ta’ qalb tiegħu ħaseb li n-nies kollha huma bħal dik jew dak li gidmuh. Ħaseb li kulħadd issa kien ramieh. Imma mhux hi ħabib! Hi baqgħet hemm! Hemm ara! Baqgħet tistennieh ħa jitkellem!

U fl-aħħar, wara daqshekk insistenza minn naħa tagħha, fetħilha. U beda jitħaddet. U ħareġ, bħal lava mill-istonku tiegħu, il-velenu li temgħulu minħabba t-tradiment li għamlulu. Kienet hi li semgħetu. Kienet hi li ħarġietu jieħu kafè. U kienet hi wkoll, avolja mhijiex Kattolika prattikanti, li ħadietu sar-Rendentur tal-Isla ħa jitlob quddiemu. Kif jaf hu. Ħalli jerġa’ isib il-paċi li kien tilef.

Dan huwa biss eżempju wieħed ta’ dawn il-qalbiena siekta li pajjiżna, bihom, huwa tabilħaqq miżgħud. Qalbiena li jħossu għall-proxxmu tiegħu. Li, kif ngħidu, they care! U xi trid għid biex turi ftit imħabba lejn persuna? B’bonġu mżewwaq bi tbissima taf tagħmlilha festa! U anki b’lift, li għalik jaf ma jiswa’ xejn. Dan ukoll jaf jagħmel differenza għal min irid parank biex jiċċaqlaq minn post għall-ieħor.

Aħseb u ara mela li nagħti ħini għall-ħaddieħor. Li dejjem nwieġeb għal dik it-telefonata li fiha ħlief dwejjaq ma nismax. Inkella għal xi messaġġ mimli uġiegħ il-qalb li nirċievi. U dan tagħmluh intom, għeżież nies komuni! Intom! Li, bl-imħabba tagħkom tant tagħmlu differenza fil-ħajjiet ta’ Maltin u Għawdxin ħutna li għaddejjin minn tbatijiet emozzjonali, psikoloġiċi u spiritwali mill-kbar nett!

Ma tridx ħafna biex tagħti l-ħajja lil xi ħadd. Imqar bi tbissima. Stedina għall-kikkra kafè. Għax tiddeċiedi li ttih il-ħin ħa jitkellem. U, għaliex le, titlob miegħu jew magħha. Anki talba żgħira. U, għaliex le, jekk hemm bżonn, tieħdu jinħafer għand saċerdot tal-fiduċja tiegħek.

L-istat Malti żgur li jiftaqar jekk jippremmja lil dawn il-qalbiena li hawn fostna. Imma, għall-grazzja ta’ Alla, hemm il-Mulej li jgħinu. L-għaliex kollha l-ġenna idaħħalhom. L-importanti hu li int u jien nibqgħu inħobbu lil xulxin u lill-oħrajn bl-affarijiet iż-żgħar li nwettqu magħhom. L-għaliex fiż-żgħir qiegħdha d-differenza!

  1. Sr, Domenica Debono
    August 26, 2017 at 8:08 am

    Well done , fr, kemm hi sabiha

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: