Id-Droga hi dragun mirbuħ

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 15 ta’ Awwissu 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija, Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

 

Il-Festa ta’ Santa Marija tfakkarna li għalkemm ħafna drabi l-ħajja hija esperjenza ta’ tensjoni kontinwa bejn il-qawwiet tat-tajjeb u dawk tal-ħażen, it-tajjeb dejjem jirbaħ fuq il-ħażin. Il-ħażin, anki jekk jidher li huwa qawwi u invinċibbli, fl-aħħar huwa tellief. Meta ħafna jaħbtu jċedu quddiem il-forzi tad-dlam, illum Marija Assunta qed tibagħtilna messaġġ ċar u qawwi: qed tgħidilna li l-poter ta’ min hu bla qalb u bla kuxjenza huwa dgħajjef; qed tgħidilna li min dejjem irid jipprova juri snienu biex jigdem, faċli jsib ruħu bla snien.

L-Assunzjoni ta’ Marija hija konferma li għalkemm kienet mhedda mid-dragun omiċida, hija ħarġet minn taħt difrejh mingħajr ebda girfa. Ma’ San Pawl, Marija tista’ tgħid: “Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?”. Għax għalkemm mietet u l-Appostli qegħduha fil-qabar fil-Ġetsemani, il-mewt (espressjoni massima tal-ħażen) ma kinitx it-tmiem tagħha, għax kif jikteb Ġwanni t-Teologu (fit-tieni seklu), wara li poġġew lill-Madonna fil-qabar, “għal tlett ijiem kienu jisimgħu l-ilħna tal-anġli jagħtu glorja lil Kristu li twieled minnha. Wara t-tielet jum, dawn l-ilħna waqfu. Għalhekk kulħadd fehem li l-ġisem safi u prezzjuż tagħha kien meħud fis-Sema”.

Wara li l-pjan tiegħu biex jeqred il-mara u lil Binha li kienet ser tiled falla, id-dragun dar fuq il-bniedem. Meta l-Apokalissi jiddeskrivi dan id-dragun bħala kbir, minn lewn in-nar, b’sebat irjus, b’għaxart iqrun u b’seba’ djademi fuq rasu, din mhix mitoloġija imma personifikazzjoni qawwija u plastika tal-ħażen, tal-egoiżmu assolut u tal-vjolenza. Illum dan il-ħażen biddel il-pil u l-għamla tiegħu, imma xorta għadu theddida għal ħafna; anzi, qed jirnexxilu jħarbat il-ħajja ta’ ħafna u lil xi wħud jeqridhom għalkollox.

Il-Mara rebbieha tal-ApokalissiWaħda mill-espressjonijiet tad-dragun kontemporanju hija t-traffikar tad-droga. Id-droga hija ġerħa serja f’Għawdex tagħna! Diversi qaluli li hawn xibka mifruxa sewwa u fiha qegħdin jinqabdu mhux biss żgħażagħ imma anki tfal taħt l-età. Kif dakinhar “id-dragun kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art”, illum dan id-dragun infernali qed jiknes u jwaddab mal-art lil ħafna minn uliedna fil-fjur ta’ ħajjithom.

Kull post fejn titqassam id-droga għandu joħolqilna tħassib; imma hija tassew umiljanti u fl-istess waqt djabolika li min għandu interess li jinnegozja d-droga qed jinqeda bil-festi patronali tagħna. Waqt li aħna qegħdin għall-kenn hawn ġewwa, jista’ jkun li d-dragun qed iħejji biex b’denbu jolqot u jħassar lil dawk li jkunu fil-marċijiet. Hawn min jinnota li llum naqas il-konsum tal-alkoħol fil-festi – kieku din ħaġa tajba! – imma jekk inhu hekk, kif naraw tant persuni mdamdmin wara l-marċijiet? Kif nispjegaw li sar hemm inqas konsum ta’ alkoħol u żied sewwa l-bejgħ tal-ilma? Huwa minnu li fil-festi l-prezz tal-qratas tal-kokaina jesplodi biex hekk mhux biss jixorbulhom moħħhom imma buthom ukoll?

F’dawn il-jiem ta’ Santa Marija nkantaw l-innu sabiħ “Għawdex kollu tbiddel f’ġenna”. Nibża’ li jekk dan id-dragun jibqa’ jgawdi l-protezzjoni u jitħalla ħieles mingħajr ebda lġiem, ikollna ngħidu xorta oħra – ikollna ngħidu li “Għawdex kollu tbiddel f’ċimiterju” –, għax jekk ma jkunx hemm imwiet fiżiċi, ċertament ikun hemm imwiet psikiċi u soċjali.

Min isir skjav tad-droga mbagħad jagħmel dak kollu li jiġi għal idejh biex jissodisfa d-dipendenza tiegħu. Naf b’familji li ftaqru għax uliedhom inħakmu f’dawn ix-xbieki. Oħrajn, wara li dewquhom id-droga, qabdu t-triq tal-kriminalità, bħalma huwa l-logħob tal-azzard, l-użura u s-serq.

Kien hemm min stagħna sew mill-kummerċ tad-droga, u biex jaħbu dnubhom ħolqu sistemi ‘puliti’ kif jaħslu l-flus. Darba wieħed qalli li meta kien imsiefer daħal f’bar jieħu kafè. Meta ħallas u talab irċevuta, tal-ħanut tah irċevuta ta’ €100! Irrid nittama li s-sistema fiskali ta’ pajjiżna hija serja biżżejjed biex dawn l-abbużi ma jiġrux.

Il-Festa ta’ Santa Marija hija taqbida kontra dan id-dragun.

Importanti nikkonvinċu ruħna li wieħed ma jiġġilidx id-droga bid-droga, lanqas b’dik li tissejjaħ droga ħafifa. Id-droga hija ħażina u ma għandna nagħmlu ebda ċediment jew kompromess dwar l-użu tagħha. Nagħti l-appoġġ tiegħi lill-Fondazzjoni Oasi għall-pożizzjoni tagħha kontra l-leġislazzjoni tad-droga għar-rikreazzjoni. Jekk irridu verament ngħinu liż-żgħażagħ, ejja noffrulhom dawk li fl-Ittra Pastorali sejjaħtilhom “perspettivi serji ta’ edukazzjoni (anki fil-qasam sportiv) u possibbiltajiet ta’ inseriment fid-dinja tax-xogħol”.

Jekk hawn it-theddida tal-ħażen, huwa minnu wkoll li hawn ħafna tajjeb. Il-familja għadha riżorsa imprezzabbli li ma tehdiex tagħmel l-ilqugħ biex il-membri tagħha jiġu skansati minn dan id-dragun. Għandna l-forza tal-ordni li bħala gwardjani tal-ġid komuni huma attenti biex ma jonogħsux u jiġrilhom li jagħmlu l-għarix wara li jkun telaq il-bettieħ. Biex il-forza tal-ordni tkun effettiva, hija teħtieġ il-koperazzjoni tas-soċjetà.

Imma hawnhekk irridu nirbħu l-isfida tal-indifferenza. In-narċisiżmu, meta aħna jkun jimpurtana biss minna nfusna u mill-interessi tagħna, jibdel il-qalb tagħna f’waħda tal-ġebel u nitilfu kull sensibbiltà għall-oħrajn. Bir-raġun nittamaw li dawk li għandhom ir-responsabbiltà tat-tmexxija jieħdu deċiżjoni meħtieġa biex jindirizzaw din il-pjaga.

Għalhekk il-Festa ta’ Santa Marija timplika impenn min-naħa tal-komunità Nisranija li bħal Marija tieqaf lil dan il-qerried perfidu u kattiv. Ma nħallux id-dragun jisirqilna t-tama u ningħalqu bħal bebbuxu. Għall-kuntrarju, ħa tistrieħ ħarsitna fuq Santa Marija għax hija għelm qawwi ta’ kuraġġ u tama. Inħarsu lejn xofftejha u nisimgħuha tgħidilna li għalkemm id-dragun għadu jaħbat għalina, ma għandniex għalfejn nibżgħu għax hu diġà ntrebaħ minn Kristu. Kif ktibt fl-aħħar Ittra Pastorali, “jekk l-Għid ta’ Kristu huwa l-pedament tat-tama Nisranija, l-Assunzjoni ta’ Marija hija l-konferma tad-destin pożittiv li hemm għalina u għall-istorja – hija konferma li l-imħabba ta’ Alla tirbaħ fuq dak kollu li hu ħażin u fuq il-mewt”.

Nagħmel appell lil dawk li jmexxu d-droga biex jiftħu qalbhom għall-miżerikordja ta’ Alla. Nemmen li huma wkoll jeħtieġu l-għajnuna. Wieħed jista’ jaħsel il-flus u ma jinqabadx; imma kuxjenza mċappsa bid-demm innoċenti ma tinħasilx malajr! Kuxjenza mdemmija tinħasel biss bil-grazzja ta’ Alla li jaħfer kollox u lil kulħadd. Bl-għajnuna ta’ Alla u tal-Assunta intom ukoll tistgħu tibdew tiktbu paġna ġdida f’ħajjitkom u jkollkom paċi interjuri li ma tinxtarax bil-flus.

Fi kliem il-Papa Franġisku, lanqas l-omiċida ma jitlef id-dinjità personali u Alla stess jiddefendih. U kif jikteb Dostoevskij, “li toqtol lil min qatel huwa kastig bil-wisq ikbar mir-reat innifsu. Il-qtil b’sentenza tal-ġustizzja huwa ferm agħar mill-qtil ta’ min ikun ħati ta’ mġiba kriminali”.

Intenni l-istedina li kien għamel il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-2003: “Knisja fl-Ewropa, kompli kkontempla lil Marija u tagħraf fiha dik ‘l-omm li hija preżenti u tinvolvi ruħha fil-problemi kumplessi li llum qed jolqtu lill-individwi, lill-familji u lin-nazzjonijiet’, u li hija għajnuna għall-poplu Nisrani fit-taqbida bla ma taqta’ bejn it-tajjeb u l-ħażin, biex ma jċedix, u jekk ċeda, tgħinu jerġa’ jqum” (Ecclesia in Europa, 124).

Minn qalbi nerġa’ ntennilkom: daqskemm aħna “l-poplu tal-Għid u l-Hallelujah hija l-għanja tagħna”, daqshekk ieħor aħna “l-poplu tal-Assunta u l-Hallelujah hija l-għanja tagħna”!

Leave a Reply

%d bloggers like this: