Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Aħjar Alla jiġborni!

Aħjar Alla jiġborni!


Aktar ma nikber fiż-żmien u nitqawwa mid-daqs, (u proprju għalhekk li nibqa’ nitlob li lill-Mulej iqawwini fl-Ispirtu tiegħu), dejjem nibqa’ nirrepetieha. L-għaliex inqisha importanti u b’responsabbiltà enormi li naqsamha magħkom ħbieb: Kieku kull wieħed u waħda minna jqatta’ imqar ġurnata fl-Isptar u jara t-tbatijiet ta’ ħutna l-morda kieku nofs il-ksuħat li għandna aqta’ kif ineħħuhom!

U l-għaliex ksuħat? Meta l-bniedem ikollu dak li jinħtieġ, isib il-platt quddiemu, għandu saqaf taħt rasu, allura għandu ċ-ċans jħalli lill-moħħu jaħseb fuq ħwejjeġ oħra. Imma, ngħid jien, jekk għandna, Alla jbierek, il-ħobżna ta’ kuljum, l-għaliex hawn daqshekk nuqqas ta’ ferħ fostna? Xi jiem ilu għamilt mħatra miegħi innifsi u qgħadt ngħodd ftit kemm-il wiċċ daħkani se nara mal-ħafna nies li magħhom niltaqa’. Ħbieb, ma rridx nilludikom. Iżda bqajt deluż ħafna. Kienu ftit u ftit wisq in-nies li sibt ferħana!

Minn naħa l-oħra għamilt ftit il-kalkolu ta’ kemm nies hawn li jiċċassaw lejn l-iscreen tal-plastik tal-mobile. Darba minnhom, f’Mater Dei, għodu għodu, bqajt letteralment sorpriż kemm kien hemm minnhom! Kważi n-nies kollha li magħhom iltqajt f’dik l-għodwa kienu iċċassati lejn l-iscreen tal-mobile! Għalhekk, imbellaħ, staqsejt lili nnifsi: “Għaliex dan? Għaliex qed inqattgħu tant ħin ma’ dan il-wiċċ tad-dinja virtwali u, meta nsibu l-wiċċ uman, minflok li ninħallu warajh u nifirħu bih, bħalma ninħallu quddiem il-wiċċ virtwali tal-¬mobile, arana nirrabjaw u nieklu wiċċ xulxin? Inkella nagħmlu l-boycotts u ma nkellmux lil xulxin? Għaliex m’għandix ħin għalik? Għax għandi x’nagħmel? U allura twaqqafnix jekk ma tridx li ngħaddi minn fuqek?

Nervi. Nervi. Nervi… L-għaliex mill-mobile stedintek tgħaddi għal wiċċ uman! Iżda anki f’dan il-post, ta’ tant bżonn, is-susa daħlet ukoll. Is-susa li ninħbew wara d-dinja virtwali. Mhux sempliċiment biex ma nurux minn aħna. Imma hekk, l-għaliex il-kuntatt ma’ wiċċ uman ieħor lilna tant jisfidana. L-għaliex, fil-wiċċ uman, hemm affarijiet ħej li qiegħdin fija. U meta int jiftillek tgħidihomli aqta’ kif iġġibni dahri mal-ħajt! Esprimejt delużjoni! Issemmilix! L-għaliex anki jien għandi d-delużjonijiet tiegħi! Taqlagħlix paroli! Tiftaħlix kotba!

Imma l-Isptar jurina li rridu nwarrbu l-mobiles tagħna f’ġenb. Almenu għal ftit ħin! Biex nidħlu ftit u naraw lill-pazzjenti tagħna li tant għandhom bżonn tal-preżenza tagħna. Xi jiem ilu kelli konferma li l-mirakli għadhom jeżiżtu. Minix qed nirreferi għall-mirakli babaw tafux! Dawk ukoll għadhom iseħħu. U jseħħu bil-qabda! Imma għall-miraklu meta l-Mulej ikun iridek tiltaqa’ ma’ dik il-persuna. U proprju ma’ dik u ma ħadd aktar!

Mela dħalt f’sala. Jien mingħalija li din il-pazzjenta kienet fit-tali sodda tat-tali numru. U x’ġara? Għaddejt minn kamra ħdejn il-bieb tad-dħul tas-sala. Kont se nibqa’ għaddej u kollox iżda xi ħaġa ġibdittni lura. Ma nafx l-għaliex imma ħassejt li kelli nobdi, bħal tifel żgħir, dak li ħassejt f’dak il-ħin. U mnalla tafux! L-għaliex quddiemi sibt il-persuna li kelli nżur.

Dħalt ħdejha. Magħha kien hemm persuna oħra. Bqajt imbellaħ kif, minn naħa ta’ ġewwa nett tal-kamra, il-pazzjenta għarfittni. Anki jekk, miskina, magħdura. Kif wasalt ħdejha bdejt nitħaddet magħha. U staqsejtha, bħalma nħobb nistaqsi s-soltu. “Kif tħossok?” Ma kinitx mistoqsija! Għax in-niċċa inħarqet u l-murtal il-kbir spara ‘il fuq ‘il fuq! “Aħjar Alla jiġborni!” X’bomba dik! U għandha raġun ħbieb! Uħud minna għandna ma nafux x’jiġifieri tispiċċa msallab ma’ sodda u tiddependi minn ħaddieħor. Uħud minna għadhom lanqas xammu l-esperjenza ta’ filli tkun tiflaħ taqleb kantuniera u filli tispiċċa ħaxixa. Hemm! Tiddependi mill-ħniena tal-Mulej murija lilek minn qlub li għandhom il-qalb jiftħu qalbhom għalik!

Aħjar Alla jiġborni! Hekk qaltli din il-mara titkgħawweġ fit-tbatija tagħha. Imma qabel jiġbrok jiena wkoll nista’ niġbrok f’qalbi u f’talbi. Jiena wkoll nista’ niġi nżurek. Infarrġek. Mhux bil-kliem daqskemm bl-imħabba, bl-għożża u bir-rispett li nuri lejk. Jiena wkoll niġbrok f’talbi biex il-Mulej jagħtik il-kuraġġ tiegħu ħa timxi l-aħħar biċċa tal-Golgota tiegħek fil-paċi.

Hemm ara xi ġmiel meta ninfattmu mill-wiċċ virtwali tal-mobile u niltaqgħu mal-wiċċ uman ta’ Ġesù li għadu jbati fostna! Kemm ksuħat inneħħu! Kemm insiru saqajna mal-art!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: