Dak clip!


Jien dejjem indur. Ġesù jibgħatni inħabbru. Almenu hekk tgħidli Kelmtu setgħana: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28:19-28:20).

Is-sabiħa hi li issa mhux Ġesù biss qed jgħidli nagħmel hekk. Imma, fil-każ tiegħi, San Franġisk ukoll. ‘Il fuq minn tmin mitt sena ilu. U, f’verżjoni aktar riċenti, Papa Franġisku. Kemm qed jgħidilna hux lilna l-Patrijiet u l-Qassisin, ħa noħorġu ‘l barra minn dak il-kunvent! Minn dak il-Presbiterju! Ħa nevanġelizzaw! Ħa nkunu fit-triq! Bħal Ġesù!

Ħajti magħkom, għeżież ħbiebi u nies ta’ qalb kbira, tlaqqagħni ma’ ħafna stejjer. U stejjer ta’ kull xorta. Stejjer li huma mżewqa tista’ tgħid minn kollox. L-għaliex, fil-fond ta’ kull persuna, kulħadd għandu qalb. U kulħadd, minkejja l-ineżattezzi u l-kontradizzjonijiet, id-dritt u l-imgħawweġ, it-toroq u l-isqaqien, li toffri ħajjitna, qed ifittex li jħobb u li jkun maħbub. Hawn min ġabha tajba mal-ewwel darba. Hawn min mat-tieni. U hawn min mat-tielet. U, saħansitra, hawn min għadu jipprova u jipprova. Forsi fl-aħħar, u veru fl-aħħar … tiġih tajba! Almenu din!

L-għajnejn bid-dmugħ li nara quddiem wiċċi tista’ tgħid il-ħin kollu, il-messaġġi li nirċievi fuq Facebook inkella fuq il-mobile tiegħi, flimkien, u m’għandniex xi ngħidu, mat-telefonati li jidħluli, juruni x’għatx hawn li nerġgħu niskopru mill-ġdid x’jagħmilna tassew ferħana fil-ħajja. Għall-grazzja t’Alla, u f’ħafna aspetti materjali, fis-soċjetà tagħna qiegħdin tajjeb. Moqdija. U, f’ċertu sens, nistgħu ngħidu iva li għandna kollox. L-aktar meta nqabblu ruħna ma’ soċjetajiet oħra. U dan hu mertu għal kulħadd. Mela “Grazzi Mulej!” Imma l-bniedem mhux il-ħwejjeġ materjali biss għandu bżonn. L-għaliex il-materjal tal-materjal jagħtik. Il-materjal m’għandux emozzjonijet. Lanqas ħsieb. U, wisq aktar, ma joħlomx. Ma jiddiskutix. Ma joffrix viżjoni għall-ġejjieni. Fejn tqiegħdu joqgħod. U la se jgħidlek si u lanqas no.

Huma ħafna l-weġgħat li nisma’ l-għaliex persuni ġew imweġġa’ fl-imħabba. Ħasbu li jekk se jafdaw kollox fi bniedem wieħed jew bniedma waħda se jsibu l-milja ta’ dak li huma. Jew aħjar il-milja ta’ dak li ġew maħluqa għalih. Ejjew ma nilludux ruħna! Aħna min aħna, nilbsu qasir inkella twil, bil-qmis miftuħa jew magħluqa b’kullar, ġejna maħluqa mill-IMĦABBA. Minn Alla-Trinità. Minn Alla li jħobb lilu nnifsu bħala Missier, Iben u Spirtu s-Santu. U qatt sulu sulu! Dik mhix imħabba. L-imħabba dejjem titlob relazzjoni. Għalhekk mela li inkunu qed ngħidu ftit wisq meta ngħidu li Alla huwa sempliċiment wieħed. U daqshekk! Biex ma noffendu lil ħadd. Wara kollox f’dan m’hemmx toffendi. L-għaliex jekk ma nsemmux din ir-rejaltà li Alla huwa Trinità l-qlub tagħna għatxana għall-imħabba aqta’ kemm jgħajtu u jqattgħu xaharhom! Bħalma jagħmlu meta mħabba ma nsibux!

Huwa l-għaliex Alla li ħalaqna huwa Trinità li jiena u int insibu nies oħra li lilhom aħna nagħtuhom l-imħabba u nistennew mingħandhom li huma jħobbuna lura. Huwa l-għaliex Alla huwa Trinità, u ħalaqna bħalu, biex nagħtu u nirċievu l-imħabba, li jien u int infittxu li nibnu relazzjonijiet sbieħ mal-oħrajn. Għax bħalma l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu ma jistgħux jgħixu flimkien jekk ma jħobbux u ma jikkomunikawx ma’ xulxin daqshekk ieħor int u jien ma nistgħux ngħixu flimkien jekk ma nikkomunikawx l-imħabba lil xulxin.

Dan turiehulna l-mediċina stess. Għalkemm minix xi studjuż tal-mediċina l-esperjenza tiegħi mal-morda fl-Isptar Mater Dei tgħallimni kuljum li min jingħalaq għall-imħabba u jwebbes qalbu għaliha saħħtu tmur lura bħall-granċ. Minfejn jiġu dawk l-ulċeri fl-istonku? Inkella dak l-uġiegħ ta’ ras qawwi? Inkella meta l-qalb taħrab ħarba nobis? Minfejn jitla’ z-zokkor inkella l-pressjoni tispara m’għola s-sema? Kull tabib jgħidlek li l-inkwiet idgħajjef sewwa s-saħħa tagħna. Mela ma tridx tkun xi professur biex tintebaħ kemm l-imħabba vera tgħin lil saħħitna timxi ‘l quddiem. U kemm in-nuqqas tagħha jitfa’ lil saħħitna lura bħall-granċ.

Xi ħadd bgħattli dan il-clip fuq Madre Tereża. Meta ixxerjajtu aqta’ kemm qlajt likes! Madre Tereża tgħid hekk f’dan il-clip:

Minn fejn tibda’ din l-imħabba? Mill-familja tagħna. F’darna. U kif tibda’? Billi nitolbu flimkien. Il-familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien. U jekk tibqgħu flimkien intom se tħobbu lil xulxin bħalma l-Mulej jħobb lil kull wieħed u waħda minnkom. Illum fid-dinja hawn tant tbatija minħabba dak il-bżonn tat-talb u tal-għaqda fil-familja. U allura illum, meta aħna flimkien, ejjew nagħmlu wegħda soda: li nġibu mill-ġdid it-talb fil-familja. Li se ngħallmu lil uliedna jitolbu. U li nitolbu magħhom. U taraw il-ferħ, l-imħabba u l-paċi li se jiġu fi qlubkom. L-għaliex il-frott tat-talb huwa l-approfondiment tal-fidi. U l-frott tal-fidi hija l-imħabba. U l-frott tal-imħabba huwa l-qadi. U l-frott tal-qadi hija l-paċi. Għemejjel ta’ mħabba huma għemejjel ta’ paċi.

… Dak clip! …

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: