Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 16  Ħadd Matul Sena A

Lectio Divina: 16  Ħadd Matul Sena A


Vanġelu:  “Ġesu qal lin-nies….” Dawn huma n-nies fuq ix-xatt li għadhom m’għamlux il-pass għal fuq id-dgħajsa ta’ Pietru. Mela għandhom bżonn parabbola oħra. Ġesu, psikologu per eċċellenza, juża dan il-mezz, għax parabbola tintrigak biex issaqsi u tfittex it-tifsir u l-messaġġ warajha. Mhux lezzjoni diretta u ma tifhimhiex mill-ewwel.  Tqajjimlek il-kurżita, iġġiegħlek tirrifletti u tibda tippenetra l-moħħ bil-mod il-mod. B’hekk l-effett tagħha idum aktar.

  1. “Wieħed raġel żera’ żerriegħa tajba, sabiħa.”  Dan hu l-Ħallieq: “…u ra li kulma ħalaq kien sabiħ” (Ġen. 1). Allura l-ikrah li hawn fid-dinja minn fejn ġie? Mill-għadu. Dan m’huwiex xi xitan, imma l-ġibdiet ħżiena li hemm fina, il-kilba għall-flus u l-poter, l-egoiżmu, u t-tfittxija tal-pjaċiri.  Dawn inibbtu s-sikrana f’qalbna li toħonqilna l-Kelma t’Alla u ma tħallihiex tagħmel il-frott.  Dawn m’humiex ħolqien t’Alla. Alla ħalaq biss kulma hu tajjeb u kulma hu sabiħ.  Peress li aħna m’aħniex perfetti, jekk ma noqgħodux attenti u għassa, jekk inkunu passivi (reqdin) u mhux pronti biex niddefendu ruħna, dan l-għadu jinbet, iqum u jerfa’ rasu, u jġiegħlna nagħmlu għażliet ħżiena.
  2. “Il-qamħ nibet u ħareġ iż-żbul. Tfaċċat ukoll is-sikrana.” Dawn iż-żewġ xitliet jixxiebħu ħafna.  Tkun tista’ tagħraf bejniethom meta jagħmlu l-frott. Għalhekk, meta l-qaddejja riedu jaqilgħu s-sikrana, is-sid qalilhom: “Le, għax intom u tiġbru s-sikrana, għandkom mnejn taqilgħu il-qamħ ukoll.” Anki fil-ħajja kull tant ma tkunx tista’ tgħid x’inhu tajjeb jew ħażin.  Meta tara l-effett ta’ dik l-azzjoni, jew tal-aġir ta’ dik il-persuna, imbagħad tkun tista’ tifred it-tajjeb mill-ħażin.  Is-sikrana hija xitla velenuża.  Ġa għidna li s-sikrana f’ħajjitna hi l-kilba tal-flus, poter u egoiżmu.  Dawn huma efftett tad-dnub oriġinali fina.  X’inhuma r-riżultat  ta’ dawn il-ħwejjeġ jekk mhux gwerer, vjolenza, inġustizzja, abbuż u faqar.    Dawn qegħdin javvelenaw id-dinja.
  3. “Sinjur, mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela, dal-ħażen kollu fid-dinja minn fejn ġej?” Ġesu jwieġeb: “Mill-forza negattiva li hi preżenti f’kull wieħed minnkom. Il-ħażin mhux ġej minni. Jien ħlaqt kollox tajjeb u sabiħ, imma dan it-tajjeb u sabiħ mhux komplut.  Għandu l-limiti tiegħu, li hu aċċettat għax din hi ir-realta tal-ħajja tagħna.  Ġesu llum irid jgħallimna biex naċċettaw u nittolleraw din il-kundizzjoni umana, din it-taqbida fina u fl-oħrajn bejn it-tajjeb u l-ħażin.  Min ma jċċettax dit-taqbida aktarx jeħodha kontra Alla, kontra lilu nnifsu (għax irid ikun perfett u malajr) u kontra l-proxxmu.  Iwebbes qalbu u jsir kattiv.  Ikun irid jeqred il-ħażen ta’ ġo fih u tal-oħrajn bi vjolenza, b’riskju li f’din ir-rabja jeqred it-tajjeb ukoll.   Mentri min jaċċettaha, meta jagħmel żball jew dnub, bl-umilta kollha jistqarr: “Inqast. Paċenzja. Għax jien uman (“To err is human, to forgive Divine.”) u jerġa’ jibda mill-ġdid jew ikompli il-mixja tal-ħajja. Din hi parti mill-prova tagħna ta’ mħabbitna lejn Alla.  “Tinkwetawx meta twiddibkom qalbkom, għax Alla hu akbar minn kull qalb” (1 Ġwanni).
  4. Wasal żmien il-ħsad. “Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq.”  Żmien il-ħsad huwa issa.  In fatti Ġesu darba qal: “Itolbu sid il-ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema fl-għalqa tiegħu.” Ix-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema hu li l-ewwel jiġbru minn fost il-bnedmin is-sikrana li qed toħnoqhom, u jaħarquha fin-nar tal-Imħabba, tal-Ħniena, tal-Kelma u tal-Ispirtu t’Alla.  Dan in-nar jelimina s-sikrana f’qalbna u jħalli l-qamħ jikber u jagħmel il-frott.
  5. “Spjegalna l-parabbola!” Id-dixxipli fehmuha, imma ma ridux jaċċettawha. Iktar kienu qed jagħtu mportanza lis-sikrana, lin-nuqqasijiet, lid-debbolizzi u lill-limitazzjonijiet tagħhom milli t-tajjeb li kellhom. Fuq hekk kienu rrabjati u frustrati.  Hekk jagħmlu xi Nsara llum: igergru u jiffissaw fuq dak kollu li sejjer ħażin fid-dinja llum, u ma jagħtu każ ta’ xejn fuq it-tajjeb li hawn madwarna.
  6. “Bħalma s-sikrana jaħarquha fin-nar……” hawn mhux qed jgħid għall-Infern. Għalkemm Ġesu qed juża kliem apokaliptiku, irid jenfasizza l-importanza tal-ħajja tagħna f’din id-dinja. Mattew irid jgħaddilna dawn il-messaġġi:  (a) Min iħalli s-sikrana toħnoq il-qamħ f’qalbu, se jsofri l-konsegwenzi, i.e. ikun ħela fix-xejn il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu.  Din tkun ħaġa tassew tal-biki u ta’ tgħażżiż tas-snien u ta’ awtodistruzzjoni.  (b) Messaġġ pożittiv, sabiħ u ferrieħi: fl-aħħar kulħadd se jeħles mis-sikrana f’ħajtu, għax se jaħraqha fuq l-artal tal-Imħabba, tal-Ħniena, tal-Kelma u tal-Ispirtu t’Alla. B’hekk fih se jibqa’ biss il-qamħ is-sabiħ li se jagħmel il-frott bnin.  Dawn “il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierkom.”

 

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/frfernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: