Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Iż-żewġt uċuh!

Iż-żewġt uċuh!


Kull darba li ngħaddi minn ħdejn il-Kappella f’Mater Dei nara wiċċ wieħed u wiċċ l-ieħor. It-tnejn li huma rġiel. U għandhom l-istess isem. It-tnejn li huma jisimhom Ġużeppi. Wieħed bit-Taljan, Ġiuseppe. U l-ieħor bl-Ingliż, Joseph jew Joe. Mela San Ġużepp aqta’ x’bokka għandu bihom!

Meta l-Mulej tani l-grazzja li ntella’ clip fuq il-Facebook tiegħi bl-istess isem ta’ dan l-artiklu aqta’ kemm ikklikaw fuqu! U l-kummenti li kien hemm tgħidx kemm kienu sbieħ! L-aktar fuq Fr Joe Saliba OFM Cap. Jiena fraħt l-għaliex għedt: “Xi ġmiel hux meta l-komunikazzjoni soċjali tintuża biex tfaħħar u mhux biex tmaqdar! Biex tippromovi u mhux biex taqta’ l-qalb ta’ dak li jkun! Biex twassal il-valuri tal-Mulej u mhux idejat oħra li jpasparhom il-moħħ adoloxxenti li jitfixkel f’saqajh stess!”

Wieħed mill-Joeijiet, jiġifieri Giuseppe Moscati, kien tabib u bijokimiku. Kemm ħadem b’risq il-marid! Kemm ħalla lill-Mulej jagħmel ġid kbir bih! Kemm kien ġentili! Ħinu tah kollu lil ħaddieħor. Dejjem għaddej! Ma jieqaf qatt! Anki billejl kien jibqa’ jistudja! Waħda mis-sentenzi tiegħu lili tgħidx kemm tolqotni! “Il-mediċina mingħajr l-imħabba ma tiswa’ xejn”. U veru ma tiswa xejn tafux!

Il-professjoni tiegħu ta’ tabib ma kinitx vacuum cleaner biex biha jiġbed flus in-nies mill-but! Lil min tgħid li, b’50 Lira Taljana fil-bidu tas-seklu għoxrin, tagħmel erba’ visti? Trid tkun bla ras! Ajma! L-aktar f’dawk iż-żminijiet fejn, min ried jgħaqqadhom, aqta’ kemm kien jiċċarġjahom bla ħniena lin-nies! Iżda hu ma riedx ikun bħat-tobba l-oħra, lupa għall-flus! Hu ried jaqdi lill-Mulej fil-morda. Bħalma ħafna tobba, inkluż fi żminijietna, għadhom jagħmlu. U dan jagħmluh mingħajr ħafna daqq tat-trombi!

Il-motivazzjoni li wasslietu li jsir tabib kienet waħda qaddisa. Meta kien weġġa’ ħuħ Alberto aqta’ kemm kien ħa ħsiebu! Kien iqatta’ siegħat sħaħ miegħu! U meta kien student, filwaqt li sħabu, fil-kors tal-mediċina, ħalliehom jipprotestaw fuq ix-xejn, hu, minflok li kien jaħli l-ħin fil-pjazzez bħalhom, kien jintefa’ jistudja b’ruħu u b’ġismu! Dan l-aħħar, fl-Italja, (u hawn nixtieq nirringrazzja pubblikament lill-Provinċjal tiegħi, Patri Martin Micallef OFM Cap ta’ l-opportunità sabiħa li tani) iltaqjt ma’ persuna li, in-nannu tagħha, kien ħabib kbir tiegħu. “Kemm kien jgħin lill-fqar Patri!” qatli din il-mara mdaħħla fiż-żmien. Kemm ta mediċini b’xejn! Mhux biss! Imma kien jagħti xirjiet sħaħ lin-nies li ma kellhom xejn! Tmur meta tmur dejjem se jilqgħek f’daru stess. Anki meta kien ikun għajjien mejjet. U qatt ma keċċa ‘il barra lil ħadd. Baqa’ ġentili sal-aħħar ta’ ħajtu. U dik il-puttruna beige, li fuqha ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu, tibqa’ għal dejjem it-tron tal-imħabba kbira tiegħu lejn Ġesù fil-marid. Prosit San Giuseppe Moscati!

U kif nitilqu l-istrixxun li hemm fuq il-koxxa tax-xellug tal-bieb tal-Kappella ta’ Mater Dei, naraw wiċċ ieħor. Il-wiċċ ta’ Patri Joseph Saliba OFM Cap. Min ma jafux lil Fr Joe? L-ex Kappillan tal-Marsa Trinità? Dak il-Kappillan li, għan-nies tal-Marsa, dejjem kellu kliem sabiħ u ta’ inkoraġġiment? Dak il-Kappillan li dejjem kien lest biex jagħti ħinu u saħħtu għalihom?

B’liema delikatezza Fr Joe kien jgħin lil oħrajn! Kien tassew jedifikani! Dejjem lest biex jagħti dik id-daqqa t’id! Dejjem lest li jagħmel lilu nnifsu disponnibli fix-xift tal-Isptar. U kif kont ngħidlu: “Joe, jimporta nibdel ftit ix-xift miegħek fit-tali ġurnata?” L-ewwel tweġiba tiegħu kienet: “Mela le! Ħa nara jekk nistax!” U din il-biċċa xogħol saret mal-Patrijiet ħuti li jaħdmu u ħadmu miegħi f’Mater Dei.

Din il-kelma jien għadni nismagħha f’qalbi u f’widnejja. L-għaliex lil Fr Joe sirt nafu sewwa. Sirt naf x’qalb taħraq kellu għall-Mulej! Sirt naf dak it-talb li kien jitlob. Moħħu dejjem kien: “Ħa mmur ninġabar ftit!” U tibżax! L-għaliex quddiem Ġesù Sagramentat kont issibu l-ewwel ħin li kien ikollu! Kont issibu jitlob bil-Kuruna tar-Rużarju f’idejh!

Bħal San Ġużeppi Moscati Fr Joe Saliba OFM Cap mexa fuq il-parir ta’ Ġesù dwar il-karità: “Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:2-4). Kemm agħmel karità f’ħajtu Fr Joe! L-aktar meta kien Kappillan il-Marsa! Kemm għen nies u ħa paċenzja kbira bihom! X’disponnibiltà kellu għal min hu batut!

Xi kultant nistaqsi lili nnifsi: Minn tant Patrijiet Kapuċċini li huma ħafna aħjar u qaddisin aktar minni l-għaliex kelli nkun jien li nakkumpanjah sal-aħħar qabel jidħol fis-sema? Emmnuni li tweġiba għal din il-mistoqsija m’għandix! Iżda din jien nista’ ngħidha: Inħoss li għandi nippromovi l-ħajja qaddisa li għex! Għalhekk, jekk hemm xi ħadd li qala’ xi grazzja bit-talb ta’ Fr Joe Saliba OFM Cap jista’, jekk irid, jikkuntattjani u jirrakkuntali ftit il-grazzja li jkun qala’ bit-talb tiegħu. L-email tiegħi hu: frmarioa@gmail.com

Giuseppe Moscati u Fr Joe Saliba OFM Cap it-tnejn li huma jiċċelebraw il-jum tad-daħla tagħhom fis-sema nhar is-16 ta’ Novembru. F’wiċċhom it-tnejn li huma jiddi l-wiċċ ta’ Ġesù! Mela jkun xieraq jekk, il-Knisja, ġurnata, tasal li tagħtihom ġieħ it-tnejn li huma!

  1. August 16, 2017 at 1:42 pm

    Giuseppe Moscati kien kanonizzat mill-Papa Ġwanni Pawlu II fil-25 ta’ Ottubru 1987.

  2. Doris Borg
    August 16, 2017 at 1:26 pm

    Grazzi ta’ dak li ghedtilna dwar San Giuseppe Moscati, Qrajt il- hajja tieghu snin ilu u laqtitni hafna. Kif laqtitni ukoll dik ta’ Fr Joe. Nitolbu lil Mulej biex ikun hafna tobb li jimxu fuq l- ezempju taghhom u jaghtu servizz lill- morda b’imhabba.

  3. lucy borg
    August 16, 2017 at 12:33 pm

    Grazzi Fr tal hsibijiet sbieh. Jiena nzertajat nhobbu hafna lil San Giuseppe Moscati u nitolbu ta sikwit ghat tobba b mod specjali biex jaqdu dejjem lil marid bi spirtu nisrani. Li xtaqt nghidlek hu li forsi l ahhar sentenza tal artiklu tista taghti x tifhem li ghadu mhux qaddis. Jista jkun li fhimt hekk jien ta imma xtaqt naghmel din l osservazzjoni. Grazzi Fr u l- Mulej Mieghek

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: