“Ara, se nġedded kollox” (Apok 21:5). Il-ġdid tat-tama Nisranija

Print Friendly, PDF & Email

31. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 23 ta’ Awwissu 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Għadna kemm smajna l-Kelma ta’ Alla fil-ktieb tal-Apokalissi, u jgħid hekk: “Ara, se nġedded kollox” (21:5). It-tama Nisranija hi msejsa fuq il-fidi f’Alla li dejjem joħloq il-ġdid fil-ħajja tal-bniedem, joħloq il-ġdid fl-istorja, joħloq il-ġdid fil-kożmu. Alla tagħna hu Alla li joħloq il-ġdid, għax hu Alla tas-sorpriżi.

Mhuwiex atteġġjament Nisrani dak ta’ min ħarstu dejjem ’l isfel – kif jagħmlu l-ħnieżer: dejjem hekk mexjin – mingħajr ma jerfa’ għajnejh lejn ix-xefaq. Bħallikieku l-mixja tagħna kollha se tieqaf hawn, fuq medda ta’ ftit metri ta’ vjaġġ; bħallikieku fil-ħajja tagħna ma kien hemm l-ebda destinazzjoni u l-ebda post fejn għad irridu naslu, u aħna konna mġiegħla noqogħdu nitlajjaw għal dejjem, mingħajr ebda raġuni għal dan it-taħbit kollu tagħna. Dan mhuwiex Nisrani.

L-aħħar paġni tal-Bibbja juruna l-aħħar xefaq tal-mixja ta’ min jemmen: Ġerusalemm tas-Sema, Ġerusalemm ċelesti. Din hi mistħajla qabelxejn bħala għarix kbir, fejn Alla jilqa’ lill-bnedmin kollha biex hu jgħix għal dejjem magħhom (Apok 21:3). U din hi t-tama tagħna. U x’se jagħmel Alla, meta sa fl-aħħar inkunu miegħu? Jimxi bi ħlewwa bla tarf magħna, bħal missier li jilqa’ lil uliedu kollha li għal żmien twil tħabtu u batew. Ġwanni, fl-Apokalissi, iħabbar minn qabel: “Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin! […] Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel. […] ‘Ara, se nġedded kollox!’” (21:3-5). Alla tal-ġdid!

Ippruvaw immeditaw din is-silta tal-Iskrittura Mqaddsa mhux b’mod astratt, imma wara li tkunu qrajtu kronaka ta’ żminijietna, wara li taraw l-aħbarijiet jew il-qoxra tal-ġurnali, fejn issibu tant traġedji, fejn iġibu aħbarijiet koroh u li lkoll kemm aħna qed nirriskjaw li nidrawhom iżżejjed. U sellimt lil xi wħud minn Barcellona: kemm aħbarijiet koroh minn hemmhekk! Sellimt lil xi wħud mill-Kongo, u kemm aħbarijiet koroh minn hemm! U kemm aktar! Biex inkun semmejt biss żewġ pajjiżi minn fostkom li tinsabu hawn… Ippruvaw aħsbu fl-uċuħ tat-tfal imwerwra mill-gwerra, fil-biki tal-ommijiet, fil-ħolm imkisser ta’ tant żgħażagħ, fir-rifuġjati li qed jaffrontaw vjaġġi terribbli, u huma sfruttati tant drabi… Il-ħajja b’xorti ħażina hi dan ukoll. Xi drabi jiġik li tgħid li hi fuq kollox hekk.

Jista’ jkun. Imma hemm Missier li qed jibki magħna; hemm Missier li jxerred dmugħ ta’ tjieba bla tarf għal uliedu. Aħna għandna Missier li jaf jibki, li jibki magħna. Missier li jistenniena biex ifarraġna, għax jaf minn xiex inbatu u ħejja għalina ġejjieni differenti. Din hi l-viżjoni kbira tat-tama Nisranija, li tikber ta’ kuljum f’ħajjitna, u trid terfagħna ’l fuq.

Ma kienx bi żball li Alla riedna ngħixu, u ġagħal lilu nnifsu u lilna noqogħdu għal iljieli ibsin ta’ tbatija. Imma hu ħalaqna għax iridna ferħanin. Hu l-Missier tagħna, u jekk aħna hawn, issa, qed ngħixu ħajja li mhijiex dik li hu ried għalina, Ġesù jiggarantilna li Alla nnifsu qed iwettaq il-fidwa tagħna. Hu qed jaħdem biex jifdina.

Aħna nemmnu u nafu li l-mewt u l-mibegħda mhumiex l-aħħar kelma mlissna dwar l-istorja tal-ħajja tal-bniedem. Li tkun Nisrani jimplika perspettiva ġdida: ħarsa mimlija tama. Hemm min jemmn li l-ħajja żżomm il-kuntentizza kollha għaż-żgħożija u għall-imgħoddi, u li l-ħajja naqra naqra sejra lura. Oħrajn iżommu li l-ferħ tagħna hu biss għal ftit ħin u ħaġa li tgħaddi, u li l-ħajja tal-bnedmin ma tagħmilx sens. Dawk li quddiem tant traġedji jgħidu: “Imma l-ħajja x’sens fiha? It-triq tagħna hi dak li ma jagħmilx sens”. Imma aħna l-Insara ma nemmnux hekk. Aħna nemmnu li fuq ix-xefaq tal-bniedem hemm xemx li ddawwal għal dejjem. Nemmnu li l-isbaħ jiem tagħna għad iridu jaslu. Aħna nies iżjed tar-rebbiegħa milli tal-ħarifa. Jien nixtieq nistaqsi, issa – kulħadd iwieġeb fil-qalb tiegħu, fis-skiet, imma jwieġeb –: “Jiena raġel, mara, żagħżugħ, żagħżugħa tar-rebbiegħa jew tal-ħarifa? Ruħi tinsab fir-rebbiegħa jew fil-ħarifa?”. Ħa jwieġeb kulħadd għalih. Ejja nħarsu lejn dinja ġdida li qed twarrad, pjuttost milli lejn il-weraq li sfar fuq il-friegħi. Ejja ma ningħalqux fin-nostalġiji tagħna, fil-biki tal-passat u t-tgergir: nafu li Alla jridna werrieta ta’ wegħda u bdiewa bieżla ta’ ħolmiet kbar. Tinsewhiex dik il-mistoqsija: “Jiena persuna tar-rebbiegħa jew tal-ħarifa?”. Tar-rebbiegħa, li tistenna l-ward, li tistenna l-frott, li tistenna x-xemx li hu Ġesù, jew tal-ħarifa, li dejjem wiċċha ’l isfel, imdejqa u, kif għidt drabi oħra, b’wiċċ ta’ bżaru tal-ħall?

In-Nisrani jaf li s-Saltna ta’ Alla, li fiha hu jsaltan bi mħabba, qed tikber bħal għalqa kbira tal-qamħ, anki jekk fin-nofs hemm is-sikrana. Dejjem ħa jkun hemm problemi, ħa jkun hemm min ipaċpaċ, il-gwerer, il-mard… il-problemi. Imma l-qamħ jikber xorta, u fl-aħħar il-ħażen għad jinqered. Il-futur mhuwiex tagħna, imma nafu li Ġesù Kristu hu l-akbar grazzja li għandna fil-ħajja: hu t-tgħanniqa ta’ Alla li hemm tistenniena fl-aħħar, imma li diġà minn issa sseħibna u tfarraġna fil-mixja tagħna. Hu jwassalna għall-“għamara” l-kbira ta’ Alla mal-bnedmin (ara Apok 21:3), ma’ tant ħutna oħra, fejn inqiegħdu f’riġlejn Alla t-tifkira tal-jiem li għexna hawn isfel. Xi ġmiel meta niskopru f’dak il-waqt li xejn ma ntilef, l-ebda tbissima u l-ebda demgħa! Kienet kemm kienet twila ħajjitna, quddiemna tidher bħallikieku nkunu għexnieha f’nifs wieħed. U li l-ħolqien ma ntemmx mas-sitt jum tal-Ġenesi, imma baqa’ għaddej bla heda, għax Alla dejjem ħaseb fina. Sa dak il-jum li fih kollox għad jitwettaq, f’dik l-għodwa li fiha jintemm id-dmugħ kollu tagħna, fl-istess waqt li fih Alla jlissen l-aħħar kelma tiegħu ta’ barka: “Ara – jgħid il-Mulej – se nġedded kollox!” (v. 5). Iva, Missierna hu Alla tal-ġdid u tas-sorpriżi. U dak il-jum aħna nkunu tassew hienja, u nibku. Iva: imma nibku bil-ferħ.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Leave a Reply

%d bloggers like this: