Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 17 Ħadd matul Sena A

Lectio Divina: 17 Ħadd matul Sena A


Vanġelu: Ġesu jkompli bil-parabboli tas-Saltna.  L-ewwel itina tnejn magħrufin bħala tewmin, għax għandhom l-istess messaġġ, għalkemm kull waħda għandha xi partikularita sinifikattiva.

  1. “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbaħ lil teżor moħbi f’għalqa.” Fi żmien Ġesu, kienu jiġru ħafna xnihat li xi fortunat sab teżor f’għalqa. Dan għaliex sikwit kienet tinqala’ xi gwerra jew xi ġlied ieħor.  Xi wħud, qabel ma jaħarbu dan l-għawġ, kienu jaħbu ġidhom fl-għalqa biex, meta jispiċċa l-inkwiet, jerġgħu lura għalih.  Imma ta’ spiss kien jiġri li, għal xi raġuni jew oħra, xi wħud ma kinux jirritornaw.  Allura, min jikri jew jixtri dik l-għalqa kien isib teżor.  Fl-ewwel parabbola nsibu personaġġ: raġel li jsib teżor b’kumbinazzjoni.  Fit-tieni, nsibu neguzjant li jsib ġawhra wara li jkun ilu jfittixha.  Imma l-vera protagonisti ta’ dawn il-parabboli huma t-teżor u l-ġawhra, għax kollox idur fuq it-tfittxija, is-sejba u l-ferħ tas-sejbin tagħhom. It-teżor/ġawhra hu Ġesu li xi wħud jinzertaw isibuh, u oħrajn isibuH wara li jdumu xi ftit jew wisq ifittxuh. Forsi għax ma jkunux kuntenti b’ħajjithom u kienu qed ifittxu xi ħaġa jew xi ħadd li jagħti sens għall-eżistenza tagħhom.  Teżor, ġawhra, ġojja ta’ ħajti, ruħi, maħbub/a tiegħi huma espressjonijiet komuni fost il-maħbubin.  Il-fidi fi Kristu hi dik ta’ wieħed li jħobb (namrat, għarus) u li, malli jsib dik il-Persuna maħbuba li jista’ jafda f’idejha l-istess ħajtu, l-istess Fidi ssir teżor prezzjuż li wieħed m’għandu jħalli qatt jaħrablu minn taħt idejh.  Meta tfajla tiġġennen wara ġuvni, x’ma tagħmilx biex togħġbu? Titlef rasha, tibda tħobb il-ħwejjeġ li jħobb hu, tiskarta li ma jogħġbux, eċċ.  Pietru l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Ġesu kien permezz ta’ ħuh. Wara li għammed lil Ġesu, Ġwanni qal lil Indri li issa kellu jimxi wara Ġesu.  Indri mill-ewwel ħa lil Ġesu biex jiltaqa’ ma ħuh Xmun Pietru. Inkomplu l-parabbola: malli raġel sab it-teżor, ħbieh, għax irrejalizza li dak kien biss parti mit-teżor. Żgur li aktar ma jħaffer aktar kien se jsib ġid b;a qies.  Hekk jiġrilu min jiltaqa’ ma’ Ġesu għall-ewwel darba: jirrejalizza li hemm ħafna aktar x’wieħed jiskopri fuq din il-persuna meraviljuża, bil-proposti stupendi Tiegħu. Għalhekk ikompli ħajtu kollha jiskopri dejjem xi ħaġa ġdida u friska f’Ġesu.  Ir-raġel mar ibiegħ kull m’għandu biex jixtri l-għalqa bit-teżor fiha.  Kif għamel Mattew u tant u tant oħrajn li ħallew kollox warajhom u marru wara Ġesu.  Dil-ħaġa ġabet lil dawn in-nies ferħ kbir, li hi t-tema ċentrali tal-qari tal-lum.  Hawn min kien u għadu jgħid li aħna qegħdin fid-dinja biex inbatu, niċċaħdu l-ħin kollu u nkunu mdejqin.  Imbagħad nifirħu meta naslu l-Ġenna.  Din idea żbaljata.  Veru li rridu niċċaħdu u nagħmlu ċertu għażliet.  Jekk dawn isiru sew, għandhom iġibulna ferħ kbir MINN ISSA.  Ir-raġel ma qgħadx iqis kemm swietlu l-għalqa u għamel il-buli, imma x’ferħ kbir kellu bl-akkwist tat-teżor.  Jekk aħna noqogħdu nqisu x’se nitilfu (flus, poter, karriera, eċċ) u mhux x’se nakkwistaw, jiġrilna bħaż-żagħżugħ għani:  “… u telaq imdejjaq” għax m’għarafx li Ġesu kien teżor ħafna aqwa mill-ġid kollu li kellu.  Ħasra li anki llum, mhux kull min jiltaqa’ ma’ Ġesu iqisu bħala teżor imprezzabbli.
  2. Fil-kultura orjentali, il-ġawhra kienet l-isbaħ ħaġa u l-aktar prezzjuża fid-dinja. Ħafna kienu jsemmu l-bniet tagħhom “Perla.” (Anki llum hawn xi wħud jagħmlu hekk).   Mhux ta’ b’xejn li dan in-nuguzjant mar ifittex il-prezzjuż u s-sabiħ.  Hawn min hu ikrah (mhux minn barra) għax hu kattiv, egoist, aggressiv, eċċ.  L-oppost ta’ dan hu l-bniedem is-sabiħ.  In-nuguzjant, wara ħafna tfittxija, fl-aħħar sab l-iktar bniedem sabiħ – Kristu. Sabiħ għax mimli mħabba.  Min jiltaqa’ u jaċċetta lil Ġesu, hu wkoll isir bniedem sabiħ għax ikun mimli mħabba għall-oħrajn, akkoljenti, ġeneruż, simpatiku, dispost biex iservi u moħħu fil-bżonnijiet tal-oħrajn. “Araw li l-imġieba tagħkom tkun sabiħa” (Ittra ta’ S. Pietru).  Anki n-neguzjant biegħ kull m’għandu biex jakkwista dil-perla sabiħa.  Sawlu minn Tarsu għall-ewwel ħaseb li s-sabiħ jinsab fir-regoli tal-Fariżej.  Meta sab lil Kristu stqarr: “Minn barra Kristu, inqis kollox bħala knis” (Fil.).
  3. Fiż-żewġ parabboli nsibu ċertu għaġla, urġenza. It-tnejn marru malajr ibiegħu kulma kellhom. Hekk ukoll fil-ħajja tan-Nisrani: min jiltaqa’ ma’ Kristu irid jiddeċiedi: jew jimxi fuq it-tagħlim u l-passi tiegħu lew le. Laqgħa ma’ Ġesu hija opportunita kbira li forsi ma terġax tirrepeti ruħha. Min jittratjeni, aktarx ikun moħħu f’teżori oħra, li ma jkunux ġenwini imma tlellix minn barra biss.  Min jagħżel dawn it-teżori ikun ħela ħajtu fix-xejn.
  4. Meta jtellgħu ix-xibka mill-baħar ikun fiha minn kollox: tajjeb u ħażin. Dawn mhux qed jirrappreżentaw żewġ tipi ta’ nies, imma l-istess bniedem li llum jgħix tajjeb u l-għada jidneb. Kif għidna l-Ħadd li għadda: din il-parti tal-Vanġelu ma tfissirx li t-tajbin sejrin il-Ġenna u l-ħżiena sejrin l-Infern.  Imma Ġesu jrid jgħallimna li għandna bżonn, bl-għajnuna t’Alla u ta’ l-Anġli tiegħu,  naħarqu d-dnubiet u xi ħażen ieħor fina fin-nar tal-Imħabba u l-Ħniena Tiegħu.  Jekk xi ħadd qatt ma jagħmel hekk, tkun ħaġa tassew tal-biki u tat-tgħażżiż tas-snin, għax ikun ħela ħajtu fix-xejn.

Sors: lachiesa/it/liturgia/omelie/frfernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: