Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > X’għamlilna Luċifru!

X’għamlilna Luċifru!


Min qatt ma daq xi ftit mis-sħana kbira li għamlet f’dawn il-jiem f’pajjiżna? Sħana li bellħittna! Sħana li, ħtija tagħha, min jaf kemm-il mil ġalitni nimxi fl-isptar! Kemm inħaqqru uħud mill-anzjani tagħna tort ta’ Luċifru!

Milli jidher Luċifru, sa minn żmien żemżem, kien problema. Fil-bidu kien kuntent. Maqgħud mal-Mulej. Kien anki l-kap tal-kor tal-anġli fis-sema. Ma nafx imma, hu abbli, iż-żiffa ħelwa t’hemm fuq ma felaħiex aktar. Ried is-sħana. Is-sħana li ġġib magħha l-ħakma fuq l-oħrajn. Is-sħana li ġġib magħha l-passjoni bla rażan. Is-sħana li ġġib magħha rabja mhux mrażżna. Is-sħana li ġġib magħha suppervja tal-prima klassi ta’ min irid dejjem jilħaq. Għal xi raġuni jew oħra moħħu saħan. Ma baqax jaħdem kif, b’tant imħabba, kien ħalaqulu l-Mulej. U dan l-għaliex irreżiżta, qatta’ bla ħabel, il-fatt li l-Mulej kien se jsir bniedem. Is-saħna li kellu f’moħħu wasslitu jirraġuna li d-dominju tal-ħlejjaq imiss lilu biss. Li hu l-aqwa fost il-ħlejjaq kollha. U x’ġaralu? Minn l-isbaħ sar l-ikraħ wieħed. Mill-aktar wieħed imbierek sar l-aktar wieħed misħut. Mill-aktar wieħed li jiġbdek bi ġmielu sar l-aktar wieħed li jimbuttak bil-kruha tiegħu. Xi kruha! Xi qżież! Il-misħut Luċifru!

Din hija l-istorja ta’ min irid jikber aktar milli jmissu. Ta’ min jara lil ħaddieħor dubbien. U, b’qasma ta’ qalb, l-effetti ta’ Luċifru għandna nħossuhom. U, biex inkunu għedna kollox, mhux l-ewwel darba li nsibu l-effetti tagħhom fina stess. Aħna li ngħidu li aħna Maltin. Aħna li, f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, iċċelebrajna bil-kbir il-festa tar-raħal jew belt tagħna. Aħna li ngħidu li aħna Insara. U li l-fidi tagħna ma jmissilna ħadd!

U jekk insibuha ferm diffiċli biex dan nistqarruh biżżejjed nittawlu ftit lejn il-Kelma ta’ Alla li turina fejn tassew aħna qiegħdin f’dan. Minn żmien għal żmien inħobb ħafna inżur dik l-Ittra qawwija u sabiħa li San Pawl kiteb lill-Galatin. Dik l-Ittra li fiha, l-Appostlu tal-Ġnus, jikteb dak il-magħruf vers li ħafna jħobbu jikkwotah, inkluż jien: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20). F’din l-Ittra San Pawl joffrilna biċċa għadma xi mmeximxu. Joffrilna l-isfida li niddixxernu, jew aħjar li nagħrblu ftit fejn qiegħdin fl-ispirtu tagħna. Jiġifieri jekk fina hemmx l-Ispirtu s-Santu bil-frottijiet tiegħu inkella hemmx Luċifru bil-frottijiet moqżieża tiegħu.

Hemm baħar jaqsam bejn il-frottijiet tal-Ispirtu s-Santu u dawk ta’ Luċifru. It-test tal-Ittra lill-Galatin jitħaddet waħdu! Ħa nibdew mill-frottijiet moqżieża u mħassra ta’ Luċifru. “L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn.” (Gal 5:19-21). Fuq dawn il-frottijiet moqżieża ta’ Luċifru San Pawl ma qgħadx idur mal-lewża. U żgur li f’dak li qal la kellu intenzjoni li jogħġob u lanqas li jingħoġob man-nies. “Nwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla. (Gal 5:21). Taqblu miegħi li aktar ċar minn hekk ir-raġel minn Tarsu qatt ma seta’ jkun!

Minn naħa l-oħra Pawlu, l-għaliex kien il-bniedem tal-Mulej, kellu l-grazzja li jara l-istampa kollha. Għalhekk, wara li tana analiżi dettalja ħafna tal-frottijiet imħassra ta’ Luċifru tana wkoll il-frottijiet tal-Ispirtu s-Santu. U dawn, bħalma tafu, huma “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22-23). Interessanti li għal dawn Pawlu Pawl jgħidilna hekk: “Kontra dawn ma hemmx liġi” (Gal 5:23). Għax liema liġi tista’ toħodha kontra jew ixxejjen l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan? Jekk dawn il-valuri huma tajbin fihom infushom liema liġi tista’ issib xi ħtija fihom? Dawn huma frottijiet li jarmu minnhom iż-“żiffa ħelwa” (1 Slat 9:12). Dik iż-żiffa li meta ħassa l-profeta Elija “għatta wiċċu bil-mantell” (1 Slat 19:13). X’differenza bil-qabda ħbieb minn din il-mewġa ta’ sħana li tikwi li ġabilna miegħu dan l-aħħar Luċifru! Liema mewġa qatlitna bis-sħana u ġabitna neżiżtu u mhux ngħixu!

Ejja naħfer, inħenn u nagħder ħa ntaffi mis-sħana tal-biża’ li hawn iddur f’nofsna u li ġabilna miegħu Luċifru!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: