Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Niċċaqalqu mal-mużika?

Niċċaqalqu mal-mużika?


 Xi ġimgħat ilu veru kien jum ta’ sħana. Insomma, bħal dawk li jħobb jagħmel is-sajf ta’ Malta. U jien fettilli nfittex xi ħaġa interessanti fuq YOU TUBE. U x’jitla? Hu! André Rieu!

Dħalt u bdejt narah u nisimgħu jdoqq mal-orkestra The Beautiful Blue Danube. Kemm inkunu qegħdin nistennewh dan il-waltz mill-isbaħ li ħareġ mill-moħħ u mill-qalb ta’ Johnann Strauss it-tifel! U jien, għalkemm is-sajf, u għadna nofs triq ‘il bogħod għall-ewwel tas-sena, bdejt nagħmel ir-rehearsal f’kamarti. Bdejt niżfen it-three fourths. Pass wara pass. Anki jekk, xi minn daqqiet, kont se nieħu subgħi l-kbir bi żbrixx. Abbli d-daqqa ma kinitx tibqa’ pappam, pappam… Imma kienet tinbidel f’xi ħaġa oħra. Insomma! F’idejk Mulej! Għax aħjar hekk! …

Il-waltz! Kemm għoġibtni din! Il-walzt, biex tiżfnu, trid is-sieħeb u s-sieħba. Importanti ħafna li t-tnejn li intom tkunu tafu sewwa l-passi. Inkella, minflok waltz isir teqliba! Mela, iż-żewġ żeffiena jridu jkunu jafu eżatt fejn se jagħtu l-pass tagħhom. Flimkien. F’sintonija waħda. Bħalma hi s-sinfonija tal-orkestra. U metrika għall-aħħar il-partitura. Kollox awtomatiku! Għax tassew il-waltz huma biċċa arti issemix! Klassi għalih! Għax idaħħal il-ħajja ta’ dak jew dik li tkun f’żifna!

U minn fil-ħajja ma jiżfinx! Għiduli min le? Hawn min jiżfen bil-ferħ. Għall-erwieħ Mulej jaħasra! Fl-aħħar it-tifel għaddieli mill-eżami! U t-tifla, wara ħafna talb, qed tkellem lil dak. Iben it-talija. Dawk taf kemm huma nies sewwa! Imbagħad hawn min, daqskemm jiżfen, kważi jagħmel kuntrumbajsa fl-arja! Bilfors ħi! Rebaħ is-super 5! Qatagħhom il-ħamsa li huma Alla jbierek! Mela! U qatagħhom meta kienet tal-500,000! Altru li għandu biex isiefer safra sal-Awstrija ħa jara l-waltz jinżifen fl-aħħar tas-sena! Inkella jmur sal-Prater ta’ Vjenna ħa jidħol f’dik id-dgħajsa li tibqa’ nieżla għal rasha b’kemm il-Mulej taha saħħa sakemm tagħmel splaxx daqshiex!

B’xorti ħażina fil-ħajja hawn min jiżfen ukoll iż-żifna tan-niket. Hawn min iben jew bintu ħarġu għax-xogħol ħajjin u baqgħu ma daħlux lura. X’ħa tgħidilha lil dik l-omm li, sforz ix-xokk li għadha iġġorr quddiem din it-traġedja li għaddiet minnha, ħalliet kamret binha hekk, kif inhi. Mingħajr ma ħarrket oġġett. L-għaliex waħħlitha f’moħħha li binha għad xi darba jiġi lura? Anki jekk, il-fond tal-fondijiet ta’ qalbha, qed jgħidilha xorta oħra. Imma ħej hemm prezz kiefer biex toħroġ barra din il-verità ġewwiena.

Iż-żifna! Fejn il-mużika ma taqbilx maż-żifna u ż-żeffiena ma jagħmlux l-istess pass, jew ma jżommux mal-pass tal-mużika, x’taħwid ikun hemm! Ajma! L-aktar jekk iż-żeffiena ma jżommux il-pass ta’ xulxin. Miskin! Titlagħlu fuq subgħajh il-kbir ta’ siequ! Aqta’ kemm jgħajjat bl-uġiegħ! Inkella jarmax … Jew hu, li ma jżommx mal-pass tagħha, jaf jipprova jdawwarha u jċaqalqilha spallejha. Ajma x’uġiegħ! U xi twerżieq ta’ uġiegħ!

Bħalissa nistħajjilkom titbissmu. Inkella iċċartu ħalqkom. U tagħmlu sew! Sakemm il-ħaġa ma tkunx fuqi imma. X’taħseb? Imma issa nifhem kemm kellu raġun Ġesù meta irraġuna għal dawk li kellhom rashom iebsa ġebel l-għaliex qalbhom kienet tal-bronż: “Daqqejnielkom il-flawt, u ma żfintux, għannejnielkom in-niket, u ma bkejtux!” (Mt 11:17). Għax dawn, li mingħalihom kienu il-bravi, id-dutturi tal-liġi, li studjaw u jafu t-teknika, ixommu ħażin. M’għandhomx sens ta’ għaqal. Ma jagħrblux. Ma jarawx kif jara l-Mulej. Ma jidħlux fis-sitwazzjoni ta’ dak li jkun. Moħħhom biss fil-proċeduri tal-bnedmin. U jaħasra jagħmlu biżiblju ħsara u qatt nitfa ġid. Għax jikkundannaw! L-għaliex jieħdu l-ħajja mhux bħala misteru sabiħ li tgħixu b’ferħ, bi ħniena u b’paċenzja tal-maħfra u tirriforma lil min żbalja bil-għaqal u b’ġentilezza lejn kulħadd imma bil-lenti ħoxna li kollox sar problema. Mela idres! Fuq subgħajn min ġie ġie!

U x’jiġri? Li l-Mulej jagħti dejjem raġun lil min ikun ikkundannajt! L-għaliex il-Mulej mhux ilsir tal-kotba u lanqas tas-sistemi u tal-istudju. Il-Mulej, is-Sid ta’ kollox, għandu loġika għalih. U tiegħu BISS tgħodd! Għax hu Alla tan-nies! Iħobb lin-nies! Għax hu stess sar nies u għadu jsir nies f’Ġesù Kristu Ibnu!

Mulej, kemm nixtieq niżfen miegħek il-waltz tal-ħajja. Int li tgħidli li l-fehmiet tiegħi mhumiex tiegħek, li t-triqat tiegħi mhumiex triqatek, għax triqatek ogħla minn tiegħi daqs is-smewwiet bħalma huma fehmietek minn fehmieti. Għinni biex nitolbok hekk: GĦIX FIJA. IDDEĊIEDI FIJA. MEXXI FIJA U BIJA. KUN INT MHUX JIEN FIT-TMUN! Għall-erwieħ Mulej! Kemm qed nieħu gost niżfen miegħek. Għax bik qed niżfen iż-żifna tiegħek. X’naqa’ buzz fik Mulej! Amen! 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: