Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Meta gidmittni

Meta gidmittni


Kemm hi ħelwa! Bajda bajda! Imżaqqa imżaqqa! X’ħin tarani tgħidx kemm jibda’ jferfer denbha! U, bil-ferħ li jkollha, ġieli anki qbadtha iddur fuqha innifsha! Veru kelba tal-kummiedja! Daqskemm tibda’ tifraħ tibda’ taqbeż u titriegħed! U dażgur! Huwa tkun taf li ġejja x-xalata!

Jaħasra! Mank jifirħu bija daqshekk! Abbli int qed tgħid bħali wkoll, fil-qalba ta’ qalbek. Int iċċekkja ftit ħa tara? Naf ħi! Ikun hemm min jitriegħed meta jarana. Tgħid bil-ferħ? Jew inkella b’xi ħaġa oħra? Issa dan ma nafux daqskemm ma tafux int. U, wara kollox, għalfejn għandna ninkwetaw? Ejjew inħallu kollox f’idejn il-Mulej Ħanin li jara dak li hemm fil-qlub u l-ġudizzju tiegħu huwa tassew rett! U tant rett li m’għandux bżonn l-appell. X’taħseb ħi?

Issa ħa nkompli naqra fuqha … X’ħin tibda’ togħla maċ-ċoqqa tiegħi tibda tmexxini għas-sufan! Għax is-sufan ifisser il-logħob bil-ballun. U jien, li nibqa’ nifraħ magħha, għalkemm s’issa qatt ma rnexxieli ndur fuqi nnifsi bħalha, nibda’ nwaddbilha l-ballun. Ħaġa tal-għaġeb! Aktar ma nwaddabulha fil-bogħod aktar din il-kelba toħroġ sparata għalih! Ġieli, għax inħobb ninkieha xi ftit, noqgħod naħbiehulha. Għall-ewwel tibda’ tfittxu. Ħa tara fejn qiegħed. Imbagħad, meta t-temperatura tibda’ titlagħlha, aqta’ kemm tibda tinbaħ! U jien, irrid jew ma rridx, ikolli noqgħod għall-ordni tagħha. Ma ninsewx,… din kelba!

Intant … Inwaddbilha l-ballun. Imma, jiġi x’jgħidli, u int titfagħuliex għalissa? Allura x’tagħmel is-sinjorina? Ħeqq! Tiġi tiġri u tibda’ iddur miegħi bħal żugraga. Titla’ fuq dan l-imbierek sufan. U tibda’ iddurli l-bwiet kollha taċ-ċoqqa. U anki dak ta’ quddiem! Jiġifieri tal-pettolina. Issa waqt dan ir-rambaġġ kollu tibda’ twaqqa sufha wkoll. Tibżax! Nintebaħ! L-għaliex, minn Franġiskan, iġġibni Dumnikan! L-għaliex sufha abjad! Għalhekk, lil sidienha, nħobb ngħidilhom: “Jiena l-Mulej veru jħobbni. L-għaliex libbisni ċ-ċoqqa ta’ żewġ ordnijiet, dak Franġiskan u dak Dumnikan”. Bilħaqq! Taf li ma nkunx qed ngħid ħażin? L-għaliex lid-Dumnikani aħna l-Franġiskani ngħidulhom ħutna. U għalina San Duminku hu Missierna wkoll. Bħalma, għad-Dumnikani, missierhom hu San Franġisk! U l-aħwa mhux flimkien ikunu?

Ħa nerġgħu issa mmorru għal dik l-imbierka. Minflok ma ngħidlha, xadina! Darba minnhom ma nafx x’taha. Kont qed nilgħab magħha. Bħas-soltu. Imma, f’dak il-jum, kienet sħana kbira. Anki jien bdejt nitnerves. Kont qed immellisha. Issa naf kemm hi dan it-tmellies tħobbu. Ajma! Daqskemm tħobb titfissed! U aqtgħu x’ġara? Dak li qatt ma ġara minn kemm ilni nafha. Iż-żewġt iswaba’ ta’ idi l-leminija spiċċaw taħt snienha. Is-sinjorina ma qagħdet taħsibha xejn tafux. Minflok li fajritli daqqa bil-maqlub fuq ħaddejja gidmitni!

F’dan il-ħin ksaħt! Għalkemm ġewwa fija ħassejtni bħal wieħed li qala’ daqqa ta’ ponn tajba meta ma kienx qed jistennieha. F’daqqa waħda telagħtli pop up kerha dagħwa f’moħħi. Issa, lil din il-kelba ħelwa u ċkejkna bdejt naraha dinożawru. U snienha, ħelwin ħelwin, bdejt issa narahom kbar u ippuntati daqs dawk tax-xark! Mela kull nejba daqshiex!

F’dak il-mument tassew li ħbatt nippanikja. Kont se naqbad nitlaq niġri u nitbiegħed minn dik id-dar. Għax kif għamlitli werwrittni. Imma, x’ħin kont se nagħmel hekk, telagħli ħsieb ieħor f’moħħi. Bdejt niftakar f’dawk li fil-ħajja jingidmu. Xi trawma hux meta xi ħadd jigdmek. Meta xi ħadd jagħtik dik id-daqqa ta’ stallett meta ma tkunx qed tistennieha. Lanqas f’mitt sena! Imma ħbieb dawn il-ħwejjeġ iseħħu tassew! U jseħħu biex minnhom nitgħallmu.

Niftakar li, f’dik illejla, wara li tlabna t-talba flimkien, lilha beriktha bl-ilma imbierek bħas-soltu. Imma għajnejha ma stajt ninsiehom qatt. Kemm kienu miksurin! Tgħid min jigdem l-għaliex ikun ħażin jew ħażina jew l-għaliex ikollu għajnejh jew għajnejha miskurin? Tgħid kien hemm xi ħaġa li kienet qed iddejjaqha?

Misteru l-bniedem aħseb u ara kelba! Madankollu ħaġa waħda naf: li xorta waħda se nibqa’ nħallieha tilgħab miegħi. U nagħtiha l-imħabba u l-attenzjoni li għandha bżonn. L-għaliex, dak id-denb iferfer u dik id-dawra durella li tagħmel fuqha nnifisha ma nista’ naqlagħhom b’xejn minn moħħi u, … minn qalbi! Anki jekk … gidmittni!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: