Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Kulur il-larinġ

Kulur il-larinġ


L-oranġo! Kulur il-larinġ. F’Mater Dei għandna żewġ swali li huma imlewna b’dan il-kulur. Intant …

Kont qiegħed għall-kwiet. Nieħu dik in-naqra kafè tajba tajba. Filgħodu! U, aħfirli għażiż tabib, veru li din id-darba, iva, almenu din id-darba, ma obdejtekx. U ma stajt bl-ebda mod nobdik! Ħeqq! Taf int. Ta’ darba hux! Għal din id-darba t-tentazzjoni għelbittni. U s-sinjura Gula, (insomma fil-każ tiegħi sinjorina), ħadet naqra tas-sopravvent hi. Għax dakinnhar fettilli nieħu pastizz tond tal-irkotta. Iva! Ħadtu għodu għodu. U bla skrupli ta’ xejn. Niftehmu! Aqta’ kemm niżilli tajjeb! Ħeqq! Forsi għax għalija naqra waħda ipprojbit mit-tabib. U tiskanta kemm dak li hu ipprojbit, almenu għall-bidu, jinżel ħelu manna. Insomma … kiltu.

U x’ġara wara li kiltu? Hawn hu l-interessanti. Jgħaddi hu. Ilni issa nafu. L-għaliex spiss ikun ir-restorant. Sellimtlu. “Bonġu sieħbi!” U hu, ta’ ġentlom li hu, reġa’ mill-ġdid sellimli lura. “Bonġu Patri!” qalli. Insomma. Kelma minn hawn u kelma minn hemm u, bil-ġentilezza kollha tiegħu, fettillu joqgħod bilqiegħda faċċata tiegħi. Kemm kemm jgħattili d-dawl tax-xemx li kien se jibda’ jiġbidli l-video ta’ filgħodu. “Allura! Kif aħna?” bdejtlu jien biex bħal speċi nkisser naqra s-silġ. “Għaddej Patri!” weġibni.

“Taf x’qed naħseb bħalissa?” bdejtlu jien. “Fil-kulur oranġo. Fil-kulur tal-larinġ”. “Int ma nafx minfejn iġġibhom Patri”, weġibni sħun sħun. “Ħa ngħidlek l-għaliex”, issuktajtlu jien. “L-għaliex kull darba li nkun riekeb f’karozza (u jien dejjem isuquni l-għaliex paqqa m’għandix u nsuq ma nafx) dejjem ninnota bil-movimenti li jsiru meta jkun hemm il-kulur oranġo mixgħul. Imma dan il-kulur xi jfisser eżattament fis-sewqan?” staqsejtu kurjuż kurjuż biex, almenu, naċċerta ftit ruħi.

“Ħa ngħidlek Patri!” beda jfissirli. “L-oranġo jista’ ifisser li int għandek tieqaf. L-għaliex ikun se jeqleb il-kulur aħmar. Jista’ ifisser ukoll li sakemm għadu oranġo tista’ tibqa’ għaddej la tkun fil-venja u l-kulur aħmar ikun għadu ma qalibx”. “Tajba din!” weġibtu. “Qisni qed nara kontradizzjoni hawn. L-għaliex f’naħa waħda għandi nieqaf u f’naħa oħra għandi nibqa’ għaddej. Mela tista’ tgħidli x’għandi nagħmel eżattament? Nieqaf jew nibqa’ għaddej?”. U hu, bis-solità tbissima fuq wiċċu, weġibni hekk: “Patri! Trid tuża naqra moħħok”.

Emmnuni ħbieb! Milli bdejt nara, almenu f’dak il-ħin, mhux naqra trid tużah moħħok imma ħafna! Il-bużillis qiegħdha, kif inħobb ngħid, li l-moħħ huwa l-batterija. U l-batterija dejjem batterija tibqa’. U ifhmuni! U jekk ma tkunx iċċarġjata sewwa taf tmur ukoll! “Nista’ nistaqsik xi ħaġa ħabib?” staqsejtu mill-ġdid mhux sodisfatt mit-tweġiba li ħadt. “Int kif wasalt għal din il-konklużjoni?” U hawn, mingħajr ħafna tidwir, irrakkuntali storja li ġagħlitni naħseb mhux ftit.

“Eh Patri!” beda jirrakkontali r-raġel. “It-triq għallmittni tagħlima mill-kbar nett lili. Għalkemm ilu ħafna żmien li seħħet din il-ġrajja xorta waħda t-tagħlima tagħha baqgħet friska friska f’moħħi. U ma nista’ naqalgħha b’xejn minnu.” “Mela x’ġaralek sieħbi?” għedtlu jien. “Ħa ngħidlek x’ġarali mela,” issokta hu. “Konna għaddejjin għall-affari tagħna jien, marti u wliedi. Meta wieħed, ma nafx minn fejn inqala’, ġie quddiemna. Tana qatgħa tal-beati Pawli! F’dak il-ħin, bil-qatgħa li tana, tilifni! Kulma għedtlu kien: ‘Int hekk tagħmel? Kont fqajtni?’ Niftehmu. Veru li għollejt leħni. Imma mhux biex nitkessaħ. Għollejtu l-għaliex veru werwirna bil-qatgħa li tana. Insomma, imbagħad ġrat xi ħaġa tal-biża’. Wieħed sakkarni minn quddiem b’karozza u l-ieħor minn wara b’karozza oħra. Nieżlu tnejn u wieħed żammli l-bieba filwaqt li l-ieħor ta daqqa ta’ ponn u weġġgħali lil marti. Imsieken uliedi! Werwruhomli! Minn dakinnhar ‘l hawn tgħallimt li fil-ħajja għandi nċedi. U ma ntawwalx ilsieni iżżejjed”.

“Jiddispjaċini ħabib!” dlonk weġibtu jien b’demgħa f’għajnejja. Daqskemm ħassejt għalih quddiem din il-pesta ta’ dawn il-bulis. “Xi prezz għoli kellek tħallas biex titgħallem din it-tagħlima”. “Eh Patri!” qalli. “Kemm ilu wieħed qala’ xebgħa ħadida fuq hekk?” “Issa qisu qed niddakru nieħdu l-ġustizzja b’idejna”, weġibtu jien. “Iva Patri! Din l-istorja ilha sejra hekk barra”.

Kemm hi ta’ swied il-qalb hux meta kulħadd jibda’ jieħu l-liġi b’idejh! U kemm jagħmlu sewwa l-awtoritajiet lokali li jinfurzaw sal-gerżuma l-liġi! L-għaliex mhux sewwa li min hu buli jibqa’ għaddej qisu mhux hu. Le! Il-forza tal-liġi għandha tiġi nfurzata għal min jaqa’ u jqum minn ħaddieħor. Anzi! Hi għandha tmexxina!

Barra minhekk dan ir-raġel għallimni ħaġa tabilħaqq importanti u li għandi nipprattika f’ħajti: l-għaqal li nuża moħħi. Jiġifieri li niddixxerni. Jew aħjar li nagħraf x’għandi nagħmel. Prattikament li minn fuq il-batterija ngħaddi għaċ-charger! Li nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtini d-dehen biex inwettaq biss ir-rieda tal-Mulej f’dik is-sitwazzjoni ta’ ħajti. Mill-iċken sal-ikbar ċirkustanzi li ngħaddi minnhom! L-għaliex, ħbieb, kemm huwa meħtieġ li nkunu għaqlin f’kull sitwazzjoni! Kemm huwa għaqli li jien, bil-qawwa tal-Mulej, inkun naf meta għandi nitħaddet u meta għandi niskot. It-timing fil-ħajja huwa kollox!

Jiġini bħalissa, ħelu u ħelu u bħaż-żiffa tas-sajf jaħraq tagħna l-Maltin, dak it-test Bibliku, minn ktieb Koħèlet, fejn jitħaddet fuq li kollox, fil-ħajja, għandu żmienu. “Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: Żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel; żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq; żmien li ġġarraf, u żmien li tibni; żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen; żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru; żmien li tgħannaq, u żmien li tiċċaħħad mit-tagħniq; żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa’, u żmien li tarmi; żmien li tqatta’, u żmien li ssewwi; żmien li tiskot, u żmien li titkellem; żmien li tħobb, u żmien li tobgħod; żmien it-taqbid, u żmien il-paċi” (Koħ 3:1-8).

Mulej, fakkarni li, meta nara larinġa, jew meta nkun riesaq u riesaq lejn il-lights u jkunu oranġjo, niftakar li fil-ħajja kollox għandu żmienu. F’dak il-mument nitolbok li tagħtini l-għerf ħalli nagħmel id-deċiżjoni li tridni nwettaq int. Mhux importanti jekk għandix nistenna inkella nibqa’ għaddej. Fakkarni biss x’għallimtni permezz ta’ dak ir-raġel: UŻA NAQRA MOĦĦOK! Jiġifieri li nħalli lilek tiċċarġjali moħħi bil-qawwa tiegħek O Spirtu Qaddis. Amen!

Oh kemm se nieħu gost nieklu issa, millum ‘il quddiem, il-larinġ! Imma, li kellek tpoġġili l-larinġ kollu xorta waħda dik ta’ Malta nagħżillek. L-għaliex, din it-tagħlima kbira, ħadtha minn Malta. L-għażiża art twelidi. Li, fi kliem il-poeta Ġian Anton Vassallo, “ġewwa bliethom il-frott tiegħek jixtiquh wisq barranin”. Basta imma nuża’ l-għerf li ġej minn fuq! U hekk l-oranġo jibqa’ sabiħ! Ma jitbiel qatt!

  1. Anonymous
    August 25, 2017 at 8:03 am

    Proset fr, berikni

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: