Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > F’Tas-Sliema faqar ġdid: ta’ min jiftaħ it-tieqa u jara biss konkos u siment

F’Tas-Sliema faqar ġdid: ta’ min jiftaħ it-tieqa u jara biss konkos u siment


Il‑Ħadd 3 ta’ Settembru 2017: Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa li matulha jagħti l‑pussess lil Patri Paul Attard OFM, bħala l‑kappillan il‑ġdid tal‑Parroċċa Madonna tas‑Sacro Cuor, tas‑Sliema.

334627-740xNone

 

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja tal-Madonna tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema

“Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom” (Rum 12, 1).

Għażiż Fr Paul Attard, inti u tibda l-missjoni tiegħek ta’ kappillan f’din il-parroċċa ddedikata lil Sidtna Marija tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, nawguralek li toffri ħajtek, mhux biss ġismek imma wkoll ruħek u qalbek b’sagrifiċċju ħaj, qaddis li jogħġob lil Alla, li toffri ħajtek għal dan il-poplu. Ir-Ragħaj it-Tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Aħna u telgħin lejn dan l-artal innutajt kemm nies sellmulek bil-qalb, bit-tbissima ta’ ħbiberija u bl-għafsa tal-id, ta’ solidarjetà.

Inti u tagħti ħajtek għal dan il-poplu għażiż, nitlob biex il-poplu afdat f’idejk ikollu l-umiltà u l-kuraġġ li joffri lilu nnifsu “b’sagrifiċċju ħaj, qaddis li jogħġob lil Alla”.

Dan l-awgurju huwa awgurju sabiħ; illum int imdawwar b’ħafna ħbieb li b’xi mod, huma n-nisġa tal-ħajja tiegħek. Imdawwar ukoll b’uħud mill-membri ta’ din il-parroċċa. Inti u tagħti ħajtek għal dan il-poplu għażiż, inti u tressaq lejhom ix-xbieha sabiħa ta’ Ġesù li qalbu hija mimlija ħlewwa, mogħdrija u umiltà, jiena nitlob ukoll biex il-poplu afdat f’idejk ikollu l-umiltà u l-kuraġġ li joffri lilu nnifsu “b’sagrifiċċju ħaj, qaddis li jogħġob lil Alla”. Iżjed ma jara fik ir-Ragħaj it-Tajjeb li tagħti ħajtek, iżjed il-poplu afdat f’idejk se jkollu wkoll il-kuraġġ u anke l-qawwa li jagħti ħajtu kif jixtieq Ġesù.

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja”, jgħidilna llum, “Għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mt 16, 24). Dan il-kliem mhuwiex faċli, huwa iebes, anke Pietru sabu diffiċli. Imma Ġesù lil Pietru javżah li hemm bżonn hu jiġri wara Ġesù, mhux Ġesù jimxi wara Pietru: “Itlaq minn quddiemi”. Ġesù ma jridux jisparixxi, imma li jimxi warajh. Hu jgħidlu “xitan”; povru Pietru għandu ħafna titli imma din li jsejjaħlu “xitan” ma naħsibx kienet mistennija. Ma nafx jekk dakinhar ħax għalih u għamel xi ġimgħa bil-geddum ma jitkellimx mal-Imgħallem. Imma l-Mulej jirsisti: “Inti m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int” (v. 23).

Meta jgħid hekk, xi jfisser? Ġesù stess jispjegaha din il-kelma: “Xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha, imbagħad jitlef ħajtu?” ( v. 26). U l-kelma “tikseb”, f’dan il-kuntest hija iebsa għaliex tikseb bil-ħatfa, bir-regħba: tikseb id-dinja kollha. Ir-regħba tiegħek tkun bla tarf u bla qies, imma x’jiswa li tkun bniedem li tmexxik ir-regħba? Ir-regħba għall-flus, ir-regħba għall-poter, ir-regħba għal ma nafx xiex. Tant hemm kwalitajiet ta’ regħba u mingħalik se tikseb id-dinja kollha, imbagħad titlef ħajtek u titlef ħajtek minn issa għax min isir skjav tar-regħba, kemm fir-relazzjonjiet ta’ mħabba, kemm fil-kilba għall-poter, kemm fil-kilba għall-flus, ma jkunx qed igawdi ħajtu, ikun beda jitlifha minn hawn.

U Ġesù jrid li aħna ngawdu ħajjitna, insalvaw ħajjitna u allura b’din l-offerta qed jistedinna biex nagħmlu offerta ħajja, qaddisa, li togħġob lil Alla. Irid jifdina minn issa mill-vizzjijiet tagħna tar-regħba ta’ kull tip biex nibdew minn issa ma nitilfux ħajjitna imma ngawduha. “Xi prezz se tagħti biex issalva ħajtek?” (ara v. 26). M’hemmx prezz, l-ebda ammont ta’ flus mhu se jsalvalek ħajtek imma inti ssalva ħajtek jekk tgħix ta’ nies u tgħix ta’ nies jekk ħajtek toffriha.

“Timxux max-xejra ta’ din id-dinja”. Ix-xejra ta’ din id-dinja tgħidlek li inti bniedem tas-suġġett daqskemm inti rgħib u jirnexxielek tiġbed. “Imma nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb, dak li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rum 12, 2).

Jiena nistaqsi: iż-żgħażagħ ta’ Tas-Sliema fejn qegħdin?

Inti, għażiż Fr Paul, għażiż kappillan, se tmexxi l-komunità tiegħek ukoll b’dan il-proċess kontinwu ta’ dixxerniment, tgħix flimkien mal-komunità ġdida tiegħek imdawwar ukoll mill-eżempji tal-qaddisin Franġiskani, ibda minn San Franġisk u Santa Kjara. Intom, bħala komunità nħeġġiġkom “tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett”. Inti trid tkun għalliem tat-talb u għalliem ta’ dan id-dixxerniment li, fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja, jagħraf ifittex ir-rieda tal-Mulej u jistaqsi kontinwament lilu nnifsu: ‘Imma x’inhu dak li jogħġob lil Alla, x’inhu perfett? X’inhu dak li se jagħtini l-ħajja tassew? Għax jekk jiena nitbiegħed mir-rieda ta’ Alla se nitlef ħajti, imma jekk nimxi skont ir-rieda tal-Mulej se nsalvaha, se ngadiha minn issa, se ngħixha to the full.

Inti qed tintbagħat bħala kappillan tas-Sliema, hija komunità li qed tikber fil-maturità daqskemm tikber fis-sbuħija, imma din hija missjoni importanti. Jiena nistaqsik: iż-żgħażagħ ta’ Tas-Sliema fejn qegħdin? L-ewwel nett hawn? Hawn ftit, qed narahom u nirringrazzjakom tal-preżenza tagħhom, imma l-kumplament fejn qegħdin?

Tas-Sliema hija wkoll komunità ta’ akkoljenza kbira ta’ kull tip: akkjoljenza ta’ turisti, akkoljenza ta’ nies li ma jafux x’se jagħmlu bil-flus tagħhom, u akkoljenza ta’ nies oħrajn li ma jafux x’se jagħmlu bihom infushom. U inti trid tkun ragħaj tagħhom ilkoll.

Hemm bżonn li inti twassal lil din il-komunità għażiża l-ispirtu Franġiskan

Tas-Sliema saret, iżjed milli qatt qabel, komunità li għandha bżonn – u dan ma tistax tagħmlu waħdek imma bil-għajnuna anke tal-kappillani tal-parroċċi ta’ Tas-Sliema – għandha bżonn pastorali tassew partikolari. F’Tas-Sliema wkoll hawn faqar ġdid, il-faqar ta’ min jiftaħ it-tieqa u jara biss konkos u siment quddiemu, il-faqar ta’ min fit-triq tiegħu trid tagħmel wegħda biex jara r-raġġ tax-xemx u għalhekk hemm bżonn li inti twassal lil din il-komunità għażiża l-ispirtu Franġiskan ta’ min jaf ukoll japprezza d-doni tal-grazzja tal-Mulej fil-ħolqien tiegħu.

Jiena nitlob ħafna għalik, Fr Paul, din hija parroċċa oħra li qed jafdalek l-Mulej, niftakrek ukoll kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl, f’Toronto, il-parroċċa fejn tgħammidt jien u nirringrazzjak ta’ kemm ħadt ħsiebha, sakemm issa għaddiet f’idejn il-missjunarji ta’ San Pawl. Jiena persważ li din il-komunità se tilqgħek u jien nawguralek ħaġa waħda, Fr Paul, mhux biss li hawnhekk tikber fil-qdusija flimkien mal-komunità afdatha f’idejk, imma wkoll li l-Mulej jagħtik il-ferħ li tara xi żgħażagħ minn din il-parroċċa jingħataw lil Ġesù b’mod totali, mingħajr kompromessi, biex ikunu reliġjużi u saċerdoti, biex huma wkoll, ispirati mill-qdusija tiegħek, li kif taf mhix irħisha, imma ispirati mill-eżempju tiegħek għall-ħniena ta’ Alla mhux bil-bravura tagħna, imma għall-ħniena ta’ Alla joffru ġisimhom, ruħhom u qalbhom “b’sagrifiċċju ħaj, qaddis li jogħġob lil Alla”.

U lil din il-komunità nirringrazzjaha talli qed tilqa’ lil Fr Paul. Nirringrazzjakom tas-sapport kollu li tagħtu lil-patrijiet Franġiskani Minuri. Ħudu ħsieb lill-knisja ħalli ngawduha u tgawdikom. Nirringrazzjaw ukoll lill-ġenerazzjonijiet ta’ patrijiet Franġiskani li f’din il-parroċċa taw eżempju sabiħ u qdew lill-poplu kif tassew jixraqlu.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: