Lectio Divina: 15  Ħadd Matul  Sena A

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu:  Illum nibdew Kap. 13 ta’ Mattew fejn Ġesu jibda jkellimna fuq is-Saltna tas-smewwiet permezz tal-parabboli.  Mattew iqiegħed lil Ġesu bil-qiegħda f’xatt il-baħar. Dan kien propjament għadira (lake) imma Mattew irid ifakkarna fil-baħar tal-qasab (l-aħmar), li, meta l-Lhud ħelsu mill-jasar, qasmuh bla xkiel, u bdew l-Esodu tagħhom lejn l-Art Imwiegħda.  Ġesu qed jipproponi esodu ieħor ta’ nies li qed jgħixu mhux b’mod kompletament uman, lejn l-art li se jibda jsejħilha s-Saltna tas-Smewwiet.  Inġabru folol kbar ta’ nies, għatxana għall-Kelma awtentika ta’ Ġesu li kienet se ttihom tama ta’ ħelsien mix-xkiel li kien qed itaqqalhom.  Ġesu jirkeb fuq dgħajsa – simbolu tal-Knisja, tal-Komunita Nisranija.  (In-navi ta’ knisja Gotika huma forma ta’ dgħajjes weqfin.)  In-nies qagħdu bil-wieqfa fuq ix-xatt. Semgħu il-parabbola imma baqgħu marbutin mal-ideat antiki.  Mill-banda l-oħra, id-dixxipli kienu lesti li jaċċettaw l-invit ta’ Ġesu għall-ħajja ġdida, u telgħu fuq id-dgħajsa miegħu.  B’hekk bdiet tifforma ruħha l-ewwel komunita Nisranija.

  1. “Bidwi ħareġ jiżra’.” Bidwi tajjeb jiżra’ biss fil-ħamrija tajba, imma jekk xi żerriegħa taqa’ ħażin, iġib il-moħriet, jaqla’ l-ġebel u l-ħurrieq, iqalleb l-art imballta, u hekk iż-żerriegħa ssib ruħha f’ħamrija tajba. Imma Ġesu jgħid dak li jgħid biex jgħallem lil dawk li ma ridux jaċċettawh, u biex jurihom x’qed joħnoqhom.  Għandna (a) n-nies ta’ Kafarnaum li l-ewwel aċċettawh, imma bil-mod il-mod bdew jitilquh u jerġa’ lura għad-drawwiet l-antiki  (b) in-nies ta’ Nazaret li keċċewh (ċ) il-Fariżej li riedu joqtluh (d) anki xi wħud minn tal-familja tiegħu bdew iqisuh bħala miġnun bil-mod li  beda jitkellem fuq is-Sibt u liġijiet oħra tat-Torah (Ara San Mark).  Mela, il-kuntest ta’ dil-parabbola hu: “Jien waddabt iż-żerriegħa tal-Kelma, imma ħafna nies konvinti li mhux se tipproduċi frott, u kollox se jibqa’ kif kien.” Anki llum insibu Nsara li jgergru għax ħafna (a)  m’għadhomx jiġu l-Knisja (b) m’għadhomx jiżżewġu bil-Knisja (ċ) ma jridux jgħammdu t-tfal (d) iqisu r-Relġjon xi ħaġa tan-nanniet u issa għadda żmienu (e) moħħhom fil-problemi tal-ħajja materjali biss. Għalhekk dawn waddbu r-Relġjon fil-ġenb.  Anki dawk li jmorru l-Knisja, kif qed jgħixuha l-Fidi? Mela s-sitwazzjoni tal-lum tixbaħ dik li sab ruħu fiha Ġesu.  Fiż-żewġ każi jidher falliment. Ġesu llum irid itina dit-tagħlima: “Iżra’ dejjem, u stenna bil-paċenzja, għax il-ħajja li hemm f’kull żerriegħa għandha qawwa straordinarja.”
  2. “Xi żerriegħa waqgħu mal-mogħdija.” Il-frott taż-żerriegħa ma jiddependix fuqha jew fuq il-bidwi, imma fuq il-post fejn taqa’. Ma tistax tippenetra art iebsa, u malajr tinħataf mill-għasafar. Din l-art hi mogħdija li minnha jgħaddi kulħadd, fejn kulħadd jaħsibha bir-raġunar tal-lum: “u mhux kulħadd qed jagħmel hekk? Mela tajjeb!” Il-kelma ma tistax tippenetra f’imħuħ u qlub ibsin bħal dawn.  Il-Lhud kieni jbierku l-annimali kollha ħlief l-għasafar għax kienu jnaqqrulhom iż-żerriegħa u l-prodotti.  L-għasafar huma simbolu ta’dak kollu li ma jħallix il-Kelma tinżel fil-qalb u l-moħħ tal-bniedem.
  3. “Dak li nżera’ qalb il-blat” hu dak li jilqa’ l-Kelma minnufih bil-ferħ u bl-entużjażmu għax jgħid: “Kemm hi sabiħa. Kieku tajjeb kieku kulħadd jgħix hekk.” Imma dan it-tip m’għandux għeruq u pedament sod; kif jibda jara li jkollu jmur kontra l-kurrent, u mhux se jċapċulu u jaċċettawh aktar, jerġa’ lura.  Hawn insibu grupp ta’ Nsara li fir-Reliġjon jieqfu BISS fil-festi u devozzjonijiet esterni, avolja b’ħafna entużjażmu.
  4. Ix-xewk huma l-preokkupazzjonijiet tal-ħajja, l-aktar il-qerq tal-flus. Jindika n-nies li jisimgħu il-Kelma, imma malajr joħonquha b’inkwiet żejjed fuq l-għixien, qliegħ ta’ flus, overtime, eċċ. Il-ħażin qiegħed għax dawn in-nies iqiegħdu dawn il-ħwejjeġ bħala l-aktar importanti fil-ħajja, u l-uniċi li jagħtu sens lill-eżistenza tal-bniedem. Hawn min iqimhom bħala allat.
  5. “Oħrajn waqgħu f’art tajba,” art sabiħa. Tirrapreżenta qalb sabiħa fejn il-messaġġ tal-beatitudni wasal f’dawn il-qlub puri. Il-Lhud, jekk ikunu żergħu xkora żerriegħa, kienu jiġbru għaxar xkejjer prodotti.  Meta Ġesu jsemmi tletin, sittin u mija ried jurihom kemm il-Kelma Tiegħu għandha effett qawwi u straordinarju li jissorprendi lil min iwettaq il-missjoni Tiegħu: “Intom għad tagħmlu l-ħwejjeġ li qed nagħmel jien, anzi tagħmlu ħwejjeġ akbar.”  Fuq kollox Ġesu ried jgħallem lid-dixxipli Tiegħu dan: “Din hi r-rejalta. Fil-qadi tagħkom se ssibu dawn is-sitwazzjonijiet differenti, kull tant f’diversi nies u kull tant fl-istess persuna; i.e. daqqa wieħed illum joħonqu x-xewk, l-għada iwebbes rasu, u xahar wara jipproduċi l-frott.  Mela, taqtgħux qalbkom.  Afdaw fil-Kelma Tiegħi għax għandha qawwa kbira.” Mela, jekk għall-ewwel deher li l-missjoni ta’ Ġesu kienet falliment, jekk inħarsu lejn dawn l-aħħar 2000 sena, naraw kif il-Kelma Tiegħu biddlet id-dinja.

 

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading