Lectio Divina: 8 Ħadd matul is-Sena A

Print Friendly, PDF & Email

VANĠELU:  Min qed jaħdem, jew min hu sinjur, ma tantx iħabbel rasu x’se jiekol u jilbes għada.  Imma min m’għandux għaxja ta’ lejla?  Ġesu qed jgħidilna ngħalqu għajnejna quddiem il-faqar li hawn fid-dinja? Żgur li le.  L-anqas qed jgħidilna biex nitolbu l-Missier biex isolvilna dil-problema f’ħakka t’għajn.  Alla jrid li aħna rridu nifhmu li, wara li hu jipprovdi ġid għal kulħadd, irridu naraw aħna kif se nagħmlu biex dal-ġid jinqasam ġustament  bejn kulħadd.  Allura Ġesu qed jgħidilna “Tħabblux raskom….”?  Ġesu qed isemmi żewġ affarijiet essenzjali għall-ħajja bijoloġika tal-bniedem:

  1. L-ikel hawn ifisser ħobż, job, dar, saħħa, għerf, imħabba. Ġesu mhux qed jgħid li dawn kollha mhumiex essenzjali għall-bniedem imma li m’għandniex inħabblu rasna fuqhom.
  2. L-ilbies ifisser ħwejjeġ, kif nidher quddiem in-nies, ma’ liema kategorija (klassi?) jien nagħmel parti, x’relazzjonijiet għandi u x’nixtieq li jkolli. L-ilbies, mela, jassigura l-ħajja soċjali tiegħi.

Mela, jekk jien qed infittex dan kollu b’ħafna ansjeta’, ifisser li hemm xi ħaġa fija li qed tfixkel l-ekwilibriju interjuri tiegħi. Ġesu qed jgħidli: “Ara u għaraf x’inhi dil-ħaġa, biex teħles minnha u b’hekk tkun tista’ terġa’ tikseb l-armonija u l-paċi miegħek innifsek u mal-oħrajn.”

“Ma tistax isservi żewġ sidien”.  Ġesu u l-flus jagħtu ordnijiet opposti. “Il-flus” jordnawlek  biex takkumula, tisraq (robbing, cheating), tidħak bl-oħrajn, eċċ.  Ġesu jgħidlek: “Ħobb il-proxxmu u aqsam ġidek miegħu.”  “Mammona”  hija kelma bl-Aramajk li parti minnha tfisser “fiduċja” , i.e. dawk li jqiegħdu l-fiduċja tagħhom kollha fil-flus.  Jien irrid nagħmel għażla: Ġesu jew mammona.  Elija darba qal lill-Lhud: “Tridu tagħżlu: jew Alla jew Baal” (Slaten 18). Għax Alla għajjur u ma jrid lil ħadd jieħu anki biċċa żgħira mill-qalb tal-bniedem.  Ir-raġunar ta’ xi Lhud kien perikoluż: “Nagħtu xi ħaġa lil Alla talli ħelisna mill-jasar, imma lil Baal ma nħalluhx b’xejn għax hu alla tal-fertilita.”  Xi Nsara jagħmlu l-istess. Jobdu l-liġi u l-Kelma t’Alla sa ċertu punt.  Imbagħad jinkwetaw fuq ħafna ħwejjeġ materjali, u jinsew li l-uniku ċentru tal-imħabba tagħhom għandu jkun Alla.  Ġesu qed jitkellem fi żmien meta kien hemm sinjuruni u foqra.  Lill-foqra qed jgħid: “Tippreokkupawx ruħkom iżżejjed.”  Ma jfissirx li ma jokkupawx ruħom u jistgħu jitgħażżnu.  Ġesu jridna nagħmlu dawn ir-riflessjonijiet:

  1. L-ikel u l-ilbies huma mportanti għall-ħajja bijoloġika, imma m’humiex kollox. Mela, meta nitilfu rasna fuq l-ikel u l-ilbies materjali nkunu qed nagħmluhom l-għan aħħari ta’ ħajjitna.
  2. “Ħarsu lejn l-għasafar tal-ajru; la jiżirigħu u l-anqas jaħsdu; imma Missierkom jieħu ħsiebhom.” Ma qalx “għamlu bħalhom”.  L-anqas qal “missierhom” imma “Missierkom”.  “Hekk qed jieħu ħsiebkom ukoll biex timxu fil-ħajja”.  Mela, meta jien inħabbel rasi żżejjed fuq l-għixien inkun qed nuri li m’inhix konvint mill-Provvidenza tal-Missier li qed jieħu ħsiebi, jinteressa ruħu l-ħin kollu fija u jqis li jien niswa’ ħafna aktar minn għasfur.  In-Nisrani li jafda fil-Provvidenza t’Alla jagħmel l-almu tiegħu biex jaħdem, jaqla’ l-għixien, u jonfoq il-flus bil-għaqal.  Mill-bqija ma jħabbilx rasu żżejjed, għax min jagħmel hekk jirriskja li jagħmel xi għażliet ħżiena fil-ħajja tiegħu.
  3. Il-ħajja f’did-dinja għandha limitu. Bil-flus kollha li se takkumula taħseb li tista’ ttawwal għomrok?  Hawn min hu tant iffissat fuq hekk li jinxjurja kollox, għax min għalih li se jgħix f’did-dinja għal dejjem.  Min hu hekk ikun tilef is-sens ta’ direzzjoni fil-ħajja.  U xi ngħidu għas-sinjurun li tant għandu ġid li l-anqas jaf x’se jaqbad jagħmel bih.  Jgħix bil-biża’ li se jisirquh allura jagħmel burglar alarms ma’ kullimkien!  Il-ġid għalih sar inkwiet li qed jisraqlu l-ferħ u l-paċi ta’ qalbu. Dan hu li Ġesu ma jixtieqx li jiġri lin-Nisrani.
  4. Rigward l-ilbies: “L-anqas Salamun ma kien jilbes bħal wieħed minn dawn il-ġilji”. (Aktarx Ġesu kien f’xatt qrib Kafarnaum, fejn ipassu ħafna għasafar u l-għelieqi kienu miżgħuda b’ħafna fjuri). “Mela jekk Alla jlibbes imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom!”
  5. “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”

 

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading